Qegħdin nippublikaw l-intervista li l-Papa Franġisku ta lill-ġurnal ta’ kull ġimgħa Belġjan “Tertio”, fl-okkażjoni tal-konklużjoni tal-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena:

[(Interlokutur)
Rappreżentant tal-Isqfijiet għall-meżżi ta’ komunikazzjoni...

(Papa Franġisku)
Inti diġa kont ġibtli, darba, xi tfal li kienu għamluli mistoqsijiet tajba.

(Interlokutur)
Hemm Papa li jagħti risposti tajba...

(Papa Franġisku)
Ħa nistenna ftit... Nixtieq nara il-mistoqsijiet, għax ma rajthomx...
]

 

MISTOQSIJA – Fil-Pajjiż tagħna qegħdin ngħixu f’mument fejn il-politika nazzjonali trid tifred ir-reliġjon mill-ħajja pubblika: per eżempju fl-edukazzjoni. Hemm l-opinjoni li, fi żmien ta’ sekularizazzjoni, ir-reliġjon għandha tkun riservata għall-ħajja privata. Kif nistgħu nkunu fl-istess ħin Knisja missjunarja, li toħroġ lejn is-soċjetà, u ngħixu din it-tensjoni maħluqa minn din l-opinjoni pubblika?

PAPA – Tajjeb, ma nixtieq noffendi lil ħadd, iżda din id-definizzjoni hija definizzjoni antikwata. Dan huwa wirt li ħallilna l-Illuminiżmu – mhuwiex hekk? – fejn kull fenomenu reliġjuż huwa sub-kultura. Huwa d-differenza bejn il-lajċiżmu u l-lajċità. Dwar dan tkellimt mal-Franċiżi... Il-[Konċilju] Vatikan II ikellimna dwar l-awtonomija tal-affarijiet, tal-proċessi u tal-istituzzjoni. Hemm lajċità b’saħħita (mhux marida), per eżempju il-lajċità tal-Istat. Ġeneralment, Stat lajkali huwa ħaġa tajba; aħjar min Stat konfessjonali, għaliex l-Istati konfessjonali jispiċċaw ħażin. Iżda ħaġa hija l-lajċità u ħaġa oħra huwa l-lajċiżmu. Il-lajċiżmu jagħlaq il-bibien għat-traxxendenza, għat-traxxendenza doppja: kemm it-traxxendenza lejn l-oħrajn u fuq kollox it-traxxendenza lejn Alla; jew lejn dak li jinsab lil hinn. U l-ftuħ għat-traxxendenza jagħmel parti mill-essenza umana. Jagħmel parti mill-bniedem. Minix qed nitkellem dwar reliġjon, qed nitkellem dwar il-ftuħ għat-traxxendenza. Għalhekk, kultura jew sistema politika li ma tirrispettax il-ftuħ għat-traxxendenza tal-persuna umana “taqta’”, taqsam il-persuna umana.  Fi kliem ieħor ma tirrispettax lill-persuna umana. Dan huwa bejn wieħed u ieħor dak li naħseb. Għalhekk, li tibgħat fis-sagristija kwalunkwe att ta’ traxxendenza huwa “asepsis”, li m’għandux x’jaqsam xejn man-natura umana, li jaqta’ min-natura umana parti kbira mill-ħajja, li huwa l-ftuħ.

MISTOQSIJA – Inti tinkwieta dwar ir-rapport inter-reliġjuż. Fi żminjietna qed ngħixu mat-terroriżmu, mal-gwerra. Xi drabi jiġi osservat li l-għerq tal-gwerer tal-lum jinsab fid-differenza bejn ir-reliġjonijiet. X’jista’ jingħad dwar dan?

PAPA – Iva, nemmen li din l-opinjoni teżisti. Iżda l-ebda reliġjon, bħala reliġjon, ma tista’ tinkoraġixxi l-gwerra. Għaliex f’dan il-każ tkun qegħda tipproklama alla tal-qerda, alla tal-mibegħda. Ma tistax tagħmel il-gwerra f’isem Alla jew f’isem pożizzjoni reliġjuża. Fl-ebda reliġjon ma tista’ tagħmel il-gwerra. U għalhekk it-terroriżmu, il-gwerra, m’humiex f’relazzjoni mar-reliġjon. Jintużaw deformazzjonijiet reliġjużi sabiex dawn ikunu ġġustifikati, dan iva. Intom xhieda ta’ dan, għextuh f’artkom stess. Iżda dawn huma deformazzjonijiet reliġjużi, li m’għandhomx x’jaqsu mal-essenza tal-fatt reliġjuż, li huwa pjuttost imħabba, għaqda, rispett, djalogu, dawn l-affarijiet kollha... Iżda mhux f’dan l-aspett, jew aħjar, li f’dan hemm bżonn li wieħed ikun kategoriku, l-ebda reliġjon għal-fatt reliġjuż ma tipproklama l-gwerra. Xi deformazzjonijiet reliġjużi iva. Per eżempju, ir-reliġjonijiet kollha għandhom gruppi fundamentalisti. Kollha. Anke aħna. U minn hemm ifarrku, mill-fundamentaliżmu tagħhom. Iżda huma dawn il-gruppi żgħar reliġjużi li ddeformaw, “marrdu” ir-reliġjon propja, u minn hawn jikkumbattu, jagħmlu gwerra, jew joħolqu firda fil-komunità, li hija forma ta’ gwerra. Iżda dawn huma il-gruppi fundamentalisti li għandna fir-reliġjonijiet kollha. Hemm dejjem xi grupp żgħir...

MISTOQSIJA Mistoqsija oħra dwar il-gwerra. Qegħdin infakkru ċ-ċentinarju tal-Ewwel Gwerra Dinjija. Kieku inti xi tgħid lill-kontinent Ewropew dwar is-slogan ta’ wara l-gwerra: “Qatt aktar gwerra”?

PAPA – Jiena kellimt lill-kontinent Ewropew tliet darbiet: darbtejn fi Strassburgu u darba s-sena l-oħra, jew din is-sena, ma niftakarx, meta kien hemm il-Premju Carlo Magno [6 ta’ Mejju 2016]. Naħseb li dik il-“Qatt aktar gwerra!” ma tteħditx bis-serjetà, għaliex wara l-Ewwel kien hemm it-Tieni, u wara t-Tieni, hawn din it-tielet li qegħdin ngħixu bħalissa, maqsuma f’biċċiet. Ninsabu fi gwerra. Id-dinja qegħda tagħmel it-tielet gwerra dinjija: Ukrajna, l-Lvant Nofsani, Afrika, Yemen... Dan huwa gravi ħafna. Għaldaqstant, “Qatt aktar gwerra!” ngħiduha bil-fomm, iżda sadattant nipproduċu l-armi u nbiegħuhom; u nbiegħuhom lil dawk stess li qegħdin niġġieldu kontrihom; għaliex l-istess produttur tal-armi jbiegħhom lil dan u lill-ieħor, li jinsabu fi gwerra bejniethom. Huwa veru. Teżisti teorija ekonomika li ma ppruvajtx nivverifika, imma li qrajt dwarha f’bosta kotba: li fl-istorja tal-umanità, meta Stat kien jara li l-baġit tiegħu ma kienx sejjer tajjeb, kien jagħmel gwerra biex jerġa jpoġġi f’postu l-baġit tiegħu. Jiġifieri, dan huwa wieħed mill-modi l-aktar faċli sabiex tiġġenera l-ġid. Ċertament, il-prezz għal dan huwa għoli ħafna: id-demm.

Dik il-“Qatt aktar gwerra!”, naħseb li hija ħaġa li l-Ewropa qalet b’mod sinċier, qalha sinċerament: Schumann, De Gasperi, Adenauer... qaluha sinċerament.  Iżda wara... Illum neqsin mill-mexxejja; l-Ewropa għandha bżonn ta’ mexxejja, mexxejja li jimxu ‘l quddiem... Tajjeb, ma rridx nirrepeti dak li għedt fit-tliet diskorsi.

MISTOQSIJA – Hemm ċans li Inti tiġi l-Belġju għal din it-tifkira tal-gwerra?

PAPA – Le, m’huwiex mistenni, le... Il-Belġu, kont immur kull sena u nofs, meta kont [superjur] provinċjal, għaliex hemm kien hemm assoċjazjoni ta’ ħbieb tal-Università Kattolika ta’ Córdoba. Għaldaqstant kont immur hemmhekk biex nitkellem. Huma kienu jagħmlu l-Eżerċizzi [spiritwali]. U jien kont immur biex nirringrazzjhom. U hekk inġbidt lejn il-Belġju. Għalija l-aktar belt sabiħa tal-Belġju mhijiex tiegħek iżda Bruges... [jidħak]

[Intervistatur: Irrid ngħidlek li ħija huwa Ġiżwita.
Papa: Ah veru? Ma kontx naf!

Intervistatur: Għalhekk, minkejja li huwa Ġiżwita, huma nies tajba.
Papa: Kont ser nistaqsik jekk huwiex kattoliku...
(Jidħak u jidħku)]

MISTOQSIJA – Dalwaqt nikkonkludu s-Sena tal-Ħniena. Tista’ tgħidilna kif għext din is-Sena u x’tistenna meta din is-Sena tkun intemmet?

PAPA – Is-Sena tal-Ħniena ma kienitx xi idea li ġietni f’daqqa. Għandha l-bidu tagħha mill-Beatu Pawlu VI. Pawlu VI kien diġa għamel xi passi sabiex terġa tkun skoperta l-ħniena ta’ Alla. Warajh San Ġwanni Pawlu II għamel ħafna emfasi fuq dan permezz ta’ tliet fatti: l-Enċiklika Dives in Misericordia, il-kanonizazzjoni ta’ Santa Fawstina, u l-Festa tal-Ħniena Divina fl-Ottava tal-Għid, u huwa miet lejliet din l-istess festa. U diġà minn hemm bħal introduċa lill-Knisja f’din it-triq. Jiena ħassejt li l-Mulej ried dan. Kien... Ma nafx kif iffurmat l-idea fil-qalb tiegħi... Jum sabiħ minnhom għedt lil Mons. Fisichella, li kien ġie dwar xi kwistjonijiet tad-Dikasteru tiegħu: “Kemm nixtieq nagħmel Ġublew, Sena Ġubilari tal-Ħniena”. U huwa qalli: “Għala le?”. U b’hekk bdiet is-Sena tal-Ħniena. Din hi l-aqwa garanzija li din is-Sena ma kienitx idea umana, iżda kienet ġejja mill-għoli. Nemmen li nebbaħha il-Mulej. U evidentement marret tajjeb ħafna.  Apparti hekk, il-fatt li l-Ġublew ma kienx biss Ruma, iżda fid-dinja kollha, fid-djoċesijiet u fil-qalba ta’ kull djoċesi, ħoloq ħafna muviment, ħafna muviment... u n-nies iċċaqilqet ħafna. Iċċaqilqet ħafna u ħassitha msejħa biex tirrikonċilja ma’ Alla, biex terġa tiltaqa’ mill-ġdid mal-Mulej, biex tħoss iż-żegħila tal-Missier.

MISTOQSIJA – It-teologu Ġermaniż Dietrich Bonhoeffer għamel distinzjoni bejn il-grazzja “irħisa” u dik “bi prezz għoli”. Għalhekk, xi tfisser għalik ħniena “irħisa” jew “bi prezz għoli”.

PAPA – Il-ħniena hija “bi prezz għoli” u “irħisa”. Ma nafx kif inhu l-kliem ta’ Bonhoeffer, ma nafx kif jispjega dan... Iżda hija “irħisa” għaliex m’hemm xejn xi tħallas: m’hemmx indulġenzi x’jinxtraw, hija purament rigal, purament għotja. [Il-ħniena] għandha “prezz għoli” għaliex hija d-don l-aktar prezzjuż. Hemm ktieb ibbażat fuq intervista li għamluli, li jismu “L-Isem ta’ Alla huwa Ħniena”.  Hija prezzjuża għaliex hi l-isem ta’ Alla: Alla huwa Ħniena. Qed tfakkarni f’dak is-saċerdot li kelli Buenos Aires – li għadu jiċċelebra l-Quddiesa u jaħdem, u għandu 92 sena! – u fil-bidu ta’ kull Quddiesa dejjem jagħti xi avviżi. Huwa għandu ħafna enerġija, 92 sena, jippriedka tajjeb ħafna, in-nies tmur biex tisimgħu... “Jekk jogħġobkom, itfu l-mobile”. U waqt il-Quddiesa, beda l-Offertorju, u jinstema’ mobile... Waqaf u qal: “Jekk jogħġobkom, itfu il-mobile”.  U l-abbati, li kien ħdejh, qallu: “Father, dan tiegħek”. U hu ħareġ il-mobile u qal: “Hello!” [Jidħku]

MISTOQSIJA – Jidhrilna li Inti qiegħed tindika l-Konċilju Vatikan II fiż-żminijiet tal-lum. Qiegħed turina triqat ta’ tiġdid fil-Knisja. Il-Knisja sinodali... Fis-Sinodu inti spjegajt il-viżjoni tiegħek tal-Knisja tal-futur. Tista’ tispjegahielna għall-qarreja tagħna?

PAPA – Il-“Knisja sinodali”, nieħu din il-kelma. Il-Knisja titwieled mill-komunitajiet, titwieled mill-bażi, mill-komunità, titwieled mill-Magħmudija; u torganiżża ruħha madwar Isqof, li jlaqqagħha, jagħtiha s-saħħa; l-Isqof li huwa s-suċċessur tal-Appostli. Din hija l-Knisja. Iżda fid-dinja kollha hemm ħafna Isqfijiet, ħafna Knejjes organiżżati, u hemm Pietru. Għaldaqstant, jew hemm Knisja piramidali, fejn dak li jgħid Pietru isir, jew hemm Knisja sinodali, fejn Pietru huwa Pietru, iżda jakkumpanja lill-Knisja, iħalliha tikber, jismagħha; aktar minn hekk, jitgħallem minn din ir-realtà u bħal iqiegħed f’armonija, filwaqt li jiddixxerni dwar dak li ġej mill-Knejjes u jroddu lura. L-aktar esperjenza sinjura ta’ dan kollu kienu l-aħħar żewġ Sinodi. Hemmhekk ġew mismugħa l-Isqfijiet tad-dinja kollha, bil-preparazzjoni; il-Knejjes kollha tad-dinja, id-djoċesijiet, ħadmu. Dan il-materjal kollu ġie maħdum fl-ewwel Sinodu, li wassal ir-riżultati lill-Knisja; imbagħad erġajna morna t-tieni darba – it-tieni Sinodu – biex inlestu dan kollu. U minn hemm ħarġet Amoris Lætitia. Kemm hija interessanti l-għana tal-varjetà ta’ sfumaturi, li hija proprja tal-Knisja. Hija unità fid-diversità. Din hija s-sinodalità. Mhux tniżżel minn fuq għal isfel, iżda tisma’ lill-Knejjes, tarmoniżżhom, tiddixxerni.  U b’hekk hemm Eżortazzjoni post-sinodali, li hija Amoris Lætitia, li hi r-riżultat ta’ żewġ Sinodi, fejn ħadmet il-Knisja kollha, u li l-Papa għamilha tiegħu. Tfisser dan kollu b’mod armonjuż. Huwa interessanti: dak kollu li jinsab fiha [fl-Amoris Lætitia], fis-Sinodu ġie approvat min aktar minn żewġ terzi tal-padri. U dan huwa garanzija. Knisja sinodali tfisser li jingħata dan il-muviment minn fuq għal isfel, minn fuq għal isfel.  U fid-djoċesijiet l-istess ħaġa. Iżda hemm formola antika bil-Latin li tgħid li l-Knejjes huma dejjem cum Petro et sub Petro. Pietru huwa l-garanti tal-unità tal-Knisja. Huwa l-garanti.  Din hija t-tifsira. U jeħtieġ li nibqgħu miexja l-quddiem fis-sinodalità; li hija waħda mill-affarijiet li l-Ortodossi żammew. U anke l-Knejjes Kattoliċi Orjentali. Din hija għana tagħhom, hu jiena nirrikonoxxiha fl-Enċiklika.

MISTOQSIJA – Jiena jidhirli li l-passaġġ li għamel it-tieni Sinodu minn metodu li “jħares, jiġġudika u jaġixxi” għal wieħed li “jisma’, jifhem u jakkumpanja”. Huwa differenti ħafna. Dawn huma l-affarijiet li jiena kontinwament ngħid lin-nies. Il-passaġġ li għandu s-sinodu huwa dak li jara, jiġġudika u jaġixxi u għaldaqstant li jisma’ r-realtà tan-nies, jifhem sewwa r-realtà u mbagħad jakkumpanja lin-nies fil-mixja tagħhom...

PAPA – Għaliex kullħadd qal dak li kien jaħseb, mingħajr biża li jħossu ġġudikat. U kulħadd kellu l-atteġġament tas-smigħ, mingħajr ma jikkundanna. Imbagħad konna niddiskutu bħal aħwa fil-gruppi. Iżda ħaġa hija li tiddiskuti bħal aħwa u ħaġa oħra hi li tikkundanna ġa minn qabel. Kien hemm libertà tal-espressjoni kbira ħafna. U dan huwa sabiħ!

MISTOQSIJA – Fi Krakovja, Inti tajt stimuli prezzjużi liż-żgħażagħ. X’messaġġ partikolari tista’ tagħti liż-żgħażagħ tal-Pajjiż tagħna?

PAPA – Li ma jibżgħux; li ma jistħux mill-fidi; li ma jistħux milli jfittxu toroq ġodda. U liż-żgħażagħ li ma jemmnux: Tinkwietax, fittex is-sens tal-ħajja. Lil xi ħadd żagħżugħ jiena nagħtih żewġ pariri: fittex oriżżonti, u tieħux il-pensjoni ta’ 20 sena. Hija ta’ niket kbir li tara żagħżugħ pensjonant ta’ 20-25 sena, le? Fittex oriżżonti, imxi ‘l quddiem, kompli aħdem f’dan l-impenn uman.

MISTOQSIJA – Mistoqsija tal-aħħar, Santo Padre, rigward il-“media”: xi kunsiderazzjoni dwar il-meżżi ta’ komunikazzjoni...

PAPA – Il-meżżi ta’ komunikazzjoni għandhom responsabbiltà kbira ħafna. Illum il-ġurnata għandhom f’idejhom il-possibiltà u l-kapaċità li jiffurmaw opinjoni: jistgħu jiffurmaw opinjoni tajba jew opinjoni ħażina. Il-meżżi ta’ komunikazzjoni huma l-bennejja ta’ soċjetà. Minnhom infushom, huma magħmula biex jibnu, biex jaqsmu bejniethom, biex joħolqu fraternità, biex iġiegħlu n-nies jaħsbu, biex jedukaw. Fihom infushom huma pożittivi. Huwa ovvja li, minħabba li aħna lkoll midinbin, anke il-media jistgħu – aħna lkoll li nużaw il-media, hawn jien qed nagħmel użu minn mezz ta’ komunikazzjoni – jistgħu isiru ta’ ħsara. U l-meżżi ta’ komunikazzjoni għandhom it-tentazzjonijiet tagħhom. Jistgħu ikollhom it-tentazzjoni tal-kalunja, u b’hekk jiġu użati biex jikkalunjaw, biex iħammġu lin-nies, dan speċjalment fid-dinja tal-politika. Jistgġu jintuzaw bħala mezz ta’ diffamazzjoni: kull persuna għandha d-dritt li jkollha isem tajjeb, iżda jista’ jkun li fil-ħajja tagħha ta’ qabel, fil-ħajja passata, jew għaxar snin ilu, kellha xi problema mal-ġustizzja, jew xi problema fil-ħajja familjari tagħha, u li toħroġ dan fil-beraħ illum huwa gravi, jagħmel il-ħsara, tiġi kkanċellata persuna! Fil-kalunja wieħed jgħid gidba dwar il-persuna; fid-diffamazzjoni jiġi muri file – kif ngħidu l-Arġentina: Se hace un carpetazo – u tiġi skoperta xi ħaġa li hija vera, iżda li diġa għaddiet, u li għaliha forsi diġà wieħed ħallas bil-ħabs, b’multa jew ikun xi jkun. M’hemmx dritt għal dan. Dan huwa dnub u jweġġgħa. U ħaġa li tista’ tagħmel ħafna ħsara fil-meżżi tal-informazzjoni hija il-miżinformazzjoni: jiġifieri, li quddiem kwalunkwe sitwazzjoni tingħad biss parti mill-verità u mhux il-parti l-oħra. Dan hu li timmiżinforma. Għaliex inti, lis-semmiegħ jew lit-telespettatur tagħtih biss nofs il-verità, u b’hekk ma jkunx jista’ jagħmel ġudizzju serju. Il-miżinformazzjoni hija proabbilment l-akbar ħsara li jista’ jagħmel mezz [ta’ komunikazzjoni], għaliex torjenta l-opinjoni f’direzzjoni, filwaqt li tħalli barra l-parti l-oħra tal-verità. Imbagħad, naħseb li il-media għandhom ikunu ċari ħafna, trasparenti ħafna, u ma jaqgħux – mingħajr ma noffendi lil ħadd, jekk jogħġobkom – fil-marda tal-coprofilia, li tinsab f’li tkun trid dejjem tikkomunika l-iskandlu, l-affarijiet koroh, anke jekk huma verità. U ladarba n-nies għandha t-tendenza tal-marda tal-coprofagia, tista’ ssir ħafna ħsara. Mela ngħid dawn l-erba’ tentazzjonijiet. Iżda huma bennejja ta’ opinioni u jistgħu jibnu, u jagħmlu ġid immens, immens.

MISTOQSIJA – Biex nikkonkludu, kelma għas-saċerdoti. Mhux diskors, għaliex qed jgħidulna li rridu nikkonkludu... X’inhu l-aktar importanti għal saċerdot?

PAPA – Din risposta daqsxejn Salesjana, imma tiġini minn qalbi. Ftakar li għandek Omm li tħobbok, u tieqaf qatt tħobb lil Ommok, il-Verġni.  It-tieni: ħalli lil Ġesù iħares lejk. It-Tielet: li tfittex fl-aħwa il-laħam li qiegħed ibati ta’ Ġesù; hemm tiltaqa’ ma’ Ġesù. Dan bħala bażi. Minn hawn jiġi kollox. Jekk inti saċerdot orfni, li nesa li għandu Omm; jekk inti saċerdot li tbiegħed minn dak li ħabbek, li huwa Ġesù, ma tista’ qatt twassal l-Evanġelju. Liema hija t-triq? It-tenerezza. Ħa jkollhom tenerezza. Is-saċerdoti m’għandhomx jistħu milli jkollhom tenerezza. Ħa jżegħlu bid-demm sofferenti ta’ Ġesù. Illum hawn bżonn ta’ rivoluzzjoni tat-tenerezza f’din id-dinja li qed issofri mill-cardiosclerosi.

MISTOQSIJA – Il-cardio…?

PAPA – Il-cardiosclerosi.

[Test oriġinali: Spanjol]

 

 

Miġjub għall-Malti minn John Muscat