ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
LI BIHA JAGĦTI
L-INDULĠENZA
FL-OKKAŻJONI
TAL-ĠUBLEW STRAORDINARJU TAL-ĦNIENA
Lil Ħija l-Maħbub
Mons.
Rino Fisichella,
President tal-Kunsill Pontifiċju
għall-Promozzjoni ta’ l-Evanġelizzazzjoni
Ġdida
Issa li qed joqrob il-Ġublew
Staordinarju tal-Ħniena, nista’ niffoka fuq xi punti li nemmen li għandna
nieqfu fuqhom biex nagħmlu mod li ċ-ċelebrazzjoni tas-Sena
Mqaddsa tkun għal kull min jemmen tabilħaqq żmien ta’ laqgħa
mal-ħniena ta’ Alla. Fil-fatt, hi
xewqa tiegħi li l-Ġublew ikun esperjenza ħajja ta’ kemm
il-Missier hu qrib tagħna, hekk li bħal donnu jrid imissina b’idu ħelwa,
biex isaħħaħ il-fidi ta’ kull min jemmen u hekk titqawwa dejjem
iżjed ix-xhieda li jagħti.
Ħsiebi jmur, qabel xejn, lejn il-fidili
kollha li fid-Djoċesijiet partikulari, jew bħala pellegrini f’Ruma,
sa jgħixu l-grazzja ta’ dan il-Ġublew. Nixtieq li l-Indulġenza tal-Ġublew
tasal għand kull wieħed u waħda bħala esperjenza ġenwina
tal-ħniena ta’ Alla, li joħroġ jiltaqa’ ma’ kulħadd bil-wiċċ
tal-Missier li jilqa’ fi ħdanu u jaħfer, waqt li jinsa għal
kollox id-dnub imwettaq. Biex jistgħu
jgħixu u jiksbu l-indulġenza, il-fidili huma msejħin jagħmlu
pellegrinaġġ qasir lejn il-Bieb Imqaddes, miftuħ f’kull Katidral
jew fil-knejjes stabbiliti mill-Isqof Djoċesan, u fl-erba’ Bażiliċi
Papali ta’ Ruma, bħala sinjal tax-xewqa profonda għal
konverżjoni vera. Bl-istess mod
nixtieq li fis-Santwarji fejn jinfetaħ il-Bieb tal-Ħniena u
fil-knejjes li tradizzjonalment huma identifikati bħala Ġubilari,
tkun tista’ tinkiseb l-indulġenza.
Huwa importanti li dan il-mument ikun magħqud, qabel xejn,
mas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni u maċ-ċelebrazzjoni ta’
l-Ewkaristija mqaddsa b’riflessjoni fuq il-ħniena. Ikun hemm bżonn li dawn iċ-ċelebrazzjonijiet
jiġu msieħba mill-istqarrija tal-fidi u mit-talb għalija u skond
il-fehmiet li nġorr f’qalbi għall-ġid tal-Knisja u tad-dinja
kollha.
Barra minn hekk, qed naħseb ukoll f’dawk
li għal diversi raġunijiet mhux sa jkunu jistgħu jgħaddu
mill-Bieb Imqaddes, qabel xejn il-morda u l-persuni anzjani u li jinsabu waħidhom,
spiss f’qagħda li ma jistgħux joħorġu mid-dar. Lil dawn jiswielhom ta’ għajnuna kbira
jekk il-mard u t-tbatija jgħixuhom bħala esperjenza qrib tal-Mulej li
fil-misteru tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu jgħallimna
t-triq biex nagħtu sens lit-tbatija u s-solitudni. Jekk jgħixu bil-fidi u t-tama hienja dan
il-waqt ta’ prova, jitqarbnu jew jieħdu sehem fil-Quddiesa u fit-talb
komunitarju, anki permezz tad-diversi mezzi ta’ komunikazzjoni, dan ikun għalihom
il-mod kif jiksbu l-Indulġenza tal-Ġublew. Ħsiebi jmur ukoll lejn il-ħabsin,
li qed iġarrbu l-limitazzjoni tal-libertà tagħhom. Il-Ġublew sa minn dejjem kien
iż-żmien it-tajjeb għal amnestija kbira, li l-għan tagħha
hu li tkopri ħafna persuni li, anki jekk jistħoqqilhom il-kastig,
madankollu fehmu li wettqu inġustizzja u sinċerament jixtiequ jidħlu
mill-ġdid fis-soċjetà bil-kontribut onest tagħhom. Għand dawn kollha tasal konkretement il-ħniena
tal-Missier li jixtieq ikun qrib ta’ min l-iżjed jeħtieġ il-maħfra
tiegħu. Fil-kappelli tal-ħabsijiet
jistgħu jiksbu l-indulġenza, u kull darba li jgħaddu mill-bieb
taċ-ċella tagħhom, bi ħsiebhom u t-talb tagħhom merfugħ
lejn il-Missier, ħa jkun għalihom dan il-ġest il-passaġġ
tagħhom mill-Bieb Imqaddes, għax il-ħniena ta’ Alla, li tista’
tibdel il-qlub, għandha l-ħila wkoll tibdel il-grada taċ-ċella
f’esperjenza ta’ libertà.
Jien sejjaħt lill-Knisja biex f’dan
iż-żmien tal-Ġublew tiskopri mill-ġdid l-għana li hemm
fl-opri ta’ ħniena li jmissu l-ġisem u r-ruħ. Fil-fatt, l-esperjenza tal-ħniena ssir
viżibbli fix-xhieda ta’ sinjali konkreti kif għallimna Ġesù
nnifsu. Kull darba li l-fidili jgħixu
waħda jew iżjed minn dawn l-opri huma stess, żgur li jkunu qed
jiksbu l-Indulġenza tal-Ġublew.
Minn hawn joħroġ l-impenn li wieħed jgħix bil-ħniena
biex jikseb il-grazzja tal-maħfra sħiħa bil-qawwa ta’ l-imħabba
tal-Missier li ma jħalli lil ħadd barra. Għalhekk din hi indulġenza ġubilari
sħiħa, frott ta’ l-istess ġrajja li qed tiġi ċċelebrata
u megħjuxa bil-fidi, it-tama u l-imħabba.
Fl-aħħar nett, l-Indulġenza
tal-Ġublew tista’ tinkiseb ukoll għall-għeżież mejtin
tagħna. Magħhom aħna
mxierka fix-xhieda ta’ fidi u mħabba li ħallewlna. Kif niftakru fihom fiċ-ċelebrazzjoni
ta’ l-Ewkaristija, hekk nistgħu, fil-misteru kbir tax-xirka tal-Qaddisin,
nitolbu għalihom, biex il-wiċċ ħanin tal-Missier jeħlishom
minn kull fdal ta’ ħtija u jagħfashom mal-qalb tiegħu fl-hena
ta’ bla tmiem.
Waħda mill-ikbar problemi ta’
żmienna hi bla dubju ta’ xejn ir-relazzjoni mibdula li għandna mal-ħajja. Qed ngħixu b’mentalità,
il-lum il-ġurnata mifruxa ħafna, li kissritilna dik is-sensibbiltà
personali u soċjali tant meħtieġa biex nistgħu nilqgħu
ħajja ġdida. It-traġedja
ta’ l-abort xi wħud qed jgħixuha b’għarfien superfiċjali, kważi
bla ma jittendu bil-ħażen gravi li jġib miegħu att bħal
dan. Ħafna oħrajn, min-naħa
l-oħra, anki jekk jgħixu dan il-mument bħala telfa, jaħsbu
li m’għandhomx triq oħra ħlief dik. Jiġuni f’moħħi, b’mod
partikulari, in-nisa kollha li rrikorrew għall-abort. Naf tajjeb il-kundizzjonamenti li wassluhom għal
din id-deċiżjoni. Naf li hi
dramma eżistenzjali u morali.
Iltqajt ma’ ħafna nisa li kienu qed iġorru f’qalbhom il-marka
tal-feriti li ħalliet din l-għażla ta’ tbatija u diqa. Dak li seħħ hu profondament inġust;
madankollu, jekk nifhmuh fil-verità tiegħu biss nistgħu ma nitilfux
it-tama. Il-maħfra ta’ Alla ma
tistax tiġi miċħuda lil min jindem, fuq kollox meta b’qalb sinċiera
jersaq lejn is-Sagrament tal-Qrar biex jikseb ir-rikonċiljazzjoni mal-Missier. Għalhekk ukoll iddeċidejt, minkejja
kull ħaġa kuntrarja, li għal din is-Sena tal-Ġublew nagħti
lis-saċerdoti kollha l-fakultà li jagħtu l-assoluzzjoni mid-dnub ta’ l-abort
lil dawk kollha li wettquh u, niedma minn qalbhom, qed jitolbu l-maħfra
tiegħu. Is-saċerdoti għandhom
iħejju ruħhom għal din il-missjoni għolja billi jagħrfu
jpoġġu l-aħjar kliem biex jilqgħu b’mod ġenwin lil
dawn il-penitenti, b’riflessjoni li tgħinhom jifhmu d-dnub li wettqu, u
juruhom x’għandha tkun il-mixja ta’ konverżjoni awtentika biex jistgħu
jilqgħu tassew il-maħfra vera u ġeneruża tal-Missier li
kollox iġedded bil-preżenza tiegħu.
L-aħħar ħsieb tiegħi jdur
lejn dawk il-fidili li għal bosta raġunijiet iħossu li għandhom
jiffrekwentaw il-knejjes amministrati mis-saċerdoti tal-Fraternità ta’ San Piju X. Din is-Sena tal-Ġublew tal-Ħniena
ma trid tħalli lil ħadd barra. Minn bosta partijiet tad-dinja, xi aħwa
Isqfijiet qaluli bil-fidi tajba u l-prattika sagramentali tagħhom, imsieħba,
imma, mill-iskumdità ta’ qagħda pastoralment diffiċli. Nittama li fil-futur qarib jistgħu
jinstabu s-soluzzjonijiet biex tinkiseb mill-ġdid il-komunjoni sħiħa
mas-saċerdoti u s-superjuri tal-Fraternità. Sadattant, imqanqal mill-ħtieġa li nwieġeb għall-ġid ta’
dawn il-fidili, b’dispożizzjoni personali nistabbilixxi li dawk kollha li
matul is-Sena Mqaddsa tal-Ħniena jersqu biex jiċċelebraw
is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni għand is-saċerdoti tal-Fraternità ta’ San
Piju X, jirċievu validament u leċitament l-assoluzzjoni ta’ dnubiethom.
Nafda fl-interċessjoni ta’ Omm il-Ħniena,
nafda taħt il-ħarsien tagħha t-tħejjija għal dan il-Ġublew
Straordinarju.
Mill-Vatikan, 1 ta’ Settembru 2015
Franġisku
miġjuba
mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard