
JUM
DINJI TAL-FOQRA
2019 |
MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU
FRANĠISKU
IT-III JUM DINJI TAL-FOQRA
It-XXXIII Ħadd ta’ Matul is-Sena
17 ta’ Novembru 2019
It-tama
tal-fqajrin ma tkunx għal dejjem
fiergħa
1.
“It-tama
tal-fqajrin ma tkunx għal dejjem
fiergħa”
(Salm
9:19).
Kliem is-Salm hu
tabilħaqq attwali. Jesprimi
verità profonda li l-fidi
jirnexxielha tistampa fuq kollox
f’qalb l-iżjed foqra: trodd lura
t-tama mitlufa quddiem
l-inġustizzji, it-tbatijiet u
l-inċertezzi tal-ħajja.
Is-Salmista jfisser x’inhuma
l-kudizzjonijiet tal-fqir u
l-arroganza ta’ min jaħqru (ara
10:1-10). Jitlob il-ħaqq ta’
Alla biex tintradd il-ġustizzja
u jintrebaħ il-ħażen (ara
10:14-15). Donnu fi kliemu
tirritorna l-mistoqsija li ilha
tiġri warajna matul is-sekli sa
żmienna: Kif jista’ Alla
jittollera dan in-nuqqas ta’
ugwaljanza? Kif jista’ jħalli
lill-fqir jiġi umiljat, mingħajr
ma jaqbeż għalih? Għaliex lil
min jaħqar iħallih jgħix hieni
meta mġibtu suppost tiġi
kkundannata sewwasew quddiem
it-tbatija tal-fqir?
Meta nkiteb dan is-Salm kien
għaddej żvilupp ekonomiku kbir
li, kif spiss jiġri, wasal anki
biex ġab miegħu nuqqas kbir ta’
bilanċ soċjali. In-nuqqas ta’
ugwaljanza xeħet għadd kbir ta’
nies fil-faqar, u l-qagħda
tagħhom dehret iktar traġika
meta mqabbla mal-għana li laħqu
l-ftit ipprivileġġjati. L-awtur
sagru, huwa u josserva din
is-sitwazzjoni, ipinġilna kwadru
tant realistiku daqskemm
veritier.
Kien żmien fejn il-persuni
arroganti u mingħajr ebda sens
ta’ Alla kienu jiġru wara
l-foqra biex jaħtfu taħt idejhom
saħansitra l-ftit li dawn
kellhom u jagħmluhom ilsiera
tagħhom. Illum mhuwiex daqstant
differenti. Il-kriżi ekonomika
ma żammitx lil gruppi kbar ta’
persuni milli jistagħnew, ħaġa
li tidher iżjed anomala aktar ma
mmissu b’idejna, fit-toroq
tal-bliet tagħna, l-għadd kbir
ta’ foqra li huma nieqsa
mill-meħtieġ u li xi drabi huma
maħqura u abbużati. Niftakru
hawn fi kliem l-Apokalissi: “Int
tgħid: ‘Jiena għani, jiena
stagħnejt u ma jonqosni xejn’,
bla ma taf li l-imsejken huwa
int, ta’ min jitħassrek, fqir,
agħma u għeri” (Apok 3:17).
Igerbu s-sekli, imma l-qagħda
tal-għonja u l-foqra tibqa’ ma
tinbidilx, bħallikieku
l-esperjenza tal-istorja ma
għallmitna xejn. Għalhekk, kliem
is-Salm mhux dwar l-imgħoddi,
imma hu l-preżent tagħna
mqiegħed quddiem il-ħaqq ta’
Alla.
2.
Illum ukoll
jeħtieġ nelenkaw bosta għamliet
ta’ jasar ġdid li taħtu huma
mqiegħda miljuni ta’ rġiel,
nisa, żgħażagħ u tfal.
Qed niltaqgħu ta’ kuljum ma’
familji mġiegħla jħallu
arthom biex ifittxu modi kif
jgħixu band’oħra; iltiema
li tilfu l-ġenituri jew li ġew
mifruda minnhom b’mod vjolenti
bi sfruttament brutali;
żgħażagħ li qed ifittxu
karriera professjonali imma huma
mċaħħda mill-aċċess għax-xogħol
minħabba politika ekonomika bla
viżjoni; vittmi ta’ bosta
xejriet ta’ vjolenza,
mill-prostituzzjoni għad-droga,
u umiljati fil-ġewwieni tagħhom.
Barra dan, kif nistgħu ninsew
il-miljuni ta’ immigranti
vittmi ta’ tant interessi
moħbija, spiss strumentalizzati
għal fini politiku, li huma
mċaħħda mis-solidarjetà u
l-ugwaljanza? U tant persuni
bla saqaf fuq rashom u
emarġinati li jiġġerrew
fit-toroq tal-bliet tagħna?
Kemm drabi nilmħu foqra fil-miżbliet
jiġbru l-frott tal-iskart u ta’
dak li jkun intrema żejjed, biex
isibu xi ħaġa kemm jitrejqu jew
x’jilbsu! Saru huma stess parti
minn miżbla umana għax huma
ttrattati bħal żibel, waqt li
dawk li huma kompliċi f’dan
l-iskandlu mank sens ta’ ħtija
ma fadlilhom. Spiss meqjusa
parassiti tas-soċjetà, il-foqra
lanqas il-faqar tagħhom ma
naħfrulhom. Huma dejjem
iġġudikati negattivament.
M’hemmx ċans li jiġu ġġudikati
bħala dgħajfin jew jieshom
maqtugħ, għax narawhom bħala
theddida jew bla ħila,
sempliċiment għax huma foqra.
Traġedja f’oħra, mank jitħallew
jaraw it-tarf tal-mina
tal-miżerja. Wasalna saħansitra
biex nitteorizzaw u nsawru
arkitettura ostili b’mod li
naraw kif neħilsu mill-preżenza
tagħhom anki fit-toroq, li huma
l-aħħar postijiet li jistgħu
jilqgħuhom. Jiġġerrew minn post
tal-belt għall-ieħor, bit-tama
li jsibu xogħol, dar, imħabba…
Kull possibbiltà li tista’ tiġi
offruta lilhom issir xaqq ta’
dawl; imma, imqar hemm fejn
tal-inqas suppost issir
ġustizzja, spiss nimxu magħhom
bil-vjolenza tal-moħqrija. Huma
mġiegħla joqogħdu għal sigħat
twal taħt ix-xemx taħraq biex
jiġbru l-frott tal-istaġun, imma
jitħallsu b’paga taċ-ċajt;
m’għandhomx ċertezza fuq
ix-xogħol u lanqas
kundizzjonijiet umani li
jippermettulhom li jħossuhom
daqs l-oħrajn. Għalihom m’hemmx
benefiċċji soċjali, kumpens, u
lanqas il-possibbiltà li
jimirdu.
Is-Salmista jfisser b’realiżmu
kiebi l-imġiba tal-għonja li
jisirqu lill-foqra: “Jgħasses
biex lill-fqajjar jaħtaf, jaqbdu
u jkaxkru fix-xibka” (ara Salm
10:9). Għalihom qisha bħal ħarġa
għall-kaċċa, fejn il-foqra huma
mfittxija, maqbuda u mjassra.
F’qagħda bħal din il-qalb ta’
ħafna tingħalaq, u tirbaħ
ix-xewqa li nsiru inviżibbli.
F’kelma waħda, nistgħu naraw
b’għajnejna kif għadd kbir ta’
foqra spiss huma ttrattati
b’ħafna kliem fil-vojt u
ttollerati b’nofs qalb. Irġiel u
nisa dejjem iżjed barranin
f’nofs djarna u mwarrba f’nofs
fejn ngħixu.
3. Il-kuntest li s-Salm ifisser
hu mlewwen bid-diqa, minħabba
fl-inġustizzja, it-tbatija u
l-imrar li jolqtu lill-foqra.
Minkejja dan, joffri
definizzjoni sabiħa tal-fqir.
Huwa dak li “jittama fil-Mulej”
(ara v. 11), għax għandu
ċ-ċertezza li qatt mhu waħdu.
Il-fqir, fl-Iskrittura, hu
l-bniedem tal-fiduċja! L-awtur
sagru joffrilna wkoll ir-raġuni
għal din il-fiduċja kollha: hu
“jagħraf lil Sidu” (ara ibid.),
u fil-lingwaġġ bibliku dan
l-“għarfien” jindika relazzjoni
personali ta’ rispett u ta’
mħabba.
Għandna quddiemna deskrizzjoni
tassew impressjonanti li qatt ma
konna nistennew. Madankollu, din
ma tagħmilx għajr tesprimi
l-kobor ta’ Alla meta jsib
quddiemu wieħed fqajjar.
Il-qawwa ħallieqa tiegħu tegħleb
kull stennija tal-bniedem u
titlaħħam fil-fatt li hu
“jiftakar” f’dik il-persuna
konkreta (ara v. 13). Hi
sewwasew din il-fiduċja
fil-Mulej, din iċ-ċertezza li
l-bniedem mhux mitluq waħdu, li
treġġa’ lura t-tama. Il-fqir jaf
li Alla ma jistax jitilqu waħdu;
għalhekk jgħix dejjem
fil-preżenza ta’ dak Alla li
jiftakar fih. L-għajnuna tiegħu
tmur lil hemm mill-qagħda
attwali ta’ tbatija biex tfassal
mixja ta’ ħelsien li tibdel
il-qalb, għax tweżinha fil-fond
nett tagħha.
4.
Hi ritornell
permanenti tal-Iskrittura
Mqaddsa din id-deskrizzjoni
tal-għemil ta’ Alla b’risq
il-foqra. Huwa dak li “jisma’’”,
“jintervieni”, “jipproteġi”,
“jiddefendi”, “jeħles”,
“isalva”… F’kelma waħda, il-fqir
qatt ma jista’ jsib Alla
indifferenti jew sieket quddiem
it-talba tiegħu. Alla hu dak li
jagħmel ħaqq u ma jinsiex (ara
Salm 40:18; 70:6); anzi, hu
għalih kenn u qatt ma jibqa’
lura milli jgħinu (ara Salm
10:14).
Nistgħu nibnu ħafna ħitan u
nagħlqu ħafna daħliet biex
nimlew moħħna li aħna fiż-żgur
bl-għana tagħna magħna u bi
ħsara għal dawk li nħallu fuq
barra. Mhux se jibqa’ hekk għal
dejjem. “Jum il-Mulej”, kif
imfisser mill-profeti (ara Għam
5:18; Iż 2-5; Ġoel 1-3), għad
jeqred il-ħitan tal-fruntieri
bejn il-pajjiżi u flok
l-arroganza tal-ftit iġib
is-solidarjetà tal-ħafna.
Il-qagħda ta’ emarġinazzjoni li
fiha huma maħqura miljuni ta’
nies ma jistax ikun li ttawwal
ħafna iżjed. L-għajta tagħhom
tikber u tħaddan id-dinja
kollha. Kif kiteb Dun Primo
Mazzolari: “Il-fqir hu protesta
kontinwa kontra l-inġustizzji
tagħna; il-fqir hu bħal ħażna
tal-porvli. Jekk tagħtiha n-nar,
ittir id-dinja kollha”.
5.
Qatt mhu
possibbli nevitaw is-sejħa
qawwija li l-Iskrittura Mqaddsa
tafda lill-foqra. Kull fejn
iddawwar ħarsitha, il-Kelma ta’
Alla turina li l-foqra huma dawk
li m’għandhomx il-meħtieġ biex
jgħixu għax jiddependu
mill-oħrajn. Huma l-maħqur,
l-umli, dak li jinsab imċaftar
mal-art. Madankollu, quddiem din
il-ġemgħa bla għadd ta’ foqra,
Ġesù ma beżax jidentifika ruħu
ma’ kull wieħed u waħda minnhom:
“Kulma għamiltu ma’ wieħed
mill-iżgħar fost dawn ħuti,
għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).
Jekk naħarbu minn din
l-identifikazzjoni nkunu
nimmistifikaw il-Vanġelu u nġibu
fix-xejn ir-rivelazzjoni. Alla
li ried jurina Ġesù huwa dan:
Missier ġeneruż, ħanin, bla tarf
fit-tjieba u l-grazzja tiegħu,
li jagħti t-tama fuq kollox lil
dawk li huma qalbhom maqtugħa u
mċaħħda minn futur.
Kif nistgħu ma narawx kif
il-Beatitudnijiet, li bihom Ġesù
nieda l-predikazzjoni tas-Saltna
ta’ Alla, jiftħu b’din
l-espressjoni: “Henjin intom,
il-foqra” (Lq 6:20)? Is-sens ta’
din it-tħabbira paradossali hu
li proprju tal-foqra hi s-Saltna
ta’ Alla, għax huma jinsabu
fil-qagħda li jilqgħuha. Kemm
foqra niltaqgħu magħhom ta’
kuljum! Xi drabi donnu aktar ma
jgħaddi ż-żmien u joktru
l-kisbiet ta’ ċiviltà, aktar
jiżdiedu fl-għadd tagħhom
minflok jonqsu. Jgħaddu s-sekli,
u dik il-beatitudni evanġelika
dejjem tidher iżjed paradossali;
il-foqra huma dejjem iżjed
foqra, u llum huma iżjed minn
qabel. Safrattant Ġesù, li nieda
s-Saltna tiegħu u qiegħed
lill-foqra fil-qalba tagħha,
irid jgħidilna proprju dan: hu
nieda, imma fada
f’idejna, id-dixxipli tiegħu,
id-dmir li mmexxuha ’l quddiem,
bir-responsabbiltà li nagħtu
tama lill-foqra. Hu meħtieġ, fuq
kollox fi żmien bħal dan tagħna,
li nġeddu t-tama u rroddu
l-fiduċja. Hu programm li
l-komunità Nisranija ma tistax
ma tagħtix kasu. Minnu
tiddependi l-kredibbiltà
tat-tħabbira tagħna u tax-xhieda
tal-Insara.
6.
Qrib tal-foqra,
il-Knisja tiskopri li hi poplu
li, imxerred qalb tant
nazzjonijiet, għandu
l-vokazzjoni li ma jħalli lil
ħadd iħossu barrani jew maqtugħ,
għax tinvolvi lil kulħadd
f’mixja komuni ta’ salvazzjoni.
Il-kundizzjoni tal-foqra
tobbligaha biex ma titbiegħed
qatt mill-Ġisem tal-Mulej li
jbati fihom. Pjuttost, aħna
msejħin immissu l-ġisem tiegħu
biex inċappsu jdejna aħna stess
fil-qadi li hu evanġelizzazzjoni
awtentika. Il-promozzjoni anki
soċjali tal-foqra mhijiex impenn
estern għat-tħabbira
tal-Vanġelu, imma bil-maqlub,
turi r-realiżmu tal-fidi
Nisranija u l-validità storika
tiegħu. L-imħabba li tagħti
l-ħajja lill-fidi f’Ġesù ma
tħallix lid-dixxipli tiegħu
jingħalqu f’individwaliżmu li
jifga, moħbi f’biċċiet ta’
intimità spiritwali, mingħajr
ebda influss fuq il-ħajja
soċjali (ara Eżortazzjoni
appostolika Evangelii gaudium,
183).
Dan l-aħħar bkejna l-mewt ta’
appostlu kbir tal-foqra, Jean
Vanier, li bid-dedikazzjoni
tiegħu fetaħ toroq ġodda
għall-qsim ta’ din
il-promozzjoni mal-persuni
emarġinati. Jean Vanier irċieva
mingħand Alla d-don li jiddedika
ħajtu kollha għall-aħwa
b’diżabbiltajiet gravi li spiss
is-soċjetà tipprova taqta’
barra. Kien “qaddis tal-bieb ta’
maġenbna”; bl-entużjażmu tiegħu
għaraf jiġbor madwaru tant
żgħażagħ, irġiel u nisa, li
bit-tħabrik ta’ kuljum qassmu
l-imħabba u raddew it-tbissima
lil tant persuni dgħajfa billi
offrewlhom vera “arka” ta’
salvazzjoni kontra
l-emarġinazzjoni u s-solitudni.
Din ix-xhieda tiegħu bidlet
il-ħajja ta’ tant persuni u
lid-dinja għenitha tħares
b’għajnejn differenti lejn
il-persuni l-iktar dgħajfa.
L-għajta tal-foqra kienet
mismugħa u pproduċiet tama soda,
u ħolqot sinjali viżibbli u
tanġibbli ta’ mħabba konkreta li
għadna sal-lum nistgħu mmissuha
b’idejna.
7.
“L-għażla favur
l-aħħar fost iċ-ċkejknin, favur
dawk li s-soċjetà tbarri u
tarmi” (ibid., 195) hi
għażla prijoritarja li
d-dixxipli ta’ Kristu huma
msejħa jagħtu widen għaliha biex
ma jittradux il-kredibbiltà
tal-Knisja u jagħtu tama
konkreta lil ħafna li
m’għandhomx min jiddefendihom.
L-imħabba Nisranija ssib fihom
il-verifika tagħha, għax min
jikkumpatixxi t-tbatijiet
tagħhom bl-imħabba ta’ Kristu
jirċievi qawwa u jimla bl-istess
qawwa lit-tħabbira tal-Vanġelu.
L-impenn tal-Insara,
fl-okkażjoni ta’ dan il-Jum
Dinji u fuq kollox fil-ħajja
ordinarja ta’ kuljum, ma
jissarrafx biss f’inizjattivi
ta’ għajnuna li, imqar jekk ta’
min ifaħħarhom u huma meħtieġa,
iridu jimmiraw li jkabbru
f’kulħadd l-attenzjoni sħiħa
dovuta għal kull persuna li ssib
ruħha f’qagħda skomda. “Din
l-attenzjoni ta’ mħabba hi
l-bidu ta’ tħassib veru” (ibid.,
199) għall-foqra fit-tiftixa
tal-veru ġid tagħhom. Mhix ħaġa
ħafifa nkunu xhieda tat-tama
Nisranija fil-kuntest
tal-kultura konsumistika u
tal-iskart, li tfittex dejjem li
tkattar benessri superfiċjali u
li jgħaddi. Hi meħtieġa bidla
fil-mentalità biex niskopru
mill-ġdid l-essenzjal u nlaħħmu
u nsaħħu t-tħabbira tas-Saltna
ta’ Alla.
It-tama ngħadduha wkoll permezz
tal-faraġ, li jitwettaq meta
nsieħbu lill-foqra mhux għal xi
mument mimli ħeġġa, imma
b’impenn li jkompli fiż-żmien.
Il-foqra jiksbu tama vera mhux
meta jarawna sodisfatti li
tajniehom ftit minn ħinna, imma
meta fis-sagrifiċċju tagħna
jilmħu att ta’ mħabba b’xejn li
ma jfittex ebda ħlas.
8. Lil tant voluntiera, li spiss
għandhom il-merti li kienu minn
tal-ewwel li fehmu l-importanza
ta’ din l-attenzjoni
għall-foqra, nitlobhom ikomplu
jikbru fl-attenzjoni tagħhom.
Għeżież ħuti, insejħilkom biex
tfittxu f’kull fqir li miegħu
tiltaqgħu dak li tassew għandu
bżonn; biex ma tiqfux mal-ewwel
bżonnijiet materjali, imma
tiskopru t-tjieba li hemm
moħbija fil-qalb tagħhom,
b’attenzjoni għall-kultura
tagħhom u għall-mod ta’ kif
jesprimu ruħhom, biex tistgħu
tiftħu djalogu tassew fratern.
Inwarrbu għall-ġenb il-firdiet
li ġejjin minn viżjonijiet
ideoloġiċi jew politiċi, u
nsammru ħarsitna fuq l-essenzjal
li ma jeħtieġx wisq kliem, imma
ħarsa ta’ mħabba u id imnewla.
Tinsew qatt li “l-agħar
diskriminazzjoni li qed issir
mal-foqra hi n-nuqqas ta’
attenzjoni spiritwali” (ibid.,
200).
Il-foqra qabelxejn għandhom
bżonn ta’ Alla, ta’ mħabbtu
murija minn persuni qaddisa li
jgħixu qrib tagħhom, li
fis-sempliċità ta’ ħajjithom
jesprimu u juru l-qawwa
tal-imħabba Nisranija. Alla
jinqeda b’tant toroq u bi
strumenti bla għadd biex jilħaq
il-qalb tal-persuni. Bla dubju,
il-foqra jersqu lejna anki għax
qed inqassmulhom l-ikel, imma
dak li tassew għandhom bżonn
imur lil hemm mill-platt sħun
jew il-panina li nistgħu
noffrulhom. Il-foqra għandhom
bżonn ta’ dirgħajna biex
inqajmuhom, ta’ qlubna biex
iħossu mill-ġdid is-sħana
tal-imħabba, tal-preżenza tagħna
biex jegħlbu s-solitudni.
Għandhom bżonn sempliċement ta’
mħabba.
9. Xi drabi ma tridx wisq biex
trodd lura t-tama: biżżejjed
tieqaf, titbissem, tisma’. Għal
jum wieħed ejjew inħallu
għall-ġenb l-istatistiċi;
il-foqra mhumiex numri li
ninqdew bihom biex niftaħru
b’opri u proġetti. Il-foqra huma
persuni li magħhom irridu
niltaqgħu: huma żgħażagħ u
anzjani waħidhom biex
nistednuhom id-dar ħa naqsmu
l-ikla magħhom; irġiel, nisa u
tfal li qed jistennew kelma ta’
ħbiberija. Il-foqra jsalvawna
għax jippermettulna li niltaqgħu
mal-wiċċ ta’ Ġesù Kristu.
F’għajnejn id-dinja qisha ħaġa
bla raġuni li naħsbu li l-faqar
u l-miżerja jista’ jkollhom
qawwa salvifika; imma, dan hu li
jgħallimna l-Appostlu meta
jgħid: “Araw x’intom, li Alla
sejħilkom; għax mhumiex ħafna
fostkom li huma għorrief skont
il-qies tad-dinja, mhumiex
ħafna s-setgħana, mhumiex
ħafna n-nobbli. Imma Alla għażel
in-nies boloh għad-dinja biex
iħawwad l-għorrief; għażel
id-dgħajfa tad-dinja biex
iħawwad il-qawwija; għażel
il-mistmerra mid-dinja, u n-nies
li ma huma xejn, biex iġib
fix-xejn ’il dawk li huma xi
ħaġa. Hekk ebda bniedem ma jkun
jista’ jiftaħar quddiem Alla” (1
Kor 1:26-29). Bl-għajnejn ta’
bnedmin ma jirnexxilniex naraw
din il-qawwa salvifika;
bl-għajnejn tal-fidi, imma,
narawha taħdem u nesperimentawha
personalment. Fil-qalb tal-Poplu
ta’ Alla li miexi hemm tvenven
din il-qawwa salvifika li ma
teskludi lil ħadd u lil kulħadd
tinvolvi f’pellegrinaġġ veru ta’
konverżjoni li fih nagħrfu
lill-foqra u nħobbuhom.
10. Il-Mulej ma jitlaqx lil min
ifittxu u lil dawk li jsejħulu;
“ma jinsiex għajat l-imsejknin”
(Salm 9:13), għax widnejh
attenti għal leħinhom. It-tama
tal-fqir tisfida l-bosta
kundizzjonijiet ta’ mewt, għax
hu jaf li hu partikularment
maħbub minn Alla u hekk jegħleb
it-tbatija u l-esklużjoni.
Il-qagħda tiegħu ta’ faqar ma
tneħħilux id-dinjità li rċieva
mingħand il-Ħallieq; hu jgħix
fiċ-ċertezza li din se
tintraddlu lura b’mod sħiħ minn
Alla nnifsu, li mhuwiex
indifferenti għax-xorti ta’
wliedu l-iżjed dgħajfa, imma
bil-maqlub, jilmaħ it-taħbit u
l-uġigħ tagħhom u jilqagħhom
f’dirgħajh, u jagħtihom il-qawwa
u l-kuraġġ (ara Salm 10:14).
It-tama tal-fqir titqawwa
miċ-ċertezza li hu milqugħ
mill-Mulej, li fih sa jsib
il-ġustizzja vera, li qalbu hi
mqawwija biex jista’ jkompli
jħobb (ara Salm 10:17).
Il-kundizzjoni li ssir
lid-dixxipli tal-Mulej Ġesù,
biex ikunu evanġelizzaturi
koerenti, hi li jiżirgħu sinjali
tanġibbli ta’ tama.
Lill-komunitajiet Insara kollha
u lil dawk kollha li jħossu
l-bżonn li jwasslu tama u faraġ
lill-foqra, nitlobhom jimpenjaw
ruħhom biex dan il-Jum Dinji
jista’ jsaħħaħ f’ħafna r-rieda
li jikkollaboraw bil-fatti biex
ħadd ma jħossu mċaħħad
mill-qrubija u mis-solidarjetà.
Ħa jseħibna kliem il-profeta li
jħabbar futur differenti: “Imma
għalikom li tibżgħu minn Ismi
titla’ x-xemx tal-ġustizzja”
(Mal 3:20).
Mill-Vatikan,
13
ta’ Ġunju
2019
Tifkira liturġika ta’
Sant’Antnin ta’ Padova
Franġisku
miġjub mit-Taljan għall-Malti
minn Francesco Pio Attard
|