Ippermettuli nitkellem bl-Ispanjol.

Il-lejla t-tajba, merħba!

Sinċerament nirringrazzjakom minn qalbi għall-ħidma li għamiltu.  Veru li din kollha kienet  iddur madwar it-tema tal-ħarsien tal-ambjent, madwar din il-kultura tal-ħarsien tal-ambjent, imma din il-kultura mhijiex biss attitudni  “ħadra” – qed ngħid dan fil-veru sens tal-kelma  – mhijiex biss attitudni  “ħadra”, imma hi ħafna aktar minn hekk. Inħarsu l-ambjent ifisser atteġġjament ta’ ekoloġija umana. Jiġifieri ma nistgħux ngħidu li l-bniedem jinsab hawn u li l-ħolqien, l-ambjent jinsab hemm. L-ekoloġija hi sħiħa, hi umana. U dan hu li xtaqt ngħid fl-enċiklika Laudato si:  ma nistgħux nifirdu l-bniedem mill-bqija. Hemm rabta li tħalli effett reċiproku, kemm tal-ambjent fuq il-bniedem, kif ukoll tal-bniedem fuq l-ambjent, tal-mod li bih il-bniedem jittratta l-ambjent, u  meta l-bniedem jimmaltratta l-ambjent dan iħalli effett fuq il-bniedem stess.  Kien għalhekk li meta ġejt mistoqsi, għidt: “Le, din mhijiex enċiklika “ħadra”, imma hi enċiklika soċjali”.  Il-ħarsien tal-ambjent ma jistax jitħalla barra mill-ħajja tas-soċjeta’, mill-ħajja soċjali tal-bniedem.  Barra minn hekk, il-ħarsien tal-ambjent hu mġiba soċjali, għax f’sens jew ieħor din l-imġiba twassalna biex nissoċjalizzaw, u wkoll jagħmilna kapaċi – togħġobni l-espressjoni Taljana wżata meta jitkellmu dwar l-ambjent –  nilqgħu l-Ħolqien, l-ambjent, bħala don mogħti lilna.

Għalfejn saret din l-istedina – naħseb li kienet idea tajba ħafna tal-Akkademja Pontifiċja tax-Xjenzi, ta’ Mons. Sánchez Sorondo – għalfejn is-Sindki tal-bliet kbar u ta’ oħrajn li mhumiex daqshekk kbar ġew mistiedna biex jitkellmu dwar dan?  Għaliex waħda mill-affarijiet li tinnota meta ma  jkunx hemm  ħarsien tal-ambjent, tal-ħolqien, hi, li l-bliet jikbru bla rażan. Dan hu fenomenu dinji.  Jiġri li dawn l-irjus, dawn il-bliet kbar ikomplu dejjem jikbru, iżda madwarhom  jikbru wkoll postijiet ta’ faqar u ta’ miżerja, fejn in-nies ibatu minħabba nuqqas ta’ ħarsien tal-ambjent. U hawnhekk  jidħol ukoll il-fenomenu taċ-ċaqliq tan-nies minn post għall-ieħor. Għalfejn in-nies jiġu fil-bliet il-kbar, fl-inħawi ta’ madwarhom – fil-“villas miżerja”, fis-slums, fil-favelas? Għalfejn jagħmlu dan? Jagħmluh  sempliċiment għax id-dinja rurali  ma tagħtihomx opportunitajiet.  Fl-Enċiklika tissemma’  l-idolatrija tat-teknokrazija – li bir-rispett kollu għandha tiġi denunzjata.  It-teknokrazija twassal biex teqred ix-xogħol, toħloq il-qagħad. Il-fenomenu tan-nuqqas ta’ xogħol hu mifrux sew  u n-nies huma kostretti li jmorru minn post għall-ieħor biex ifittxu opportunitajiet ġodda. M’għandix statistiċi, imma f’ċerti pajjiżi tal-Ewropa hemm ħafna qagħad, hemm ħafna żgħażagħ taħt il-25 sena li huma bla xogħol – il-qagħad hu aktar minn 40% u hemm fejn jasal sa 50%. Hu bejn 40, 47  u 50 - u qed naħseb ukoll fuq pajjiżi oħra. Qed naħseb fuq statistiċi serji mogħtija direttament minn Kapijiet tal-Gvern, minn Kapijiet tal-Istat.  Meta nħarsu lejn il-ġejjieni naraw fantażma, fi kliem ieħor naraw  korp ta’ żgħażagħ bla xogħol li x’opportunitajiet u x’ futur qed noffrulhom illum. X’jifdal għal dawn iż-żgħażagħ? Dipendenzi, dwejjaq, ħajja bla sens, iebsa ħafna u ma jafux x’ser jaqbdu jagħmlu, suwiċidji ġovanili, – l-istatistika tas-suwiċidji taż-żgħażagħ mhijiex publikata għal kollox -  jew inkella jfittxu ideali oħra fi proġetti, anki  f’dawk bħal tal-gwerilli.     

Imbagħad tidħol ukoll is-saħħa.  Hemm dak li jissejjaħ “mard rari” li jiġi minn elementi użati għall-fertilizzazzjoni tal-għelieqi – jew min jaf mnejn, għax għadhom ma jafux eżatt xinhi l-kawża  - imma dan jiġi minn tekniċizzazzjoni eċċessiva.   Fost il-problemi l-kbar hemm il-problema relata mal-ossiġenu u mal-ilma għax meded kbar ta’ art jinbidlu f’deżert minħabba t-tneħħija tal-foresti. Maġenbi hawn il-Kardinal, l-Arċisqof li jieħu ħsieb l-Amazonja Brażiljana, li jista’ jgħidilna xi tfisser illum din it-tneħħija tal-foresti fl-Amazonja, li hi l-pulmun tad-dinja.  Il-Kongo u l-Amazonja huma l-pulmuni l-kbar tad-dinja.    Għal xi snin anki f’art twelidi tneħħew il-foresti.... niftakar li 8, 9 snin ilu l-Gvern Federali kien beda proċess  f’waħda mill-provinċji biex iwaqqafha din il-ħaġa  għax kienet qed tolqot il-popolazzjoni.

Il-fenomini ta’ tekniċizzazzjoni eċċessiva, fejn m’hemmx ħarsien tal-ambjent, flimkien mal-fenomeni naturali, x’effett qed ikollhom fuq iċ-ċaċliq ta’ nies minn post għall-ieħor?  Jonqos ix-xogħol u allura n-nies ibatu. Jiżdied ix-xogħol “bla ktieb”, bla kuntratt, xogħol li jsir minn taħt. Kemm żdied dan ix-xogħol! Ix-xogħol illegali xtered ħafna, u dan ifisser li min jaħdem ma jkunx qed jaqla’ biżżejjed biex jgħix.  U dan jista’ jipprovoka reati; min jaf kemm affarijiet jiġru f’belt kbira fejn ikun hemm dan iċ-ċaqliq tan-nies minn post għall-ieħor minħabba t-tekniċizzazzjoni eċċessiva. Qed nirreferi b’mod partikulari għall-ambjent agrikolu u għat-traffikar uman fl-industrija tal-minjieri. L-iskjavitu’ tal-ħidma fil-minjieri hi magħrufa sew. Tinvolvi l-użu ta’ ċertu elementi, bħalma huma  l-arseniku u ċ-ċjanur, li jikkawżaw il-mard.  Hawnhekk tidħol responsabbilta’ kbira. Kull ħaġa ġġib magħha u tħalli warajha l-effetti tagħha, kollox....   U hawnhekk għandek effett li jmur kontra l-persuna stess.   U ma’ dawn  nistgħu ninkludu lil dawk  li jagħmlu ħidma ta’ skjavitu’ jew prostituzzjoni biex ikunu jistgħu jaqilgħu l-għixien tagħhom ta’ kuljum.

Għalhekk kuntent li rriflettejtu fuq dawn il-fenomeni li qed jolqtu l-bliet il-kbar; jien semmejt  biss xi wħud minnhom. Fl-aħħar ngħid li dan jitlob aktar interess mill-Ġnus Magħquda.    Qed nittama ħafna fis-Summit li ser isir Pariġi f’ Novembru li ġej: qed nittama li jintlaħaq qbil fundamentali u bażiku.  Madanakollu, hemm bżonn li l-Ġnus Magħquda jinteressaw ruħhom aktar f’dan il-fenomenu, speċjalment  fejn jidħol it-traffikar uman, l-isfruttament tan-nies kawżat minn kwestjonijiet ambjentali.

Xi xhur ilu lqajt ma’ delegazzjoni ta’ nisa  mill-Ġnus Magħquda, li huma nkarigati mill-problema tal-isfruttament sesswali tat-tfal f’pajjiżi fejn hemm il-gwerra. It-tfal bħala oġġett ta’ sfruttament. Dan hu fenomenu ieħor.  Anki l-gwerer jikkawżaw skwilbriju fl-ambjent.

Nixtieq intemm b’riflessjoni li mhijiex tiegħi, imma tat-teologu u filosfu Romano Guardini, li jitkellem dwar żewġ forom ta’ “nuqqas ta’ kultura”. L-ewwel forma hi dik li Alla ħallielna biex nibdluha f’kultura, u għalhekk tana l-mandat biex nieħdu ħsieb l-art, inkabbruha u naħkmuha. It-tieni forma hi meta l-bniedem ma jirrispettax  ir-relazzjoni  tiegħu mad-dinja u ma jieħux ħsiebha -  dan jidher ċar  fir-rakkont bibliku, li hu tip ta’ letteratura mistika. Meta l-bniedem ma jieħux ħsieb l-art, hu jinħakem mit-tieni forma ta’ nuqqas ta’ kultura u jiżvija d-dinja minn triqtha. Iwassalha għan-nuqqas ta’ kultura: tibdel triqtha, titlef ir-rażan u tagħti bidu għat-tieni forma ta’ nuqqas ta’ kultura.  Biex nagħti eżempju antik: l-enerġija atomika hi tajba, tista’ tgħin;  kollox sew,  iżda ejjew  niftakru f’dak li ġara f’Hiroshima u f’Nagasaki;  ħolqot diżastru u qerda. F’ “midrash”,  rabbi taż-Żmenijiet tan-Nofs,  bejn wieħed u ieħor tal-istess żmien ta’ San Tumas, - forsi xi ħadd ġa sama’ dak li ser ngħid – spjega l-problema tat-torri ta’ Babel lill-“parruċċani” fis-sinagoga. Qalilhom li biex inbena t-Torri ta’ Babel, kien meħtieġ ħafna żmien u ħafna xogħol, l-aktar biex għamlu  l-briks.  Riedu jħejju t-tajn, ifittxu t-tiben, jiffurmaw il-brik, inixxfuha, ipoġġuha fil-forn, jaħmuha.... Kull brik kienet ġojjell, kienet tiswa ħafna. Imbagħad riedu jtellgħu  dawn il-briks biex jibnu t-torri. Meta taqa’ brik, kienet tkun problema gravi; il-ħati li ħalla l-brik taqa’ għax kien traskurat f’xogħlu, kien jingħata l-kastig. Meta kien jaqa’ xi wieħed mill-ħaddiema, ma kien jiġri xejn. Din hi t-traġedja fit-tieni forma ta’ nuqqas ta’ kultura: il-bniedem isir ħallieq ta’  nuqqas ta’ kultura  minflok  ta’ kultura għax ma jieħux ħsieb l-ambjent.

 Għalfejn din l-istedina tal-Akkademja Pontifiċja tax-Xjenzi lis-Sindki tal-bliet? Għax anki jekk dan l-għarfien joħroġ miċ-ċentru u jmur lejn il-periferiji, imma x-xogħol l-aktar serju u profond jsir mill-periferiji għaċ-ċentru, jiġifieri jitlaq mingħandkom biex jasal fil-kuxjenza tal-bnedmin. Is-Santa Sede, dak il-pajjiż jew l-ieħor, jistgħu jagħmlu ħafna diskorsi sbieħ fil-Ġnus Magħquda, imma jekk il-ħidma ma tibdiex mill-periferiji u tersaq lejn iċ-ċentru,  din ma jkollhiex  effett.   Allura din hi r-responsabbilta’ tas-Sindki tal-bliet.

Għalhekk nirringrazzjakom ħafna li nġbartu flimkien bħala periferiji li qed jieħdu bis-serjeta’ din il-problema.  Fil-belt ta’ kull wieħed  minnkom  hemm affarijiet bħal dawk li jien tkellimt dwarhom u intom tridu tmexxu, issolvu u l-bqija. Nirringrazzjakom tal-kollaborazzjoni. Mons. Sánchez Sorondo qalli li ħafna minnkom taw l-interventi tagħhom u dan kollu jiswa ħafna.

Nirringrazzjakom, u nitlob ‘il-Mulej jagħtina l-grazzja nagħrfu din il-problema ta’ qerda li aħna stess qed nikkawżaw għax mhux qed nieħdu ħsieb l-ekoloġija umana, għax m’għandniex kuxjenza ekoloġika bħal dik li ġiet mogħtija lilna fil-bidu biex l-ewwel nuqqas ta’ kultura nibdluh f’kultura, u niefqu mingħajr ma nibdlu din il-kultura f’nuqqas ta’ kultura.

Grazzi ħafna!

 


 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Vivienne Attard