F’din il-belt, li ssejħet “l-erojka” minħabba fil-kuraġġ tagħha mitejn sena ilu fid-difiża tal-libertà miksuba, qed niċċelebraw l-aħħar Ewkaristija ta’ dan il-vjaġġ. Barra dan, għal dawn l-aħħar tnejn u tletin sena, Cartagena de Indias hi għall-Kolombja s-sede tad-drittijiet tal-bniedem, għax hawn il-poplu jqis li “grazzi għall-grupp missjunarju msawwar mis-saċerdoti Ġiżwiti Pedro Claver y Corberó, Alonso de Sandoval u Fratel Nicolás González, akkumpanjati minn ħafna wlied tal-belt ta’ Cartegena de Indias fis-seklu sbatax, twieldet il-preokkupazzjoni biex tittaffa t-tbatija tal-maħqurin ta’ dak iż-żmien, essenzjalment dik tal-ilsiera, li għalihom kisbu lura r-rispett u l-libertà” (Kungress tal-Kolombja, 1985, liġi 95, art. 1).

 

Hawn, fis-Santwarju ta’ San Pietru Claver, fejn b’mod kontinwu u sistematiku qed iseħħu l-konferma, ir-riflessjoni u l-iżvilupp ’il quddiem tal-progressi u tat-twettiq tad-drittijiet tal-bnedmin fil-Kolombja, illum il-Kelma ta’ Alla qed tkellimna fuq maħfra, korrezzjoni, komunità u talb.

 

Fir-raba’ diskors tal-Vanġelu ta’ Mattew, Ġesù jkellem lilna, li ddeċidejna li nibnu fuq il-komunità, li napprezzaw il-ħajja komuni u noħolmu proġett li jinkludi lil kulħadd. It-test ta’ qabel hu dak tar-ragħaj it-tajjeb li jħalli d-disgħa u disgħin nagħġa biex imur ifittex lil dik li ntilfitlu, u dik ir-riħa tfewwaħ id-diskors kollu li għadna kemm smajna: m’hemm ħadd li hu hekk mitluf li ma tixraqlux l-għożża tagħna, il-qrubija tagħna u l-maħfra tagħna. Minn din il-perspettiva għalhekk nifhmu li nuqqas, dnub li jagħmel wieħed, jisfidana lkoll imma jinvolvi, qabelxejn, lill-vittma tad-dnub ta’ dak ħuna; u dan hu msejjaħ jieħu l-inizjattiva biex min għamillu l-ħsara ma jintilifx. Jieħu l-inizjattiva: min jieħu l-inizjattiva dejjem hu l-iżjed kuraġġjuż.

 

F’dawn il-jiem smajt tant xhieda ta’ persuni li ħarġu jiltaqgħu ma’ min kien għamlilhom il-ħsara. Feriti terribbli li stajt nikkontempla fl-istess ġisimhom: telfiet li mhux lakemm jissewwew u li għadhom ibikku, u madankollu dawn il-persuni marru, meddew l-ewwel pass fi triq differenti minn dawk li diġà terrqu qabel. Għax il-Kolombja issa ilha għaxriet ta’ snin tagħmel tentattivi biex tfittex il-paċi u, kif jgħallimna Ġesù, ma kienx biżżejjed li żewġ partijiet jersqu lejn xulxin, jiddjalogaw; kien hemm bżonn jidħlu ħafna iktar atturi f’dan id-djalogu ta’ riparazzjoni tad-dnubiet. “Jekk [ħuk] ma jismax, erġa’ mur u ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra, biex kulma jingħad jissaħħaħ bil-kelma ta’ żewġ xhieda jew tlieta” (Mt 18:16), jgħidilna l-Mulej fil-Vanġelu.

 

Tgħallimna li dawn it-toroq ta’ paċifikazzjoni, ta’ primat tar-raġuni fuq il-vendetta, ta’ armonija delikata bejn il-politika u d-dritt, ma jistgħux isolvu l-mixjiet tal-persuni. Mhux biżżejjed li jitfasslu kwadri normattivi u ftehim istituzzjonali bejn gruppi politiċi jew ekonomiċi ta’ rieda tajba. Ġesù jsib is-soluzzjoni għall-ħażen li jkun sar fil-laqgħa personali bejn il-partijiet. Barra minn hekk, dejjem hi ħaġa prezzjuża li ninserixxu fil-proċessi tagħna ta’ paċi l-esperjenza tal-oqsma li, f’ħafna okkażjonijiet, ma baqgħux jidhru, biex tkun sewwasew il-komunità li tlewwen il-proċessi ta’ memorja kollettiva. “L-awtur prinċipali, is-suġġett storiku ta’ dan il-proċess, huma n-nies u l-kultura tagħha, mhux xi klassi, xi biċċa mill-poplu, xi grupp, xi élite. M’għandniex bżonnu proġett tal-ftit indirizzat lejn il-ftit, inkella xi minoranza mdawla jew ta’ xhieda illi taħtaf taħt idejha sentiment kollettiv. Dan ifisser fehma waħda biex nistgħu ngħixu flimkien, f’patt soċjali u kulturali wieħed” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 239).

 

Aħna nistgħu nagħtu kontribut kbir b’risq dan il-pass ġdid li trid tagħmel il-Kolombja. Ġesù jurina li din il-mixja li terġa’ ddaħħal fil-komunità tibda bi djalogu bejn tnejn. Xejn ma jista’ jieħu post din il-laqgħa ta’ tiswija; l-ebda proċess kollettiv ma jeżentana mill-isfida li niltaqgħu ma’ xulxin, infissru lil xulxin, naħfru. Il-ġrieħi profondi tal-istorja jesiġu bilfors lok fejn issir ġustizzja, fejn ikun possibbli għall-vittmi jagħrfu l-verità, għad-deni li jkun sar issir tpattija xierqa, u wieħed jaġixxi b’mod ċar biex jevita li jirripetu ruħhom krimini bħal dawn. Imma dan kollu xorta jħallina fuq l-għatba ta’ dak li titlob minna l-fidi Nisranija. Minna l-Insara hu mitlub li nġibu bidla kulturali billi “nitilqu minn isfel”: għall-kultura tal-mewt, tal-vjolenza, inwieġbu bil-kultura tal-ħajja u tal-laqgħa. Dan ġa kien qalhulna dak il-kittieb tant tagħkom daqskemm ta’ kulħadd: “Dan id-diżastru kulturali ma jissewwiex la biċ-ċomb u lanqas bil-flus, imma b’edukazzjoni għall-paċi, mibnija bi mħabba fuq il-frak ta’ pajjiż imqabbad bin-nar fejn inqumu kmieni biex nissoktaw noqtlu lil xulxin… rivoluzzjoni leġittima ta’ paċi li ddawwar lejn il-ħajja l-enerġija ħallieqa bla tarf li kważi għal żewġ sekli użajna biex neqirdu lil xulxin u li tgħajjat u tgħolli l-ħakma assoluta tal-immaġinazzjoni” (Gabriel García Marquez, Messaġġ fuq il-paċi, 1998).

 

X’għamilna b’risq il-laqgħa, il-paċi? X’m’għamilniex, biex ħallejna l-atti barbariċi jseħħu fil-ħajja tal-poplu tagħna? Ġesù jordnalna nikkonfrontaw ruħna ma’ dawk il-mudelli ta’ mġiba, dawk l-istili ta’ ħajja li jagħmlu l-ħsara lill-ġisem soċjali, li jeqirdu l-komunità. Kemm drabi jiġu “normalizzati” – ngħixuhom bħallikieku kienu ħwejjeġ normali – proċessi ta’ vjolenza, esklużjoni soċjali, bla ma ngħollu leħinna u lanqas dirgħajna biex nixlu profetikament! Flimkien ma’ San Pietru Claver kien hemm eluf ta’ Nsara, ħafna minnhom ikkonsagrati; imma kienu biss ftit il-persuni li taw bidu għal kurrent kontrokulturali tal-laqgħa. San Pietru Claver għaraf irodd lura d-dinjità u t-tama lil mijiet ta’ eluf ta’ suwed u ta’ lsiera li waslu f’kundizzjonijiet assolutament diżumani, imkexkxa, b’tamiethom kollha mitlufa. Ma kellux titli akkademiċi magħrufa; wasal saħansitra biex afferma li kien “medjokri” fil-ħsieb, imma kellu l-“ġenju” li jgħix il-Vanġelu b’mod sħiħ, li jiltaqa’ ma’ dawk li oħrajn kienu jqisuhom biss skart. Sekli iktar tard, il-pass ta’ dan il-missjunarju u appostlu tal-Kumpanija ta’ Ġesù mxiet fuqu Santa María Bernarda Bütler, li ddedikat ħajjitha għall-qadi tal-foqra u l-imwarrbin f’din l-istess belt ta’ Cartagena.[1]

 

Fil-laqgħa ta’ bejnietna niskopru mill-ġdid id-drittijiet tagħna, noħolqu l-ħajja mill-ġdid biex terġa’ ssir waħda umana. “Id-dar komuni tal-bnedmin kollha jeħtieġ tkompli togħla wieqfa fuq għarfien tajjeb tal-fraternità universali u fuq ir-rispett lejn il-qdusija ta’ kull ħajja umana, ta’ kull raġel u ta’ kull mara; tal-foqra, tal-anzjani, tat-tfal u t-trabi, tal-morda, ta’ dawk li għadhom ma twildux, tal-qiegħda, tal-imwarrbin, ta’ dawk li jiġu ġġudikati bħala skart għax mhumiex meqjusa iżjed minn numri ta’ din jew dik l-istatistika. Id-dar komuni tal-bnedmin kollha jeħtieġ tinbena wkoll fuq l-għarfien ta’ ċerta qdusija tan-natura maħluqa” (Diskors lill-Ġnus Magħquda, 25 ta’ Settembru 2015).

 

Fil-Vanġelu, Ġesù jurina wkoll il-possibbiltà li l-persuna l-oħra tingħalaq fiha nfisha, ma tkunx trid tinbidel, tippersisti fil-ħażen tagħha. Ma nistgħux niċħdu l-fatt li hemm persuni li jibqgħu jgħaffġu fid-dnubiet li jġerrħu l-konvivenza u l-komunità: “Qed naħseb fid-dramm tad-droga li jaqsamlek qalbek, id-droga li bit-tkasbir tal-liġijiet morali u ċivili hi kawża ta’ ħafna qligħ ta’ flus”. Dan il-ħażen qed jhedded direttament id-dinjità tal-bniedem u jfarrak naqra naqra x-xbieha li l-Ħallieq sawwar fina. Nikkundanna bil-qawwa kollha din il-pjaga li tfiet tant ħajjiet u li qed tkompli tinżamm ħajja u tiġi mwieżna minn nies bla skrupli ta’ xejn. Ma nistgħux nilagħbu mal-ħajja ta’ ħuna, lanqas nimmanipulaw id-dinjità tiegħu. Nappella biex infittxu l-modi kif inwaqqfu t-traffikar tad-droga, li ma jagħmilx ħlief jiżra’ l-mewt ma’ kullimkien u jkisser tant tamiet u jeqred tant familji. Qed naħseb fi dramm ieħor: “fil-ħerba tar-riżorsi naturali u fit-tinġis li fil-fatt qed isir; fit-traġedja tal-isfruttament tax-xogħol; qed naħseb fit-traffiku illeċitu ta’ flus bħal fl-ispekulazzjoni finanzjarja, li spiss tieħu l-forom qerrieda u ta’ ħsara għas-sistemi sħaħ ekonomiċi u soċjali u tħalli miljuni ta’ rġiel u nisa esposti għall-faqar; qed naħseb fil-prostituzzjoni li ta’ kuljum taħsad vittmi innoċenti, speċjalment minn fost l-aktar żgħar, waqt li tisirqilhom il-ġejjieni tagħhom; qed naħseb fil-misħut traffikar ta’ essri umani, fil-kriminalità u abbużi kontra l-minorenni, fil-jasar li għadu jxerred biża’ f’ħafna pajjiżi tad-dinja; fit-traġedja, ħafna drabi  moħbija, tal-emigranti li huma inġustament suspettati bi ksur tal-liġi” (Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi 2014); u saħansitra noqogħdu nispekulaw b’“legalità impersonali” paċifista li xejn ma tagħti kas tal-laħam ta’ ġisem ħuna, li hu l-ġisem ta’ Kristu. Anki għal dan għandna nkunu ppreparati u nżommu pożizzjoni soda fuq il-prinċipji tal-ġustizzja li ma jnaqqsu xejn mill-imħabba. Mhux possibbli ngħixu flimkien fil-paċi mingħajr ma mmissu ma’ dak li jherri l-ħajja u jaħbat għaliha. Dwar dan, infakkru lil dawk kollha li, b’kuraġġ u bla heda, ħadmu u sa tilfu ħajjithom fid-difiża u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dinjità tiegħu. Kif għamlet magħhom, l-istorja qed titlob minna li nassumu impenn defenittiv fil-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, hawn, f’Cartagena de Indias, imkien li intom għażiltu bħala sede nazzjonali tiegħu.

 

Fl-aħħar nett, Ġesù jitlobna nitolbu flimkien; ħa jkun sinfoniku t-talb tagħna, b’toni personali, aċċenti differenti, imma li jgħolli ’l fuq fi qbil wieħed karba waħda. Jiena ċert li llum irridu nitolbu flimkien għall-fidwa ta’ dawk li waqgħu fl-iżball, u mhux għall-qerda tagħhom, għall-ġustizzja u mhux għall-vendetta, biex issir tpattija fil-verità u mhux biex ninsew. Nitolbu biex iseħħ tassew il-motto ta’ din iż-żjara: “Immiddu l-ewwel pass!”, u li dan l-ewwel pass ikun f’direzzjoni komuni.

 

“Immidd l-ewwel pass” ifisser, fuq kollox, noħroġ niltaqa’ mal-oħrajn, flimkien ma’ Kristu, il-Mulej. Hu dejjem jitlobna mmiddu pass deċiżiv u fiż-żgur lejn ħutna, ma nippretendux li nistgħu ninħafru mingħajr ma naħfru, li nistgħu niġu maħbuba mingħajr ma nħobbu. Jekk il-Kolombja trid paċi fis-sod u fit-tul, għandha tmidd malajr pass f’din id-direzzjoni, li hi dik tal-ġid komuni, tal-ugwaljanza, tal-ġustizzja, tar-rispett tan-natura umana u tal-bżonnijiet tagħha. Jekk biss ngħinu biex jinħallu l-għoqiedi tal-vjolenza, nistgħu nħollu l-kobba spag magħqud tal-kunflitti: hu mitlub minna li mmiddu l-pass tal-laqgħa ma’ ħutna, li jkollna l-kuraġġ nikkoreġu mhux biex inkeċċu imma biex nintegraw; qed niġu mitluba nkunu, fl-imħabba, sodi f’dak li mhux negozjabbli; u bla dubju l-esiġenza hi li nibnu l-paċi, billi “nitkellmu mhux bi lsienna imma b’dirgħajna u bil-ħidma tagħna” (San Pietru Claver), u ngħollu flimkien ħarsitna lejn is-Sema: Hu kapaċi jħoll dak li għalina jidher impossibbli, hu wegħedna li jimxi magħna sal-aħħar taż-żmien, u hu mhux sa jħalli bla frott sforz hekk kbir.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 


 

[1] Hi wkoll kellha l-intelliġenza tal-imħabba u għarfet issib lil Alla fil-proxxmu tagħha; ħadd mit-tnejn ma baqa’ wieqaf quddiem l-inġustizzja u d-diffikultajiet. Għax “quddiem il-kunflitt, xi wħud sempliċement iħarsu lejh u jibqgħu mexjin qisu qatt ma kien xejn, jaħslu jdejhom biex jistgħu jkomplu mexjin b’ħajjithom. Oħrajn jidħlu fil-kunflitt b’tali mod li jibqgħu mjassrin minnu, jitilfu x-xefaq, jitfgħu fuq l-istituzzjonijiet il-konfużjonijiet u d-delużjonijiet tagħhom, u hekk l-għaqda ssir ħaġa impossibbli. Imma hemm it-tielet mod, l-aħjar wieħed, kif wieħed iġib ruħu quddiem il-kunflitt. Hu li jaċċetta li jġarrab il-kunflitt, isewwih u jibdlu f’ħolqa li tgħaqqad proċess ġdid” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 227).