Padre Lombardi: Intant, nirringrazzjaw ħafna lill-Papa li jinsab hawn: wara vjaġġ hekk impenjattiv, qiegħed għad-dispożizzjoni tagħna biex jiltaqa’ magħna. Għalhekk, aħna grati ħafna lejh.
Allura, organizzajna ruħna – organizzaw ruħhom waħidhom, l-aġenti ta’ l-informazzjoni – f’xi gruppi ta’ lingwi prinċipali, li qed jippreżentaw xi persuni biex jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom. Jien ma poġġejtx limiti għax naf li int trid tilħaq lil kulħadd, u sakemm ma tridx tgħid xi ħaġa int fil-bidu… nibdew inwieġbu l-mistoqsijiet.
Mela, l-ewwel mistoqsija ġejja mill-grupp Taljan.
D. – Santità, f’dawn il-jiem int għamilt ġesti li ġrew mad-dinja kollha: idek fuq il-ħajt ta’ Betlehem, is-sinjal tas-salib, il-bewsa lill-vittmi li baqgħu ħajjin mill-Olokawst, il-lum fil-Yad Vashem, imma anki l-bewsa fil-Qabar Imqaddes il-bieraħ, flimkien, fl-istess ħin ma’ Bartilmew, u tant oħrajn. Ridna nistaqsuk jekk dawn il-ġesti kollha kontx ħsibthom, ridthom minn qabel; għaliex ħsibthom, u mbagħad liema sa jkunu, skond int, il-kosegwenzi ta’ dawn il-ġesti, barra – naturalment – l-ikbar wieħed li stedint lil Peres u Abu Mazen il-Vatikan…
R. (Il-Papa) – Il-ġesti, dawk l-aktar awtentiċi, huma dawk li ma jinħasbux, dawk li jiġu hekk, le? Jien ħsibt: tista’ ssir xi ħaġa…; imma l-ġest konkret, l-ebda wieħed ma nħaseb hekk. Xi affarijiet, ngħidu aħna l-istedina liż-żewġ Presidenti għat-talb, dak kien maħsub li jsir hemm, imma kien hemm tant problemi loġistiċi, wisq, għax huma jridu jqisu anki t-territorju, fejn isir, u m’hux faċli. Għalhekk, ħsibna f’laqgħa… imma fl-aħħar ħarġet din l-istedina, li nittama li tintlaqa’ tajjeb. Imma ma kinux maħsuba u… ma nafx, jiġini li nagħmel xi ħaġa, imma hi spontanja, hekk. Ta’ l-inqas, biex ngħid il-verità, xi ħaġa… “imma, hemm tista’ ssir xi ħaġa”, imma l-konkret ma jiġinix f’moħħi. Ngħidu aħna, fil-Yad Vashem, xejn; imbagħad ġie. Hekk.
Padre Lombardi: Tajjeb. Ngħaddu għat-tieni mistoqsija min-naħa tal-grupp ta’ lingwa Ingliża.
D. – Int tkellimt iebes ħafna kontra l-abbuż sesswali tal-minuri min-naħa tal-kleru, tal-qassisin. Ħloqt kummissjoni speċjali biex taffronta aħjar din il-problema fuq livell ta’ Knisja universali. Fil-prattika: il-lum nafu li fil-Knejjes lokali kollha hemm normi li jimponu obbligu morali qawwi u spiss legali f’kollaborazzjoni ma’ l-awtoritajiet ċivili lokali, b’xi mod jew ieħor. X’tagħmel int f’każ li jkun hemm isqof li b’mod ċar ma jkunx onora, ma jkunx osserva dawn l-obbligi?
R. – Fl-Arġentina, għall-ipprivileġġjati ngħidu: “Dan it-tifel tal-papà”. F’din il-problema mhux sa jkun hemm tfal tal-papà. F’dan il-mument, hemm tliet isqfijiet taħt indaġni: taħt indaġni, tlieta, u wieħed minnhom diġà hu kkundannat u qed tiġi vvalutata l-piena li trid tingħata. M’hemmx privileġġi. Dan l-abbuż tal-minorenni hu reat ikrah ħafna, ħafna… Aħna nafu li hu problema gravi kullimkien, imma lili tinteressani l-Knisja. Saċerdot li jagħmel hekk, ikun jittradixxi l-Ġisem tal-Mulej, għax dan is-saċerdot għandu jwassal lil dan it-tifel, din it-tifla, dan il-ġuvni, din it-tfajla għall-qdusija; u dan it-tifel, din it-tifla tafda fih, u dan minflok li jwassalhom għall-qdusija, jabbuża minnhom. U dan hu gravi ħafna! Hu propju bħal… sa nagħmel paragun wieħed: qisek qed tagħmel Quddiesa sewda, ngħidu aħna. Int għandek twasslu għall-qdusija u minflok iddaħħlu fi problema li tibqa’ miegħu ħajtu kollha… Dalwaqt nagħmel Quddiesa ma’ xi persuni li ġew abbużati, f’Santa Marta, u mbagħad laqgħa magħhom: jien u huma, mal-Kardinal O’Malley li hu fil-kummissjoni. Imma fuq dan irridu nibqgħu mexjin, ’il quddiem: tollerenza xejn.
Padre Lombardi: Grazzi ħafna, Santità. Mela, issa l-grupp ta’ lingwa Spanjola.
D. – Sa mill-ewwel jum tal-pontifikat tiegħek, int bgħatt dan il-messaġġ qawwi ta’ Knisja fqira u għall-foqra, fqira fis-sempliċità, l-awsterità. X’tixtieq tagħmel biex ma jkunx hemm kontradizzjonijiet għal dan il-messaġġ ta’ awsterità? (Il-mistoqsija kienet qed tirriferi għal sitwazzjonijiet li kienu fiċ-ċentru tad-diskussjoni fl-aħħar żmien, fosthom l-operazzjoni ta’ ħmistax-il miljun ewro fl-IOR [il-Bank tal-Vatikan]).
R. – Il-Mulej Ġesù darba qal hekk lid-dixxipli tiegħu – dan fil-Vanġelu – “Ma jistax ikun li ma jingħatawx skandli”. Aħna bnedmin, kollha midinbin. U sa jkun hemm, sa jkun hemm. Il-problema hi kif nevitaw li jsiru iżjed! Fl-amministrazzjoni ekonomika, irridu onestà u trasparenza. Iż-żewġ kummissjonijiet, dik li studjat l-IOR u l-kummissjoni li studjat il-Vatikan kollu, waslu għall-konklużjonijiet tagħhom, issuġġerew pjanijiet u issa, mal-ministeru, biex ngħidu hekk, mas-Segreterija ta’ l-Ekonomija mmexxija mill-Kardinal Pell, se jsiru r-riformi li dawn il-kummissjonijiet issuġġerew. Imma sa jkun hemm inkonsistenzi, dejjem sa jkun hemm, għax aħna bnedmin, u r-riforma trid tkun kontinwa. Missirijiet il-Knisja kienu jgħidu: Ecclesia semper reformanda. Irridu noqogħdu attenti biex nirriformaw il-Knisja kuljum, għax aħna midinbin, aħna dgħajfa u problemi sa jkun hemm. L-amministrazzjoni li din is-Segreterija ta’ l-Ekonomija qed tmexxi, sa tgħin ħafna biex nevitaw l-iskandli, il-problemi… Ngħidu aħna, fl-IOR naħseb li sa issa ġew magħluqa ftit jew wisq 1,600 kont, ta’ persuni li ma kellhomx dritt li jkollhom kont fl-IOR. L-IOR qiegħed hemm biex jgħin lill-Knisja, għandhom dritt għalih l-Isqfijiet tad-djoċesijiet, dawk li jaħdmu l-Vatikan, ir-romol tagħhom biex jieħdu l-pensjoni… Hu magħmul għal hekk. Imma m’għandhomx dritt għalih persuni privati oħra… L-ambaxxati, sakemm iddum l-ambaxxata, u xejn iżjed. M’hux ħaġa miftuħa. U din biċċa xogħol tajba: li jingħalqu l-kontijiet ta’ min m’għandux dritt għalihom. Irrid ngħid ħaġa: fil-mistoqsija li int għamilt, semmejt dik l-affari tal-ħmistax-il miljun. Hi ħaġa li qed tiġi studjata, m’hix ċara dik il-ħaġa. Forsi joħroġ li hi minnha, imma f’dan il-mument m’hix defenittiva dik il-problema: qiegħda tiġi studjata, biex inkun ġust. Grazzi.
Padre Lombardi: Allura, issa nħallu l-kelma f’idejn il-grupp ta’ lingwa Franċiża.
D. – Santità, wara l-Lvant Nofsani, issa nerġgħu lura l-Ewropa. M’intix imħasseb bil-mod kif qed jikber il-populiżmu fl-Ewropa, kif reġa’ deher il-bieraħ fl-elezzjonijiet Ewropej?
R. – F’dawn il-ġranet, bilkemm kelli ċans nitlob il-Missierna…, imma ma segwejt xejn mill-elezzjonijiet, verament. M’għandix id-dettalji, min rebaħ, min ma rebaħx. Ma kellix aħbarijiet. Il-populiżmu f’liema sens, tgħidli waħda int?
D. – Fis-sens li l-lum ħafna Ewropej qed jibżgħu, jaħsbu li m’hemmx futur fl-Ewropa. Hemm ħafna qgħad u l-partit anti-Ewropew kiber ħafna f’dawn l-elezzjonijiet…
R. – Dan l-argument smajtu. Ta’ l-Ewropa, tal-fiduċja jew ta’ l-isfiduċja fl-Ewropa. Anki dwar l-ewro, xi wħud iridu jerġgħu lura… Fuq dawn l-affarijiet jien ma tantx nifhem. Imma int għidt kelma li hi ċavetta: il-qgħad. Dan hu gravi. Hu gravi għax jien ninterpretah hekk, u ħa nissimplifika. Aħna qed ngħixu f’sistema ekonomika dinjija fejn fiċ-ċentru hemm il-flus, m’hemmx il-bniedem. F’sistema ekonomika vera, fiċ-ċentru għandu jkun hemm ir-raġel u l-mara, il-bniedem. U l-lum, fiċ-ċentru hemm il-flus. Biex issostni lilna nfisha, biex tibbilanċja ruħha, din is-sistema tieħu ċerti miżuri “ta’ skart”. U jintremew it-tfal – ir-rata ta’ twelid fl-Ewropa ma tantx hi għolja! Naħseb li l-Italja għandha l-1.2%; Franza għandkom 2, ftit iżjed; Spanja, inqas mill-Italja: ma nafx tasalx sal-1… Jintremew it-tfal. Jintremew l-anzjani: ma jiswewx, ix-xjuħ, fis-sistema ekonomika tal-lum, bħalissa, imorru jżuruhom għax huma pensjonanti u għandhom bżonn, imma hi ħaġa ta’ issa. L-anzjani narmuhom, anki b’sitwazzjonijiet ta’ ewtanasja moħbija, f’tant pajjiżi. Jiġifieri, jibqgħu jagħtuhom il-mediċini sa ċert punt, hekk hu… U bħalissa qed jintremew ukoll iż-żgħażagħ, u dan hu gravi tassew: hu gravi ħafna. Fl-Italja, naħseb li l-qgħad fost iż-żgħażagħ hu kważi 40%, m’iniex ċert; fi Spanja, ċert, hu fuq 50. U f’Andalusia, fin-Nofs in-Nhar ta’ Spanja, 60! Dan ifisser li għandna ġenerazzjoni sħiħa ta’ “la-lanqas”: la jistudjaw, lanqas jaħdmu, u dan hu gravi ħafna! Qed tiġi mormija ġenerazzjoni sħiħa ta’ żgħażagħ. Għalija, din il-kultura ta’ l-iskart hi gravi ħafna. Imma dan m’hux biss fl-Ewropa, xi ftit jew wisq hu kullimkien, imma fl-Ewropa jinħass qawwi. Isir il-paragun, għaxar snin ilu, mal-kultura tal-ġid. U din it-traġedja. Hu żmien iebes. Hi sistema ekonomika li m’hix umana. Fl-Eżortazzjoni Evangelii gaudium ma bżajtx niktbu dan: din is-sistema ekonomika hi qattiela. U ntennih issa. Ma nafx qrobtx xi ftit lejn it-tħassib tiegħek… Grazzi.
Padre Lombardi: Mela, issa għandna l-grupp ta’ lingwa Portugiża.
D. – Santità, nixtieq nistaqsik: kif tista’ tissolva l-“kwistjoni Ġerusalemm” biex tinkiseb paċi stabbli, kif għidt int, u li ttul? Grazzi.
R. – Hemm ħafna proposti fuq il-kwistjoni ta’ Ġerusalemm. Il-Knisja Kattolika, il-Vatikan, biex ngħidu hekk, għandu l-pożizzjoni tiegħu mil-lenti reliġjuża: għandha tkun il-Belt tal-paċi tat-tliet reliġjonijiet. Dan mil-lenti reliġjuża. Il-miżuri konkreti għall-paċi għandhom joħorġu min-negozjat. Wieħed irrid jinnegozja. Jien naqbel li l-negozjat joħroġ dan: tkun il-kapitali ta’ Stat, ta’ l-ieħor… Imma dawn huma ipoteżijiet. Jien ma ngħidx: “Għandu jkun hekk”, le, huma ipoteżijiet li huma għandhom jinnegozjaw. Verament, jien ma nħossnix kompetenti ngħid: “Għandu jsir hekk jew hekk jew hekk”, għax tkun ġennata min-naħa tiegħi. Imma nemmen li b’onestà, fratellanza, fiduċja reċiproka wieħed għandu jfittex it-triq ta’ l-innegozjar. U hemm jiġi nnegozjat kollox: it-territorju kollu, anki r-relazzjonijiet. Hu meħtieġ kuraġġ, biex tagħmel dan, u jien nitlob ħafna lill-Mulej biex dawn iż-żewġ Mexxejja, dawn iż-żewġ Gvernijiet ikollhom il-kuraġġ li jimxu ’l quddiem. Din hi l-unika triq tal-paċi. Ngħid biss dak li l-Knisja għandha tgħid u dejjem qalet: Ġerusalemm, li tiġi mħarsa bħala kapitali tat-tliet reliġjonijiet, bħala punt ta’ riferiment, bħala belt tal-paċi – tiġini f’ħalqi anki l-kelma “qaddisa”, imma m’hix il-kelma t-tajba – imma tal-paċi u reliġjuża.
Padre Lombardi: Grazzi, Santità. Issa nitolbu jersaq ir-rappreżentat tal-lingwa Ġermaniża.
D. – Grazzi, Santità. Matul il-pellegrinaġġ tiegħek, int tkellimt fit-tul u ltqajt iżjed minn darba mal-Patrijarka Bartilmew. Aħna qed nistaqsu jekk tkellimtux ukoll fuq passi konkreti ta’ tqarrib, u jekk kellkomx okkażjoni titkellmu anki fuq dan. Nistaqsi wkoll jekk forsi l-Knisja Kattolika tistax titgħallem xi ħaġa mill-Knejjes Ortodossi – qed nirriferi għas-saċerdoti miżżewġa, mistoqsija li tagħfas fuq ħafna Kattoliċi, fil-Ġermanja. Grazzi.
R. – Imma l-Knisja Kattolika għandha saċerdoti miżżewġa, le? Il-Kattoliċi Griegi, il-Kattoliċi Kopti… le? Għandna, fir-rit Orjentali, għandna saċerdoti miżżewġa. Għax iċ-ċelibat m’hux domma ta’ fidi, hu regola ta’ ħajja li jien napprezza ħafna u nemmen li hu don għall-Knisja. La m’hux domma ta’ fidi, il-bieb hu dejjem miftuħ: bħalissa ma tkellimniex dwar dan, bħala programm, ta’ l-inqas għalissa. Għandna affarijiet iktar kbar x’nagħmlu. Ma’ Bartilmew, dan is-suġġett ma missejniehx, għax hu sekondarju, verament, fir-relazzjonijiet ma’ l-Ortodossi. Tkellimna dwar l-għaqda: imma l-għaqda ssir tul it-triq, l-għaqda hi mixja. Aħna qatt ma nistgħu naslu għall-għaqda f’xi kungress tat-teoloġija. U hu qalli li hu minnu dak li jien kont naf, li Atenagora lil Pawlu VI qallu: “Aħna nimxu flimkien, fis-sliem, u lit-teologi kollha nitfgħuhom fuq gżira, ħa joqogħdu jiddiskutu bejniethom hemm, waqt li aħna nimxu fil-ħajja!”. Hu minnu, jien ħsibt li kienet… Le, le, hu minnu. Qalhieli f’dawn il-jiem Bartilmew. Nimxu flimkien, nitolbu flimkien, naħdmu flimkien f’tant ħwejjeġ li nistgħu nagħmlu flimkien, ngħinu lil xulxin. Ngħidu aħna, bil-knejjes. F’Ruma, u f’tant bliet, ħafna Ortodossi jużaw knejjes Kattoliċi f’dan il-ħin jew fl-ieħor, bħala għajnuna biex nimxu flimkien. Ħaġa oħra li tkellimna dwarha, li forsi fil-Kunsill pan-Ortodoss tista’ ssir xi ħaġa fuqha, hi d-data ta’ l-Għid, għax din hi xi ftit redikola: – Għidli, Kristu tiegħek meta jqum? – Il-ġimgħa d-dieħla – Tiegħi qam li għaddiet… Iva, id-data ta’ l-Għid hi sinjal ta’ għaqda. U ma’ Bartilmew nitkellmu bħal aħwa. Inħobbu lil xulxin, nirrakkuntaw lil xulxin id-diffikultajiet li nsibu fit-tmexxija tagħna. U, ħaġa li dwarha tkellimna mhux ħażin hi l-problema ta’ l-ekoloġija: hu mħasseb ħafna, u jien ukoll; tkellimna mhux ħażin dwar kif flimkien nistgħu naħdmu fuq din il-problema. Grazzi.
Padre Lombardi: Mela, issa, billi m’aħniex biss Ewropej jew Amerikani, jew il-bqija, imma anki Asjatiċi, ejjew inħallu hawn jagħmel mistoqsija lil rappreżentat tal-grupp Asjatiku, billi nafu li int qed tipprepara biex tagħmel xi vjaġġi fl-Asja.
D. – Il-vjaġġ li jmiss tiegħek sa jkun fil-Korea ta’ Isfel, u għalhekk irrid nagħmillek mistoqsija dwar ir-reġjuni Asjatiċi. F’pajjiżi qrib il-Korea ta’ Isfel m’hemmx libertà tar-reliġjon u lanqas libertà ta’ espressjoni. X’taħseb li tista’ tagħmel favur il-persuni li qed ibatu dawn is-sitwazzjonijiet?
R. – Dwar l-Asja, hemm ipprogrammati żewġ vjaġġi: dan tal-Korea ta’ Isfel, għal-laqgħa taż-żgħażagħ Asjatiċi, u mbagħad, f’Jannar li ġej, vjaġġ ta’ jumejn fis-Sri Lanka u mbagħad fil-Filippini, fiz-zona milquta mit-tifun. Il-problema tal-libertà tal-prattika tar-reliġjon m’hix qiegħda biss f’xi pajjiżi Asjatiċi: f’xi wħud minnhom, iva, imma anki f’pajjiżi oħra tad-dinja. Il-libertà reliġjuża hi ħaġa li mhux il-pajjiżi kollha għandhom. Xi wħud għandhom kontroll ftit jew wisq ħafif, trankwill, oħrajn jadottaw miżuri li jispiċċaw f’vera persekuzzjoni ta’ dawk li jemmnu. Għandna l-martri! Għadna l-martri, il-lum, martri Nsara. Kattoliċi u m’humiex, imma martri. U f’xi postijiet ma tistax iġġorr Kurċifiss jew ma jistax ikollok Bibbja. Ma tistax tgħallem il-katekiżmu lit-tfal, il-lum! U jien nemmen – u ma naħsibx li qed niżbalja – li f’dan iż-żmien għandna iżjed martri milli kellna fl-ewwel żminijiet tal-Knisja. Jeħtieġ nersqu qrib, f’xi postijiet bi prudenza, biex immorru ngħinuhom; irridu nitolbu ħafna għal dawn il-Knejjes li qed ibatu: qed ibatu ħafna. U anki l-Isqfijiet, anki s-Santa Sede taħdem b’diskrezzjoni biex tgħin lil dawn il-pajjiżi, l-Insara ta’ dawn il-pajjiżi. Imma m’hix ħaġa ħafifa. Ngħidu aħna, ħa ngħidlek ħaġa. F’pajjiż partikulari hu pprojbit li titlob flimkien: hu pprojbit. Imma l-Insara li jgħixu hemm iridu jiċċelebraw l-Ewkaristija! U hemm wieħed, ħaddiem, li hu saċerdot. U jmur hemm, mal-mejda, taparsi qed jixorbu t-te, u jiċċelebraw l-Ewkaristija. Jekk jiġu l-pulizija, malajr jaħbu l-kotba u qed jieħdu t-te. Dan qed jiġri l-lum. M’hix faċli.
Padre Lombardi: …Mela nerġgħu naqbdu bis-serje tal-grupp tal-lingwa Taljana.
D. – Santità, int fil-pontifikat tiegħek qed tħabbat wiċċek ma’ għadd kbir ta’ impenji u dan qed tagħmlu anki b’mod intens ħafna, kif rajna f’dawn il-jiem. Jekk jum wieħed, ngħidu aħna f’jum imbiegħed, kellek tħossok li m’għadx għandek il-qawwa li twettaq il-ministeru tiegħek, taħseb li tagħmel l-istess għażla tal-predeċessur tiegħek, u allura tħalli l-pontifikat?
R. – Jien lest nagħmel dak li l-Mulej jgħidli nagħmel. Nitlob, infittex ir-rieda ta’ Alla. Imma jien nemmen li Benedittu XVI m’hux sa jkun l-uniku każ. Ġara li ma ħassux b’saħħtu u b’onestà – hu bniedem ta’ fidi, hekk umli – ħa din id-deċiżjoni. Jien nemmen li hu istituzzjoni. Sebgħin sena ilu, l-isqfijiet emeriti ma kinux jeżistu, kważi. U issa għandna ħafna. X’sa jiġri bil-Papiet emeriti? Jien nemmen li għandna nħarsu lejh qisna qed inħarsu lejn istituzzjoni. Hu fetaħ bieb, il-bieb tal-Papiet emeriti. Sa jkollna oħrajn jew le? Alla biss jafu dan. Imma dan il-bieb hu miftuħ: jiena nemmen li Isqof ta’ Ruma, Papa li jħoss saħħtu tonqsu – għax issa qed ngħixu ħafna iżjed – għandu jagħmel l-istess mistoqsijiet li għamel il-Papa Benedittu.
Padre Lombardi: Issa nerġgħu lura lejn il-gruppi ta’ lingwa Ingliża.
D. – Santità, propju l-lum int iltqajt ma’ grupp ta’ vittmi ħajjin ta’ l-Olokawst. Ovvjament, int taf tajjeb li figura li għadha tqanqal ċerta perplessità minħabba fir-rwol tagħha tul l-Olokawst hi dik tal-predeċessur tiegħek, il-Papa Piju XII. Qabel il-pontifikat tiegħek int ktibt u għidt li għandek stima kbira lejn Piju XII, imma li ridt ukoll tara l-arkivji miftuħa qabel tasal għal konklużjoni defenittiva. Għalhekk, nixtiequ nafu jekk għandekx intenzjoni tibqa’ miexi bil-kawża ta’ Piju XII, jew intix tistenna xi żvolta oħra fil-proċess qabel tieħu deċiżjoni. Grazzi.
R. – Grazzi lilek. Il-kawża ta’ Piju XII hi miftuħa. Jien infurmajt ruħi: għad m’hemm l-ebda miraklu, u jekk ma jkunx hemm miraklu, ma tistax timxi. Hi wieqfa hemm. Irridu nistennew ir-realtà, kif timxi r-realtà ta’ dik il-kawża, u mbagħad naħsbu biex nieħdu deċiżjoni. Imma l-verità hi din: m’hemm l-ebda miraklu u hu meħtieġ ta’ l-inqas wieħed għall-beatifikazzjoni. Dan hu kif tinsab bħalissa l-kawża ta’ Piju XII. U jien ma nistax naħseb: “Nibbeatifikah jew le?”, għax il-proċess jieħu ż-żmien tiegħu. Grazzi.
Padre Lombardi: Mela, issa mmorru l-Arġentina, mistoqsija oħra mill-grupp ta’ lingwa Spanjola.
D. – Int sirt mexxej spiritwali, anki mexxej politiku, u qed tiftaħ ħafna aspettattivi kemm fil-Knisja u kemm fil-komunità internazzjonali. Fil-Knisja, ngħidu aħna, x’sa jiġri mit-tqarbin lid-divorzjati li reġgħu żżewġu, u fil-komunità internazzjonali, minn din il-medjazzjoni li biha ssorprendejt id-dinja, li għaliha ħa tinżamm din il-laqgħa fil-Vatikan… Il-mistoqsija hi jekk tibżax minn falliment, meta qed tgħolli daqshekk l-aspettattivi: ma tibżax li jista’ jkun hemm xi falliment? Grazzi.
R. – L-ewwel sa niċċara ħaġa fuq din il-laqgħa fil-Vatikan: sa tkun laqgħa ta’ talb, mhux ħa ssir biex infittxu medjazzjoni jew soluzzjonijiet, le. Sa ninġabru fit-talb, biss. U mbagħad, kull wieħed imur lura lejn daru. Imma jien nemmen li t-talb hu importanti, u li nitolbu flimkien bla ma nagħmlu diskussjonijiet ta’ xi natura oħra, dan jgħin. Forsi jien ma spjegajtx ruħi tajjeb, l-ewwel, fuq kif għandha tkun. Ħa tkun laqgħa ta’ talb: ikun hemm rabbi, ikun hemm Musulman u jkun hemm jien. Tlabt lill-Kustodju ta’ l-Art Imqaddsa biex jorganizza ftit hu l-affarijiet prattiċi.
It-tieni, grazzi tal-mistoqsija dwar id-divorzjati. Is-Sinodu sa jkun fuq il-familja, fuq il-problema tal-familja, fuq l-għana tal-familja, fuq is-sitwazzjoni attwali tal-familja. L-espożizzjoni preliminari li għamel il-Kardinal Kasper fiha ħames kapitli: erbgħa fuq il-familja, l-elementi sbieħ tal-familja, il-bażi teoloġika, xi problematiċi familjari; u l-ħames kapitlu, il-problema pastorali tas-separazzjonijiet, ta’ l-annullamenti taż-żwiġijiet, id-divorzjati… F’din il-problema terġa’ tidħol dik tat-tqarbin. U jien ma ħadtx gost li tant persuni – anki fil-Knisja, saċerdoti – qalu: “Aħ, is-Sinodu ħa jsir biex jagħti t-tqarbin lid-divorzjati”, u baqgħu sejrin propju hemm, fuq dak il-punt. Jien ħassejt li qisu kollox kien qed jiġi ridott għal każistika. Le, il-ħaġa hi bil-wisq u wisq usa’. Il-lum, dan nafuh ilkoll, il-familja tinsab fi kriżi: fi kriżi dinjija. Iż-żgħażagħ ma jridux jiżżewġu u ma jiżżewġux u jikkoabitaw, iż-żwieġ qiegħed fi kriżi, u hekk il-familja. U jien ma rridx li nispiċċaw naqgħu f’din il-każistika: jista’ jsir hekk, ma jistax isir hekk?… Għalhekk grazzi ħafna ta’ din il-mistoqsija, għax tagħtini l-opportunità li niċċara dan. Il-problema pastorali tal-familja hi ħafna, ħafna wiesgħa, ħafna wiesgħa. U rridu nistudjaw każ każ. Ħaġa li l-Papa Benedittu qal tliet darbiet fuq id-divorzjati, lili tgħinni ħafna. Darba f’Valle d’Aosta, darba oħra f’Milan u t-tielet darba fil-Konċistorju, l-aħħar Konċistorju pubbliku li għamel għall-ħolqien tal-Kardinali: li għandna nistudjaw il-proċessi ta’ l-annullamenti taż-żwiġijiet, nistudjaw il-fidi li biha persuna tidħol għaż-żwieġ u niċċaraw li d-divorzjati m’humiex skomunikati, u ħafna drabi jiġu ttrattati qishom skomunikati. U din hi ħaġa serja. Din tal-każistika ta’ din il-problema, is-Sinodu sa jkun fuq il-familja: l-għana, il-problemi tal-familja. Soluzzjonijiet, annullamenti, dan kollu. U toħroġ ukoll din il-problema, imma flimkien ma’ oħrajn. Issa rrid ngħidlek għaliex Sinodu fuq il-familja: din kienet esperjenza spiritwali qawwija ħafna għalija. Fit-tieni xahar tal-pontifikat ġie għandi Mons. Eterovic, Segretarju – dak iż-żmien – tas-Sinodu, bit-tliet temi li l-Kunsill post-sinodali kien qed jipproponi għas-Sinodu li jmiss. L-ewwel waħda kienet b’saħħitha ħafna, tajba: dak li Ġesù Kristu għandu x’jagħti lill-bniedem tal-lum. Dan kien it-titlu. U f’kontinwazzjoni mas-Sinodu ta’ l-evanġelizzazzjoni. Għidtlu iva, tkellimna ftit fuq ir-riforma tal-metodoloġija, u fl-aħħar għidtlu: “Inżidu ħaġa oħra: dak li Ġesù Kristu għandu x’jagħti lill-bniedem tal-lum u lill-familja”. Qiegħed tajjeb. Imbagħad, fl-ewwel laqgħa tal-Kunsill post-sinodali, jien mort u rajt li kienu qed jużaw it-titlu sħiħ, komplut, imma bil-mod il-mod bdew jgħidu: “Iva, iva, x’għandu x’jagħti lill-familja”, “X’għandu x’jagħti Ġesù Kristu lill-familja”… u bla ma ntebħet, il-Kummissjoni post-sinodali spiċċat titkellem dwar il-familja. Jiena ċert li kien l-Ispirtu tal-Mulej li mexxiena sa l-għażla ta’ dan it-titlu: jiena ċert, għax il-lum tassew il-familja għandha bżonn ta’ tant għajnuniet pastorali. Grazzi.
Padre Lombardi: Allura, issa għandna mill-ġdid il-grupp Franċiż.
D. – Santità, tista’ tgħidilna liema huma l-ostakli għar-riforma tiegħek fil-Kurja Rumana, u fejn wasalna sal-lum?
R. – Ħeqq… l-ewwel ostaklu huwa jien… [jidħak] Le, wasalna fi stadju avvanzat, għax nemmen li… ma niftakarx id-data, imma tliet xhur… jew ftit inqas wara l-elezzjoni ġie maħtur il-Kunsill tat-tmien kardinali…
Padre Lombardi: …xahar wara l-elezzjoni…
R. – …xahar wara l-elezzjoni. Imbagħad, l-ewwel jiem ta’ Lulju, iltqajna għall-ewwel darba u minn dak in-nhar beda x-xogħol. X’jagħmel dan il-Kunsill? Il-Kunsill jistudja l-Kostituzzjoni kollha Pastor Bonus u l-Kurja Rumana. Ikkonsulta mad-dinja kollha, mal-Kurja kollha u issa beda jistudja xi aspetti. “Dan jista’ jsir hekk, dak jista’ jsir mod ieħor…”. Jiġbor flimkien xi dikasteri, ngħidu aħna, biex iħaffef xi ftit l-organizzazzjoni… Wieħed mill-punti ewlenin kien dak ekonomiku, u dak id-dikasteru ta’ l-ekonomija sa jgħin ħafna. Irid jaħdem flimkien mas-Segreterija ta’ l-Istat, għax l-affarijiet huma kollegati, iridu jsiru flimkien… Issa f’Lulju għandna erbat ijiem ta’ ħidma ma’ din il-kummissjoni, imbagħad f’Settembru, naħseb, erbgħa oħra. Qed naħdmu, qed naħdmu biżżejjed. U r-riżultati għalissa għadhom ma jidhrux kollha, imma l-parti ekonomika hi dik li ħarġet l-ewwel għax kien hemm xi problemi li dwarhom l-istampa tkellmet biżżejjed, u rridu narawhom. L-ostakli huma l-ostakli normali tal-proċess kollu. Nistudjaw it-triq… Il-persważjoni hi importanti ħafna. Ħidma ta’ persważjoni, ta’ għajnuna… Hemm xi persuni li m’humiex jaraw ċar, imma kull riforma ġġib dan magħha. Imma jien kuntent: verament, kuntent. Sar ħafna xogħol u din il-Kummissjoni qed tgħinna ħafna. Grazzi.
Padre Lombardi: Santità, grazzi tad-disponibbilità tiegħek, skużani jekk ħa ninterrompi l-konverżazzjoni tiegħek: int kont ġeneruż ħafna, iżjed u iżjed wara vjaġġ straordinarju li emozzjonana lkoll, ma ngħidx daqsek, imma kważi. Segwejna ħafna anki l-mumenti ta’ l-emozzjoni spiritwali li int għext fl-Imkejjen Imqaddsa u ħassejniek u missejtilna qalbna. Nawgurawlek li tkompli tajjeb dan il-vjaġġ u dan l-għadd ma jaqta’ xejn ta’ proġetti li kontinwament qed twettaq, anki b’mod partikulari din il-laqgħa ta’ talb, li hi l-kontinwazzjoni naturali u t-twettiq sħiħ ta’ dan il-vjaġġ: jalla jkollha l-frott li int tixtieq u lkoll nixtiequ, nemmen, għall-paċi fid-dinja. Grazzi mill-qalb, Santità!
R. – Nirringrazzjakom ħafna għall-kumpanija tagħkom, għall-ġid li tixtiquli… u jekk jogħġobkom, nitlobkom titolbu għalija. Għandi bżonn, mhux ħażin! Grazzi.
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard