“Alla jimxi bi tjieba miegħi, jagħtini doża sana ta’ ‘inkuxjenza’. Qed nagħmel dak li għandi nagħmel”. Il-Papa Franġisku ta intervista twila lil Elisabetta Piqué, korrispondenta f’Ruma tal-ġurnal ta’ kuljum La Nación u awtriċi tal-ktieb Francesco, vita e rivoluzione. Għal ħamsin minuta, fl-appartament tiegħu f’Santa Marta, Bergoglio wieġeb għal bosta mistoqsijiet. Din hi sintesi ta’ l-intervista.
Is-Sinodu dwar il-familja
“Il-proċess sinodali m’hux bħall-proċess f’parlament, imma spazju protett biex l-Ispirtu s-Santu jista’ jaħdem fih. U huma meħtieġa żewġ kwalitajiet ċari: kuraġġ li wieħed jitkellem u umiltà biex jisma’. Dan seħħ b’mod tajjeb ħafna”. Veru li “hemm” pożizzjonijiet differenti, imma fi pjan ta’ tiftix għall-verità. “Int forsi tista’ tistaqsini: ‘Imma hemm xi wħud li qed iżommu iebes ħafna fil-pożizzjonijiet tagħhom?’. Iva, jaf ikun hemm xi ħadd. Imma dan ma jħassibnix, irridu nitolbu lill-Ispirtu s-Santu jikkonvertihom, jekk kien hemm xi każi bħal dawn. Dak li żgur ħassejna fis-Sinodu kien tiftixa bejn l-aħwa dwar kif ħa naffrontaw il-problemi pastorali tal-familja”. Iż-żgħażagħ, fakkar Franġisku, “mhux qed jiżżewġu”. U mbagħad “meta jiġu biex jiżżewġu, meta jkunu diġà qed jgħixu flimkien, naħsbu li bi tliet laqgħat nistgħu inħejjuhom għaż-żwieġ. Imma dan m’hux biżżejjed, għax il-parti l-kbira tagħhom ma jafux xi jfisser timpenja ruħek għal ħajtek kollha. Benedittu XVI dan tennieh darbtejn fl-aħħar snin, li għall-annullament taż-żwieġ irridu nżommu f’moħħna wkoll il-fidi li biha l-persuna daħlet għaż-żwieġ…”. Imbagħad Franġisku rrakkonta dwar koppja li kienet tikkoabita u li xi ġranet ilu tatu l-aħbar li kienet ħa tiżżewweġ, u għall-mistoqsija jekk kinux qed jitħejjew tajjeb, tkellmu dwar il-libsa, il-knisja, il-festa, il-konfetti. “B’dan irrid ngħid li għal ħafna persuni, li tiżżewweġ hu fatt soċjali. U l-aspett reliġjuż ma jidħol imkien. Il-Knisja kif qed tgħin f’din iċ-ċirkustanza? Jekk m’humiex imħejjija tajjeb, tagħlqilhom il-bieb? Hi problema serja…”.
Ir-riferimenti fis-Sinodu għall-omosesswali u r-relazzjoni magħhom
“Is-Sinodu kien proċess, u l-istess kif il-fehma ta’ missier sinodali kienet il-fehma ta’ missier sinodali, l-ewwel abbozz kien l-ewwel abbozz, fejn inġabar kollox flimkien. Fis-Sinodu ħadd ma tkellem dwar żwieġ bejn l-omosesswali. Dak li dwaru tkellimna hu kif familja li għandha iben jew bint omosesswali, tista’ tedukahom, trabbihom, u kif nistgħu ngħinu lil din il-familja tibqa’ miexja f’din is-sitwazzjoni xi ftit mhux tas-soltu. Għalhekk fis-Sinodu tkellimna dwar il-familja u l-persuni omosesswali f’relazzjoni mal-familji tagħhom, għax din hi realtà li niltaqgħu magħha fil-konfessjonarji”.
Se tinbidel id-“duttrina tradizzjonali”?
“Dejjem ikun hemm min jibża’, imma dan għax ma jaqrawx l-affarijiet, jew jaqraw aħbar fuq gazzetta, artiklu, u ma jaqrawx xi ddeċieda s-Sinodu, dak li ġie ppubblikat. X’baqa’ mis-Sinodu? Ir-relazzjoni post-sinodali, il-messaġġ post-sinodali, u d-diskors tal-Papa… Jien m’iniex beżgħan li nkompli b’din il-mixja li hi l-mixja tas-sinodalità, hi l-mixja li qed jitlob minna Alla. U l-Papa hu l-garanti, jien għalhekk qiegħed hawn”.
Id-divorzjati li reġgħu żżewġu
“X’se nagħmlu għal dawn? X’bieb nistgħu niftħu? Hemm tħassib pastorali: allura se nagħtuhom jitqarbnu? Li nagħtuhom jitqarbnu m’hix soluzzjoni. Dan waħdu m’hux is-soluzzjoni, is-soluzzjoni hi li nintegrawhom. M’humiex skumnikati. Imma ma jistgħux jkunu parrini tal-Magħmudija, ma jistgħux jaqraw il-Qari fil-Quddiesa, ma jistgħux iqarbnu, ma jistgħux jgħallmu l-katekiżmu, ma jistgħux jagħmlu xi seba’ affarijiet, għandi l-lista hemm. Jekk noqgħod ngħid hekk, jidhru li fil-fatt huma skumnikati! Allura, niftħu ftit bibien. Għaliex ma jistgħux ikunu parrini?”. “Le, ħares, x’xhieda se jagħtu dawn lill-filjozz?”. “Ix-xhieda ta’ raġel u mara li jgħidulhom: ‘Ħares, għażiż tiegħi, jien żbaljajt, hawnhekk żlaqt, imma nemmen li l-Mulej iħobbni, irrid nimxi wara l-Mulej, id-dnub ma rebaħnix, sa nibqa’ miexi’. Imma x’xhieda Nisranija hi din? U jekk jiġi wieħed minn dawn l-imbroljuni politiċi li għandna, korrotti, biex jagħmilha ta’ parrinu u quddiem il-Knisja hu leċitament miżżewweġ, int taċċettah? U x’xhieda se jagħtih dan lill-filjozz tiegħu? Xhieda ta’ korruzzjoni?”.
Il-proposta Kasper
Il-Kardinal Kasper “ħareġ b’xi ipotesi”. X’ġara? “Xi teologi quddiem dawn l-ipotesi beżgħu, u ppreferew jgħaddsu rashom fir-ramel. U qalu: Ma jkun qatt li nagħtu t-tqarbin Ewkaristiku, imma naċċettaw dak spiritwali. Imma għidli waħda: ma tridx tkun fil-grazzja ta’ Alla biex tirċievi t-tqarbin spiritwali?”.
Il-Kattoliċi li qed jitilqu
Bi tweġiba għall-istħarriġ li sar dan l-aħħar mill-Pew dwar il-fatt li fl-Amerika Latina l-Kattoliċi qed jonqsu, il-Papa jgħid: “Nistaqsi lili nnifsi: liema huma l-affarijiet fil-Knisja li l-fidili m’humiex sodisfatti dwarhom? Hu meta ma jħossux il-Knisja qrib tagħhom u l-klerikaliżmu. Kull Kattoliku hu msejjaħ ikun qrib ta’ l-oħrajn, joħroġ u jsir il-proxxmu ta’ l-oħrajn, tal-problemi tagħhom, tar-realtà tagħhom”.
Id-diżorjentament ta’ xi wħud
“Wieħed darba qalli: ‘Iva, id-dixxerniment jagħmel tajjeb, imma għandna bżonn ta’ affarijiet iktar ċari’”. Weġibtu: “Ħares, jien ktibt enċiklika ta’ erba’ jdejn, eżortazzjoni appostolika, kontinwament nagħmel dikjarazzjonijiet u omeliji, u dan hu l-Maġisteru. Dan hemm qiegħed, hu dak li naħseb, mhux dak li l-medja jgħidu li naħseb. Fittex hemm, u ħa ssibu ċar biżżejjed. L-Evangelii gaudium hi ċara ħafna”.
Ir-reżistenzi dejjem iżjed evidenti
“Il-kelma wżajtha int stess. Ir-reżistenza issa qed issir ċara, imma għalija dan hu sinjal tajjeb, li jidher, biex meta ma jaqblux, l-affarijiet ma jgħiduhomx fil-moħbi. Hi ħaġa tajba li wieħed jiddiskuti l-affarijiet, ħaġa tajba ħafna… Ir-reżistenzi narahom bħala ottiki differenti, mhux bħala ħaġa maħmuġa. Għandhom x’jaqsmu mad-deċiżjonijiet li nieħu, dan iva. Hu ċar li hemm xi deċiżjonijiet li jolqtu xi aspetti ekonomiċi, oħrajn aspetti iktar pastorali… Ma jħassibnix dan, jidhirli li hu ħaġa normali; ma kienx ikun normali kieku ma kienx hemm fehmiet differenti. Ma kienx ikun normali kieku ma ħareġ xejn”.
Il-vera riforma
Franġisku fl-intervista jafferma li r-riforma tal-Kurja miexja, imma “il-proċess hu bil-mod” u ma nistgħux nippretendu li jkun lest fl-2015. “Ir-riforma spiritwali hi li qed tinkwetani l-iżjed bħalissa”.
Lajċi f’ras id-dikasteri
“Jista’ jkun, ma nafx”, iwieġeb il-Papa dwar l-ipotesi li tinħatar koppja miżżewġa f’ras id-dikasteri ġodda konsolidati li ħa jieħdu ħsieb tal-lajċi u l-familja. “F’ras id-dikasteri jew bħala segretarji se jkun hemm il-persuni l-aktar adatti, nisa, irġiel jew koppji miżżewġa… F’ras dikasteri bħalma huma l-kongregazzjonijiet, dejjem sa jkun hemm kardinal. Jixraq li jkun hekk anki biex ikun qrib tal-Papa bħala kollaboratur f’dak il-qasam. Imma s-segretarji tad-dikasteru m’hemmx għalfejn bilfors ikunu isqfijiet”.
“Jorge, ibqa’ kif int”
“Qabel ġejt hawn, kont wasalt biex nirtira. Man-Nunzju kont bqajt li meta nerġa’ lura Buenos Aires nibdew it-terna għas-suċċessjoni biex sa tmiem l-2013 ikollna l-arċisqof il-ġdid. Moħħi diġà kien fuq il-konfessjonarji tal-knisja fejn ridt immur inqarar. Kont ippjanajt ukoll li nqatta’ jumejn jew tlieta fil-ġimgħa fis-Santwarju ta’ Luján, u l-bqija fi Buenos Aires, għax Luján ifisser ħafna għalija u l-qrar f’Luján hu grazzja. Meta wasalt hawn, kelli nibda kollox mill-ġdid. U dan li għidt lili nnifsi sa mill-ewwel mument: ‘Jorge, tinbidilx, ibqa’ dak li int, għax jekk tinbidel issa f’din l-età li għandek, tkun qed taqa’ għaċ-ċajt’. Għalhekk bqajt nagħmel dak li kont nagħmel fi Buenos Aires, bl-iżbalji li dan jista’ jġib miegħu. Imma nippreferi nibqa’ hekk kif jien. Evidentement dan ġab miegħu xi bidla fil-protokoll…”.
Saħħet il-Papa
“Għandi l-uġigħ tiegħi, u fl-età tiegħi l-uġigħ jinħass iżjed. Imma jien qiegħed f’idejn Alla u sa issa stajt inżomm ritmu ta’ xogħol ftit jew wisq tajjeb”.
Is-sostituzzjoni tal-Kardinal Burke
Fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija dwar il-motivazzjonijiet wara l-bidla tal-Kardinal konservatur Amerikan Raymond Leo Burke, li ħalla s-Senjatura Appostolika biex isir Patrun ta’ l-Ordni ta’ Malta, u fuq l-ispekulazzjonijiet li rabtu din in-nomina mal-pożizzjonijiet li kien esprima l-istess Burke dwar l-aħħar Sinodu, il-Papa qal hekk: “Il-Kardinal Burke jum minnhom staqsieni x’suppost kellu jagħmel, billi kienu għadu ma ġiex ikkonfermat fil-kariga tiegħu… Għidtlu: ‘Agħtini ftit taż-żmien, għax fis-C9 qed naħsbu f’ristrutturazzjoni ta’ l-organiżmi ġuridiċi”, u spjegajtlu li s’issa kien għad m’hemm xejn ċar u konna għadna qed naħsbuha. Imbagħad ġiet il-kwistjoni ta’ l-Ordni ta’ Malta u hemm kien jonqos Amerikan vivaċi, li seta’ jitħarrek f’dak l-ambitu, u ġieni f’moħħi hu għal dik il-ħidma. Dan ipproponejthulu ħafna qabel is-Sinodu. U għidtlu: “Din għad tiġri wara s-Sinodu, għax nixtieq li fih int tieħu sehem bħala kap tad-dikasteru…”. Irringrazzjani ħafna, u aċċetta… hu bniedem li jitħarrek ħafna, li jivvjaġġa, u hemm ikollu x’jagħmel. Allura m’hux minnu li bdiltlu postu minħabba l-imġiba tiegħu fis-Sinodu”.
Il-bidla tal-kmandant tal-Gwardji Svizzeri
“Xahrejn wara l-elezzjoni tiegħi kien skada l-mandat tiegħu ta’ ħames snin… Ma deherilix li kien sew nieħu deċiżjoni f’dak il-mument u tawwalt il-mandat ‘donec aliter provideatur’, jiġifieri sakemm ma jiġix dispost diversament”. Franġisku jfisser li żar il-kwartieri ġenerali, qatta’ hemm serata u anki waqaf jiekol magħhom. “Sirt naf il-persuni u deherli li jixraq isir tiġdid… ħadd m’hu etern. Tkellimt miegħu f’Lulju, u bqajna li fi tmiem is-sena kellu jħalli”. Hi “bidla normali, m’hemm xejn stramb fiha, m’għamel l-ebda dnub u lanqas għandu xi ħtija”. Hu “persuna eċċellenti, Kattoliku tajjeb ħafna li għandu familja sabiħa ħafna”. Għall-mistoqsija jekk il-bidla seħħitx għax il-kmandant kien wisq sever, wieġeb: “Le, żgur li le”. U dwar l-appartament kbir tiegħu: “Is-sena l-oħra saret ristrutturazzjoni ta’ l-appartamenti, tiegħu ċertament hu spazjuż għax għandu erbat itfal”.
M’għadnix nilqa’ iżjed politiċi Arġentini f’udjenza privata
Fid-dawl ta’ l-elezzjonijiet fl-Arġentina, “biex ma ninterferix” f’dan il-proċess, “m’iniex nilqa’ iżjed politiċi f’udjenza privata”.
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard