(Juan Barretta)

Waħdi mal-Papa Franġisku fir-residenza tiegħu f’Santa Marta, il-Vatikan.  Diskursata storika wiċċ imb’wiċċ, fejn waħda mill-aktar personalitajiet importanti tad-dinja tkellmet fuq il-ħajja personali tagħha.  “Nixtieq li jibqgħu jiftakru fija bħala bniedem tajjeb”, u jammetti minn qiegħ qalbu: “In-nies tagħmilli tajjeb”.  F’kamra sempliċi tad-Dar Santa Marta, fil-Vatikan, il-Papa Franġisku laqa’ għandu lil “La Voz del Pueblo”, mingħajr il-preżenza ta’ persuni oħra u fuq kundizzjoni waħda: “L-unika ħaġa li nitolbok hi li ma tqarraqx”, qalli qabel ma xgħelt ir-rikorder.  Imbagħad, fil-ħamsa u erbgħin minuta li damet il-laqgħa tagħna, stqarrli li fi żminijiet oħra kien jaqbdu “paniku quddiem il-ġurnalisti”.  Hu ċar li din it-trawma issa rebaħha.  Jorge Bergoglio kellu l-kuraġġ li jirrakkuntali l-ħajja personali tiegħu, u wieġeb bla biża’, spiss b’ġesti jakkumpanjaw il-kliem tiegħu meta l-mistoqsija kienet tentużjażmah, imma anki b’mod xott u qasir quddiem mistoqsija li t-tweġiba għaliha setgħet tqanqal ħafna diskors żejjed barra mill-ħitan tal-Vatikan.  Is-solitudni, il-pizza, il-biża’ mit-tbatija fiżika, il-ġibda li joħloq fl-oħrajn, dak li jbikkih, il-pressjonijiet, it-televiżjoni, il-valur ta’ l-utopiji…  Dawn kienu wħud mit-temi li ttrattajna tul id-diskursata tagħna, li bdiet min-nomina tiegħu.

 

Kont qatt toħlom li ssir Papa?

Le!  U lanqas li nkun President tar-Repubblika jew ġeneral ta’ l-eżerċtu.  Hemm min għandu din il-ħolma.  Jiena le.

 

Lanqas meta bdejt tagħmel karriera fis-servizz episkopali ma stħajjilt din il-possibbiltà?

Wara li għal ħmistax-il sena kelli f’idejja l-kariga ta’ tmexxija li fiha kienu qegħduni, kont erġajt inżilt mnejn tlajt, bħala konfessur, kappillan.  Il-ħajja ta’ reliġjuż, ta’ Ġiżwita, tinbidel skond il-ħtieġa li tkun.  U dwar il-possibbiltà, kont fil-lista tal-papabbli fil-Konklavi l-ieħor.  Imma din id-darba, it-tieni waħda, meta tqis l-età tiegħi, 76 sena, u meta tara li żgur kien hemm persuni iżjed validi…  Fil-fatt ħadd ma semma ismi, ħadd.  Mill-bqija kienu jgħidu li jien kingmaker (elettur kbir, kif jissejħu dawk il-kardinali li minħabba fl-esperjenza u l-awtorità tagħhom għandhom piż ikbar minn ta’ oħrajn fuq ir-riżultat elettorali) u stajt ninfluwixxi fuq il-vot tal-kardinali ta’ l-Amerika Latina.  Sal-punt li fuq il-ġurnali lanqas ritratt wieħed tiegħi ma kien deher, ħadd ma kien qed jaħseb fija.  Il-bookmakers ta’ Londra poġġewni fis-sitta u erbgħin post (jidħak waħda kbira).  Lanqas jien stess ma kont qed naħseb fija nnifsi, ma kienx jaħbat ma’ moħħi.

 

U dan minkejja li fl-2005 kont it-tieni l-aktar ivvutat wara Ratzinger...

Dan hu li jingħad.  Dak li hu ċert hu li ta’ l-inqas fl-elezzjoni l-oħra kont fuq il-ġurnali, kont nidher fost il-papabbli.  Fuq ġewwa kien ċar li kellu jkun Benedittu, li rċieva voti kważi b’mod unanimu, u ħadt pjaċir ħafna b’dan.  Il-kandidatura tiegħu kienet ċara, fit-tieni elezzjoni ma kien hemm l-ebda kandidat ċar.  Kien hemm ħafna possibbli, imma l-ebda wieħed b’saħħtu.  Għalhekk ġejt minn Ruma b’ta’ fuqi senduqi u b’biljett lura għas-Sibt fil-għaxija, biex nerġa’ lura Buenos Aires fil-ħin għal Ħadd il-Palm.  Sa kont anki ħallejt l-omelija tiegħi lesta fuq l-iskrivanija.  Qatt ma ħsibt f’dak li seta’ jiġri.

 

U meta ġejt elett, x’ħassejt?

Qabel l-elezzjoni defenittiva ħassejt ħafna paċi.  “Jekk Alla jrid hekk…”, ħsibt bejni u bejn ruħi.  U bqajt fil-paċi.  Huma u jagħmlu l-iskrutinji, li donnhom ma riedu jispiċċaw qatt, tlabt ir-Rużarju, trankwill.  Kelli ħdejja lil ħabibi, il-Kardinal Cláudio Hummes, li f’votazzjoni qabel dik definittiva kien qalli: “Tinkwetax, ta, għax hekk jaħdem l-Ispirtu s-Santu” (jidħak mill-ġdid).

 

Aċċettajt mill-ewwel?

Ħaduni fis-sagristija, bidluli s-suttana, u ħriġna għal-logħba.  U hemm għidt dak li ġieni f’rasi.

 

Mela kienet ħaġa naturali.

Iva, ħassejt fija ħafna paċi u għidt dak li ħassejt f’qalbi.

 

Int taf kemm jirnexxielek tiġbed nies lejk, qisek kalamita?  Qed ngħid għal dik ix-xi ħaġa iżjed li l-persuna tiegħek tagħti lill-figura ta’ Papa.

Iva… naf li n-nies (ħosbien, jisket).  Qabel ma kontx nifhem għaliex.  Xi kardinali qaluli li n-nies qed tgħid: “Lil dan nifhmuh”.  Veru, jien waqt l-udjenzi nipprova nagħti l-eżempji, f’dak li ngħid, bħal-lum (fl-udjenza ġenerali ta’ l-Erbgħa) meta rrakkontajt l-istorja ta’ meta kont fir-raba’ klassi tal-primarja.  Allura hekk in-nies tifhem dak li nkun irrid ngħid.  Bħal meta tkellimt fuq il-każ tal-ġenituri separati, li jużaw it-tfal bħala ostaġġi, ħaġa kerha ħafna, u jagħmluhom vittmi, il-missier jitkellem ħażin fuq l-omm u bil-kontra, u lit-tifel joħolqulu ħafna konfużjoni ġo moħħu.  Nipprova nkun konkret u dik li int issejħilha kalamita, xi kardinali jgħiduli li għandha x’taqsam mal-fatt li n-nies tifhimni.

 

Togħġbok l-udjenza ġenerali?

Iva, togħġobni f’sens uman u spiritwali, f’kull sens.  In-nies tagħmilli tajjeb, tittrasmetti fija enerġija pożittiva, kif jgħidu.  Ħajti bħal donnha titħallat ma’ dik tan-nies.  Jien, psikoloġikament, ma nistax ngħix mingħajr in-nies, m’iniex magħmul biex ngħix bħala monaku, għalhekk bqajt ngħix hawn, f’din id-dar (fir-residenza ta’ Santa Marta).  Din qisha lukanda żgħira, hawn mitejn u għaxart ikmamar; aħna li ngħixu u naħdmu fis-Santa Sede aħna xi erbgħin ruħ, imbagħad il-mistiedna l-oħra, isqfijiet, kappillani, lajċi, li jgħaddu minn hawn u joqogħdu hawn.  U dan inħossu jagħmilli ħafna ġid.  Li niġi hawn, niekol fis-sala tal-pranzu, fejn ikun hemm ħafna nies, niċċelebra l-Quddiesa erbat ijiem fil-ġimgħa fejn tiġi n-nies minn barra, mill-parroċċi…  Dan kollu jogħġobni ħafna.  Jien ilħaqt qassis biex noqgħod man-nies.  Nirringrazzja lil Alla li għadni nista’ nagħmel dan.

 

Xi tħoss li jonqsok mill-ħajja li kellek qabel il-ħatra bħala Papa?

Li noħroġ fit-triq.  Dan, iva, inħossu jonqosni, it-trankwillità li nista’ noħroġ nimxi fit-toroq.  Jew li nidħol f’pizzerija u niekol xi pizza tajba (jidħak).

 

Ma tistax titlobhom iġibuhielek il-Vatikan?

Iva, imma m’hix l-istess ħaġa, il-problema hi biex immur jien.  Jien dejjem mort bil-mixi.  Meta kont kardinal kont nieħu gost wisq nimxi fit-toroq, nirkeb il-karozzi tal-linja, fil-metrò.  Il-belt togħġobni ħafna, jien inħossni ċittadin minn ġew.  Ma nafx ngħix f’belt bħal tiegħek, ngħidu aħna, naħseb kieku nbati…  Le, Tres Arroyos fl-aħħar mill-aħħar m’hix daqshekk żgħira, iva, nasal noqgħod ġo fiha.  Fil-kampanja ma nafx noqgħod.

 

Hawn timxi fit-toroq tal-belt?

Le (jerġa’ jfaqqa’ daħka).  Immur fil-parroċċi…  Imma ma nistax noħroġ.  Aħseb ftit x’pandemonju jinqala’ jekk nipprova noħroġ.  Darba ħriġt bil-karozza waħdi mas-sewwieq u nsejt intella’ t-tieqa, kienet miftuħa u ma kontx indunajt.  U kien qisu l-aħħar tad-dinja…  Kont bil-qiegħda maġenb is-sewwiq, ridna ngħaddu, imma n-nies ma riditx tħallina ngħaddu.  M’għandniex xi ngħidu, tiltaqa’ mal-Papa fit-triq…

 

Dan jorbot sew ma’ l-istil ta’ ħajja li tgħix int.

Veru li hawn għandi l-fama ta’ indixxiplinat, il-protokoll ma tantx nimxi miegħu.  Il-protokoll hu ‘kiesaħ’ wisq, anki jekk hemm ħwejjeġ uffiċjali li nirrispetta mija fil-mija.

 

Fil-għaxija jirnexxielek tistrieħ, taqta’ minn kollox?

Jien għandi nagħsi tqil ħafna, nimtedd fuq is-sodda u norqod dritt.  Norqod sitt sigħat.  Normalment fid-disgħa nkun fis-sodda u noqgħod naqra sa xi l-għaxra, meta tibda ddemmagħli għajni, u allura nitfi d-dawl u nibqa’ hekk sa l-erbgħa, x’ħin waħdi nqum, dan l-arloġġ ta’ ġismi.  Veru, imbagħad ikolli bżonn tar-raqda ta’ wara nofs in-nhar.  Ikolli bżonn norqod minn erbgħin minuta sa siegħa, allura ninża’ ż-żarbun u nimtedd fuq is-sodda.  Anki hawn norqod fil-fond, u nqum waħdi.  Meta ma nagħmilx is-sjesta, wara jiddispjaċini.

 

X’taqra qabel torqod?

Bħalissa qed naqra test fuq San Silvanu tal-Muntanja Athos, mgħallem spiritwali kbir.

 

Fi żjara f’Manila s-Sajf li għadda tkellimt fuq l-importanza tad-dmugħ.  Int tibki?

Meta nara quddiemi t-traġedja umana.  Bħall-aħħar darba, meta rajt x’qed jiġri lin-nies tal-poplu rohingya li kienu jaslu fl-ibħra tat-Tajlandja; meta joqorbu lejn l-art, jagħtuhom xi ħaġa x’jieklu, ftit ilma, u mbagħad jixħtuhom il-baħar.  Dan iqanqalni mhux ftit, din it-tip ta’ traġedja.  Imbagħad it-tfal morda.  Meta nara dawk li hawn isejħulhom “mardiet rari”, li ġejjin min-nuqqas ta’ attenzjoni għall-ambjent, inħoss qalbi trid tinqasam.  Meta nara dawk il-ħlejjaq quddiemi, ngħid lill-Mulej: “Għaliex dawn u mhux jien?”.  Anki meta nżur il-ħabsijiet inħossni mqanqal.  Mit-tliet Ħamisijiet ix-Xirka li ċċelebrajt, tnejn minnhom kienu f’ħabs, darba f’wieħed taż-żgħażagħ u darb’oħra f’dak ta’ Rebibbia.  U mbagħad fi bliet oħra ta’ l-Italja li żort, mort fil-ħabsijiet, kilt mal-ħabsin u jien u nitkellem magħhom ġieni dan f’moħħi: “Meta naħseb ftit li anki jien stajt kont hawn!”.  Jiġifieri, ħadd minna m’hu żgur li qatt m’hu ħa jagħmel xi krimini, xi ħaġa li mħabba fiha jistgħu jitfgħuh il-ħabs.  Għalhekk nistaqsi lili nnifsi għaliex Alla ppermetta li jien ma nispiċċax hawn.  U nitnikket għalihom u nirringrazzja lil Alla li m’iniex hemm, imma fl-istess waqt inħoss li dak ir-ringrazzjament hu vojt, għax huma ma kellhomx l-opportunità li kelli jien li ma nagħmilx ħaġa stupida hekk li jkolli nispiċċa l-ħabs.  Dan iġagħalni nibki ġo fija.  Iqanqalni bil-kbir.

 

Imma tasal li tibki u xxerred id-dmugħ?

Pubblikament ma nibkix.  Ġratli darbtejn li kont wasalt biex nibki, imma rnexxieli nżomm għal ftit tal-ħin.  Ħassejtni mqanqal wisq, forsi xi demgħa ħarbitli, imma għamilt ta’ bir-ruħi li ma kien xejn, u wara ftit għattejt wiċċi b’idi.

 

Għaliex ma ridthomx jarawk tibki?

Ma nafx, deherli li kelli nibqa’ għaddej.

 

F’liema okkażjonijiet seħħ dan?

Niftakar waħda, l-oħra le.  Dik li niftakar kellha x’taqsam mal-persekuzzjoni ta’ l-Insara fl-Iraq.  Kont qed nitkellem u ħassejtni mqanqal bil-kbir ġo fija.  Kont qed naħseb fit-tfal.

 

Xi jbeżżgħek?

Ġeneralment ma tantx nibża’.  Jien pjuttost bla kont, naġixxi bla ma naħseb fil-konsegwenzi.  Dan kultant jikkawżali xi wġigħ ta’ ras għax taħrabli xi kelma żejda (jerġa’ jidħak mill-qalb).  Dwar l-attentati, jien f’idejn Alla u meta nitlob, lill-Mulej ngħidlu: “Ħares, jekk għandu jiġri, ħa jiġri; nitolbok biss grazzja waħda, li ma nweġġax” (jidħak), għax jien beżżiegħi meta niġi għall-uġigħ fiżiku.  L-uġigħ morali nissaportih, imma dak fiżiku le.  Jien beżżiegħi ħafna f’dan, mhux li nibża’ minn xi titqiba, imma nippreferi ma jkollix problemi bl-uġigħ fiżiku.  Jien intolleranti ħafna, naħseb li din xi ħaġa li baqgħet fija mill-operazzjoni tal-pulmun li għamilt meta kelli dsatax-il sena.

 

Tħossok taħt pressjoni?

Il-pressjonijiet jeżistu.  Kull persuna fit-tmexxija tħossha xi ftit jew wisq taħt pressjoni.  Bħalissa dak li qed itaqqalni l-iżjed hu l-ħafna xogħol li hemm.  Għaddej b’ritmu qawwi ħafna ta’ xogħol, dan is-sindromu ta’ tmiem is-sena skolastika, li hawn tintemm ma’ l-aħħar ta’ Ġunju.  U allura jinġabru ma’ xulxin elf ħaġa, u jitfaċċaw il-problemi…  U mbagħad hemm il-problemi li joħolqulek, x’għidt, u x’m’għidtx…  Anki l-mezzi ta’ komunikazzjoni jaqbdu kelma u jeħduha barra mill-kuntest.  L-aħħar darba fil-parroċċa ta’ Ostia, qrib Ruma, kont qed insellem lin-nies, kienu ħarġu lill-anzjani u l-morda f’ġinnasju.  Kienu bil-qiegħda u jien kont għaddej insellmilhom.  Allura għidtilhom: “Ara kemm hi tad-daħk, hawn fejn jilagħbu t-tfal hawn l-anzjani u l-morda!  Nifhimkom, għax jien ukoll anzjan u anki jien għandi l-uġigħ tiegħi, xi ftit marid jien”.  L-għada kitbu hekk fuq il-ġurnali: “Il-Papa stqarr li hu marid”.  Kontra dan l-għadu, m’għandek saħħa ta’ xejn.

 

Iżżomm ruħek aġġornat fuq dak kollu li jiġi ppubblikat?

Le, le.  Naqra biss il-ġurnal La Repubblica, li hu ġurnal għall-klassi tan-nofs.  Naqrah fil-għodu u ma niħux iktar minn għaxar minuti biex nagħtih daqqa t’għajn.  It-televiżjoni ilni ma naraha mill-1990 (jieħu l-ħin biex iwieġeb).  Hi wegħda li għamilt lill-Verġni tal-Karmnu fil-lejl tal-15 ta’ Lulju 1990.

 

Għal xi raġuni partikulari?

Le, le, għidt lili nnifsi: “Dan ma jgħoddx għalija”.

 

Ma tarahomx il-partiti ta’ San Lorenzo?

Le, ma nara xejn.

 

Kif issir taf bir-riżultati?

Hemm Gwardja Svizzera li kull ġimgħa jġibli r-riżultati u l-klassifika.

 

Int, fost il-Papiet, kont tkun Messi jew Masherano?

Ma nafx ngħidlek, għax ma nafx nagħżel bejn iż-żewġ stili tagħhom, ma narahomx il-partiti.  Messi ġie hawn darbtejn, imma xejn iżjed minn hekk, imma qatt ma rajtu jilgħab.

 

Tidħol fuq l-internet?

Le.  U li nagħti intervisti, qatt u qatt.  Imma issa rnexxieli, hu l-istat tal-grazzja.  Qabel kont nippanikja sempliċement għall-idea li rrid naffronta ġurnalist.

 

Kif tħares lejn l-Arġentina mill-Vatikan?

Bħala pajjiż b’ħafna possibbiltajiet u ħafna opportunitajiet mitlufa.  Kif kien jgħid il-Kardinal Quarracino.  U veru.  Aħna pajjiż li tilef ħafna opportunitajiet matul l-istorja tiegħu.  Hemm xi ħaġa m’hix sew, bl-għana kollu li għandna.  Bħall-istorja ta’ dawk l-ambaxxaturi tal-pajjiżi li marru jeħduha ma’ Alla għax lill-Arġentini kien tahom tant għana u lilhom waħda biss, jew l-agrikultura jew il-minjieri.  Alla semagħhom u mbagħad weġibhom: “Le, skużi ftit, biex inpatti mbagħad lilhom tajthom l-Arġentini”.

 

Issegwiha l-politika Arġentina?

Le, xejn, waqaft nirċievi hawn politiċi għax intbaħt li xi wħud minnhom inqdew b’dan il-fatt u bir-ritratt tagħhom miegħi għall-iskopijiet tagħhom, anki jekk daqshekk ieħor hu minnu li oħrajn lanqas qalu li kienu ġew għandi u ma xandrux ir-ritratt.  Imma biex nevita dan kollu, politiċi f’udjenza privata, le.  Jekk jiġu, jiġu fl-udjenza ġenerali, u nsellmilhom hemmhekk.  Imma ma nafx kif sejrin l-elezzjonijiet u lanqas min huma l-kandidati.  Nistħajjel min huma dawk prinċipali, imma lanqas naf xi jkunu d-differenzi.  Naf li fil-Paso [Primarie aperte simultanee obbligatorie] ta’ Buenos Aires, rebħet il-Pro [Proposta Repubblikana] għax rajtha fil-gazzetta, anki fuq La Repubblica ħarġet.

 

Tieħu gost li jsejħulek il-Papa fqir?

Jekk wara jqiegħdu kelma oħra, allura iva.  “Bniedem fqir”, ngħidu aħna (jidħak mill-ġdid u mill-qalb).  Il-faqar hu fil-qalba tal-Vanġelu.  Ġesù ġie biex jippriedka lill-foqra, jekk tneħħi l-faqar mill-Vanġelu ma tifhem xejn minnu, tkun neħħejtlu l-qalba tiegħu.

 

M’hix utopja li taħseb li tista’ teqred il-faqar kollu?

Iva, imma l-utopji jgħinuna biex nibqgħu mexjin ’il quddiem.  Tkun ħaġa tal-qsim il-qalb tara żagħżugħ jew żagħżugħa li ma għandhomx lejn xiex iħarsu.  Hemm tliet affarijiet li kollha għandu jkollna fil-ħajja: memorja, ħila li naraw il-preżent, u utopja għall-futur.  Il-memorja ma rridux nitilfuha.  Meta l-popli jitilfu l-memorja tagħhom, tinħoloq it-traġedja kbira li jibdew jittraskuraw lill-anzjani.  Ħila ta’ ermenewtika quddiem il-preżent, li ninterpretah u nkun naf lejn fejn għandi nimxi b’dik il-memorja, bl-għeruq li għandi, kif inħaddimha issa, hawn qiegħda l-ħajja taż-żgħażagħ u ta’ l-adulti.  U l-futur, hemm qiegħda l-ħajja fuq kollox taż-żgħażagħ u dik tat-tfal.  Bil-memorja, bil-ħila li ngħixu l-preżent, tad-dixxerniment u l-utopja għall-futur, għax hemm jidħlu ż-żgħażagħ.  Għalhekk il-futur ta’ poplu jidher f’kemm jgħożż lill-anzjani, li huma l-memorja tiegħu, u kemm jieħu ħsieb tat-tfal u ż-żgħażagħ, li huma dawk li ħa jmexxuh ’il quddiem.  Aħna l-adulti għandna nirċievu din il-memorja, naħdmuha fil-futur u nagħtuha lil uliedna.  Darba qrajt ħaġa sabiħa ħafna: “Il-preżent, id-dinja li rċivejna, m’hix biss wirt imħolli mill-anzjani, imma pjuttost qed jisilfuhulna wliedna biex nistgħu ngħadduhulhom lura aħjar”.  Jekk naqta’ l-għeruq tiegħi u nitlef il-memorja, jiġrili dak li jiġri lil kull xitla, immut; jekk ngħix biss il-preżent bla ma nħares għad-dawl tal-futur, jiġrili dak li jiġri lil kull amministratur iblah, li ma jafx jagħmel pjanijiet.  It-tinġis ambjentali hu fenomenu ta’ dan it-tip.  Dawn it-tliet ħwejjeġ iridu jmorru flimkien; meta tonqos waħda, poplu jibda jintemm fix-xejn.

 

Liema hu l-agħar ħażen li qed jifni lid-dinja l-lum?

Il-faqar, il-korruzzjoni, it-traffikar tal-persuni.  Jista’ jkun li qed niżbalja fl-istatistika, imma xi tweġibni jekk nistaqsik fuqiex qed imur l-infiq dinji wara l-ikel, il-ħwejjeġ u l-mediċina?  Fir-raba’ post hemm il-kożmetiċi u fil-ħames l-annimali domestiċi.  U dan hu gravi.  It-trobbija ta’ l-annimal tad-dar hi bħal imħabba xi ftit ipprogrammata, jiġifieri nista’ nipprogramma t-tweġiba ta’ mħabba ta’ kelb jew qattusa, u m’għandix bżonn nagħmel l-esperjenza ta’ mħabba ta’ reċiproċità umana.  Qed nesaġera, teħdunix kelma b’kelma, imma din ħaġa ta’ tħassib.

 

Għaliex dejjem ittenni “itolbu għalija”?

Għax għandi bżonn.  Għandi bżonn li nħoss tweżinni t-talba tal-poplu.  Hi ħtieġa qawwija li nħoss ġo fija, irrid li l-poplu jweżinni bit-talb tiegħu.

 

Kif tixtieq li jibqgħu jiftakruk?

Bħala bniedem tajjeb.  Ħa jgħidu: “Kien raġel tajjeb li fittex li jagħmel il-ġid”.  Ma rrid xejn aktar.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard