Għeżież ħuti!

 

Fil-Quddiesa tal-Ħamis f’Bogotá smajna s-sejħa ta’ Ġesù lill-ewwel dixxipli tiegħu; din il-parti tal-Vanġelu ta’ Luqa li tibda b’dak ir-rakkont, tilħaq il-qofol tagħha fis-sejħa tat-Tnax. Fiex ifakkruna l-Evanġelisti bejn dawn iż-żewġ ġrajjiet? Din il-mixja warajh talbet mill-ewwel dixxipli ta’ Ġesù ħafna sforz ta’ tisfija. Xi preċetti, projbizzjonijiet u ordnijiet kienu jġagħluhom iħossuhom fiż-żgur; it-twettiq ta’ ċerti riti u prattiċi kien isalvahom minn ċertu nkwiet, l-inkwiet li jistaqsu: X’jogħġbu lil Alla tagħna? Ġesù, il-Mulej, jurihom li l-ubbidjenza tfisser timxi warajh, u li dik il-mixja kienet se tqegħidhom quddiem l-imġiddmin, il-magħtubin, il-midinbin. Din ir-realtà kienet titlob ħafna iżjed minn sempliċi riċetta, jew norma stabbilita. Tgħallmu li timxi wara Ġesù jitlob prijoritajiet oħrajn, kunsiderazzjonijiet oħrajn biex taqdi lil Alla. Għall-Mulej, u anki għall-ewwel komunità, kien ta’ importanza kbira li bħala dixxipli ma nintrabtux ma’ ċertu stil, ma’ ċerti prattiċi li iktar iqarrbuna lejn il-ħajja ta’ ċerti Fariżej ta’ dak iż-żmien milli lejn dik ta’ Ġesù. Il-libertà ta’ Ġesù tmur kontra n-nuqqas ta’ libertà tal-imgħallim tal-liġi ta’ dak iż-żmien, li kienu pparalizzati minn interpretazzjoni u minn prattika rigoristika tal-liġi. Ġesù ma jiqafx ma’ twettiq apparentement “korrett”; hu jwassal il-liġi għall-milja tagħha u għalhekk irid jeħodna f’dik id-direzzjoni, f’dak l-istil ta’ mixja warajh li jitlob minna li mmorru għall-essenzjal, niġġeddu u ninvolvu ruħna. Huma tliet imġibiet li rridu nħallu jintgħaġnu fil-ħajja tagħna ta’ dixxipli.

 

L-ewwel, immorru għall-essenzjal. Ma jfissirx “niksruha ma’ kollox u ma’ kulħadd”, niksruha ma’ dak li ma jadattax ruħu għalina, għax lanqas Ġesù ma ġie “biex ineħħi l-Liġi, imma biex iwassalha għall-perfezzjoni” (ara Mt 5:17). Li mmorru għall-essenzjal pjuttost ifisser ninżlu fil-fond, għal dak li jiswa u għandu valur għall-ħajja. Ġesù jgħallimna li r-relazzjoni ma’ Alla ma tistax tkun rabta kiesħa ma’ normi u liġijiet, wisq inqas it-twettiq ta’ ċerti atti esterjuri li ma jwasslux għal bidla vera tal-ħajja. Id-dixxipulat tagħna lanqas jista’ jkun immotivat sempliċiment minn drawwa, għax għandna ċertifikat tal-magħmudija, imma għandu jibda minn esperjenza ħajja ta’ Alla u ta’ mħabbtu. Id-dixxipulat mhux ħaġa statika, imma mixja kontinwa lejn Kristu; mhux sempliċiment li nintrabtu mat-tifsir tad-duttrina, imma l-esperjenza tal-preżenza ta’ ħbiberija, ħajja u attiva tal-Mulej, apprendistat permanenti permezz tas-smigħ tal-Kelma tiegħu. U din il-Kelma, smajnieh dan, turina x’għandna nagħmlu quddiem il-ħtiġijiet konkreti ta’ ħutna: sew jekk ikun il-ġuħ ta’ dawk l-iżjed qrib tagħna kif naqraw fis-silta mħabbra llum (ara Lq 6:1-5), sew jekk il-mard f’dak li sa jirrakkonta Luqa wara.

 

It-tieni kelma, niġġeddu. Kif Ġesù kien “jheżżeż” lill-imgħallmin tal-liġi biex joħorġu mir-riġidità tagħhom, issa anki l-Knisja hi “mheżża” mill-Ispirtu biex titlaq il-kumditajiet tagħha u r-rabtiet tagħha. It-tiġdid ma għandux għax ibeżżagħna. Il-Knisja hi dejjem f’tiġdid Ecclesia semper renovanda –. Ma tiġġeddidx b’kapriċċ tagħha, imma dan tagħmlu għax hi wieqfa u sħiħa fil-fidi, xejn ma jċaqlaqha mit-tama tal-Vanġelu li semgħet (ara Kol 1:23). It-tiġdid jitlob sagrifiċċju u kuraġġ, mhux biex inħossuna aqwa jew bla dnub, imma biex inwieġbu aħjar għas-sejħa tal-Mulej. Sid is-Sibt, ir-raġuni għall-kmandamenti u l-preċetti kollha tagħna, qed jistedinna niżnu n-normi, meta fin-nofs hemm li nimxu warajh; meta l-pjagi miftuħa tiegħu, il-karba tiegħu għall-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja jisfidawna u jimponula tweġibiet ġodda. U fil-Kolombja hemm tant sitwazzjonijiet li jitolbu mid-dixxipli l-istil ta’ ħajja ta’ Ġesù, partikularment l-imħabba tradotta f’għemejjel ta’ non-vjolenza, ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ paċi.

 

It-tielet kelma, ninvolvu ruħna. Anki jekk għal xi wħud dan jista’ jidher li qed jitħammġu jew jittebbgħu. Bħal David u niesu li daħlu fit-Tempju għax kellhom il-ġuħ u d-dixxipli ta’ Ġesù li daħlu fl-għalqa tal-qamħ u kielu ż-żbul, hekk illum minna hu mitlub li nikbru fil-kuraġġ, f’dak il-kuraġġ tal-Vanġelu li joħroġ mill-għarfien tagħna li ħafna huma dawk bil-ġuħ, bil-ġuħ għal Alla – kemm hawn nies bil-ġuħ għal Alla! –, ġuħ għad-dinjità, għax sfaw imneżżgħa. U nistaqsi jekk il-ġuħ ta’ Alla f’tant nies hux ġej forsi għax bl-imġibiet tagħna aħna neżżajniehom. U, bħala Nsara, ngħinuhom jaqtgħu l-għatx tagħhom għal Alla; mhux inxekklu jew inżommu l-laqgħa tagħhom milli sseħħ. Ħuti, il-Knisja mhijiex dwana; titlob bibien miftuħa, għax il-qalb ta’ Alla tagħha mhux biss hi miftuħa, imma minfuda mill-imħabba li saret tbatija. Ma nistgħux inkunu Nsara li kontinwament jgħollu t-tabella “ma tistax tgħaddi”, lanqas nista’ nqis dan l-ispazju bi proprjetà tiegħi, u nagħmel tiegħi xi ħaġa li assolutament mhix tiegħi. Il-Knisja mhijiex tagħna, ħuti, hi ta’ Alla; hu Sid it-Tempju u l-għalqa; hemm post għal kulħadd, kulħadd hu mistieden isib biex jitrejjaq hawnhekk, fostna. Kulħadd. U hu, li ħejja l-festa tat-tieġ għal Ibnu, jordnalna nsejħu lil kulħadd: dawk b’saħħithom u morda, tajbin u ħżiena, kulħadd. Aħna sempliċi “qaddejja” (ara Kol 1:23) u ma nistgħux inkunu dawn li jxekklu din il-laqgħa. Għall-kuntrarju, Ġesù qed jitlobna, kif għamel mad-dixxipli tiegħu: “Agħtuhom intom x’jieklu” (Mt 14:16); dan hu s-servizz tagħna. Jieklu mill-ħobż ta’ Alla, jieklu mill-imħabba ta’ Alla, nieklu l-ħobż li jgħinna nibqgħu ħajjin. Dan fehmu tajjeb Pietru Claver, li llum niċċelebraw fil-liturġija u li għada se nqim f’Cartagena. “Ilsir tas-suwed għal dejjem” kien il-motto ta’ ħajtu, għax fehem, bħala dixxiplu ta’ Ġesù, li ma setax jibqa’ indifferenti quddiem it-tbatija ta’ dawk l-iżjed imwarrbin u mkasbrin ta’ żmienu u li kellu jagħmel xi ħaġa biex itaffiha.

 

Ħuti, il-Knisja fil-Kolombja hi msejħa tħabrek b’kuraġġ ikbar fil-formazzjoni tad-dixxipli missjunarji, kif urejna aħna l-Isqfijiet miġbura f’Aparecida. Dixxipli li jafu jaraw, jiġġudikaw u jaġixxu, kif ippropona d-dokument Latin-Amerikan li twieled proprju hawn, f’dawn l-artijiet (ara Medellín, 1968). Dixxipli missjunarji li jafu jaraw, mingħajr dik il-vista qasira li tintiret; li jgħarblu r-realtà skont l-għajnejn u l-qalb ta’ Ġesù, u minn hemm jiġġudikawha. U li jirriskjaw, li jaġixxu, li jimpenjaw ruħhom.

 

Ġejt hawn proprju biex inwettaqkom fil-fidi u fit-tama tal-Vanġelu; ibqgħu sħaħ u ħielsa fi Kristu, sħaħ u ħielsa fi Kristu, għax kull fermezza fi Kristu tagħtina l-ħelsien, biex hekk dan jilma f’dak kollu li tagħmlu. Ħaddnu bil-qawwa kollha tagħkom il-mixja wara Kristu, siru afuh, ħalluh isejħilkom u jgħallimkom, fittxuh fit-talb u ħalluh ifittixkom fit-talb, ħabbruh bl-ikbar ferħ possibbli.

 

Għall-interċessjoni ta’ Ommna, il-Madonna “de la Candelaria”, nitolbuha sseħibna fil-mixja tagħna ta’ dixxipli, biex aħna u nagħtu ħajjitna għal Kristu, inkunu dejjem missjunarji li jwasslu d-dawl u l-ferħ tal-Vanġelu lill-bnedmin kollha.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard