Għeżież Ħuti,

Nilqagħkom bil-ferħ fl-okkażjoni ta’ din il-laqgħa tagħkom u nirringrazzja lill-Kardinal President għall-kliem tiegħu f’isimkom ilkoll.  Nixtieq nirringrazzjakom minn qalbi għall-isforzi kbar tagħkom f’dawn l-aħħar snin biex tgħinu lil ħutna l-immigranti u refuġjati li qed iħabbtu l-bibien tal-Ewropa biex ifittxu kenn aktar żgur u ħajja aktar xierqa.

Dan iċ-ċaqliq ta’ nies minn post għall-ieħor daqshekk massiv, kumpless u varjat poġġa fi kriżi l-politika tal-immigrazzjoni li tħaddmet  s’issa u l-għodda ta’ ħarsien irrattifikata minn konvenzjonijiet internazzjonali.  Quddiem din il-kriżi, il-Knisja trid  tibqa’ fidila lejn il-missjoni tagħha: “li tħobb lil Ġesù Kristu, tadurah u tħobbu, b’mod partikulari f’dawk l-aktar foqra u abbandunati, li fosthom hemm l-immigranti u r-refuġjati (Messaġġ għall-Ġurnata Dinjija tal-immigrant u r-refuġjat  2015).

L-imħabba materna tal-Knisja lejn dawn ħutna trid tidher b’mod konkret fil-fażijiet kollha tal-esperjenza tagħhom, mill-bidu sat-tmiem tagħha. Il-komunitajiet  u l-organizazzjonijiet ekkleżjali lokali jeħtieġ li jkunu protagonisti f’din il-missjoni unika, kulħadd skont kif jista’. Li nagħrfu l-Mulej u naqduh f’dawn il-membri “tal-poplu pellegrin tiegħu” hi responsabbiltà li ġġib flimkien il-Knejjes partikulari kollha fl-isforz tagħhom ta’ impenn kostanti, koordinat u effikaċi.

Għeżież ħuti, ma nistax ma nurix il-preokkupazzjoni tiegħi dwar il-manifestazzjonijiet  ta’ intolleranza, diskriminazzjoni u stmellija għall-barranin li wieħed jiltaqa’ magħhom f’diversi partijiet tal-Ewropa. Spiss dawn jiġu min-nuqqas ta’ fiduċja u għax wieħed jibża’ mill-ieħor li hu differenti minnu, li hu barrani.  Nitħasseb  aktar meta b’diqa nara li l-komunitajiet Kattoliċi tagħna fl-Ewropa jġibu ruħhom bl-istess mod defensiv u negattiv, filwaqt li jippruvaw jiġġustifikaw din l-imġiba billi jgħidu li hu “dmir morali”  biex jikkonservaw l-identità kulturali  u reliġjuża tagħhom. Il-Knisja xterdet mal-kontinenti kollha grazzi għall-“emigrazzjoni”  ta’ missjunarji li kienu konvinti mill-universalità tal-messaġġ tas-salvazzjoni ta’ Ġesù Kristu li jeħtieġ jasal għand l-irġiel u n-nisa ta’ kull kultura.  It-tentazzjonijiet ta’ esklużiviżmu  u  ta’ riġidità kulturali ma naqsux fl-istorja tal-Knisja, iżda l-Ispirtu s-Santu dejjem għinna negħlbuhom billi  ggarantixxa ftuħ kostanti għall-oħrajn, li hu meqjus bħala opportunità biex nikbru u nistgħanew. 

Jiena żgur li l-Ispirtu s-Santu jgħinna anki llum biex inżommu dan l-attaġġament ta’ ftuħ fiduċjuż li jwassalna biex negħlbu kull firda, inkissru kull ħajt.

Meta nisma’ l-Knejjes partikulari fl-Ewropa nħoss li teżisti ċertu diffikultà  minħabba l-invażjoni  daqshekk  kbira  ta’ immigranti  u refuġjati. Irridu nirrikonoxxu  u nifhmu din id-diffikultà  fid-dawl ta’ dan il-mument storiku mmarkat mill-kriżi ekonomika li ħalliet ġrieħi fondi. Din id-diffikultà kompliet tiggrava għax il-mewġ ta’ immigranti  kien kbir u ma jaqta’ xejn; kien hemm ukoll nuqqas ta’ tħejjija b’mod ġenerali biex is-soċjetajiet jilqgħu lill-immigranti u l-politika nazzjonali u komunitarja spiss kienet waħda inadegwata. Din id-diffikultà tindika wkoll il-limiti fil-proċess tal-unifikazzjoni Ewropea; turi t-tfixkil li wieħed  jiltaqa’ miegħu fejn tidħol l-universalità tad-drittijiet umani, u l-ħitan li l-umaneżmu integrali, frott mill-isbaħ taċ-ċiviltà Ewropea, ikollu jħabbat wiċċu magħhom. In-Nisrani jrid jinterpreta dan kollu billi jmur ‘l hemm minn mentalità magħluqa u sekularista  u jarah bil-loġika li tpoġġi ‘l-bniedem fiċ-ċentru għax hu maħluq minn Alla li tah dinjità unika.

Jekk inħarsu minn perspettiva tassew ekkleżjoloġika naraw li l-wasla ta’ tant ħutna fil-fidi toffri lill-Knejjes fl-Ewropa opportunità oħra biex il-Knisja tkun tassew kattolika, element kostituttiv tagħha  li nistqarruh fil-Kredu kull nhar ta’ Ħadd. Matul dawn l-aħħar snin, kien hemm ħafna Knejjes fl-Ewropa li stagħnew bil-preżenza ta’ immigranti kattoliċi li ġabu magħhom devozzjonijiet  u entużjażmu liturġiku u appostoliku. 

Il-perspettiva missjoloġika turina li f’dan iċ-ċaqliq ta’ nies minn post għall-ieħor hemm “fruntiera” missjunarja ġdida, okkażjoni privileġġata biex inħabbru lil Ġesù Kristu u l-Evanġelju tiegħu mingħajr ma jkollna nħallu l-ambjenti tagħna. Din hi okkażjoni biex nagħtu xhieda tal-fidi nisranija bi spirtu ta’ mħabba u rispett  lejn espressjoniet reliġjużi oħra. Il-laqgħa tagħna ma’ immigranti u refuġjati ta’ denominazzjonijet u reliġjonijiet oħra hi art fertili  għall-iżvillupp ta’ djalogu ekumeniku u interreliġjuż sinċier u rikk.

Fil-messaġġ tiegħi għall-Ġurnata Dinjija tal-Immigrant u r-Refuġjat tas-sena d-dieħla, jien sħaqt li t-tweġiba pastorali għall-isfidi tal-immigrazzjoni għandha tinbena fuq erba’ verbi: nilqgħu, nipproteġu, nippromwovu, nintegraw. Nilqgħu jfisser li jitfasslu programmi legali u ta’ sigurtà għal dawk li jaslu; li tkun offruta sistemazzjoni adegwata u xierqa fejn iħossu s-sigurtà personali u jkollhom aċċess għall-ħtiġijiet bażiċi. Nipproteġu  jfisser li l-immigranti jingħataw informazzjoni tajba u ċ-ċertifikati meħtieġa qabel it-tluq; ifisser li jkunu mħarsa d-drittijiet fundamentali tal-immigrant u r-rifuġjat indipendentement mill-istatus legali tagħhom, u li wieħed jieħu ħsieb sew dawk l-aktar vulnerabbli, li huma t-tfal. Nippromwovu jfisser li niggarantixxu l-kundizzjonijiet għall-iżvilupp sħiħ tal-bniedem, tal-immigranti u tan-nies tal-post. Nintegraw  ifisser li jinħolqu opportunitajiet biex wieħed isir jaf u jinfetaħ għall-kultura tal-ieħor, u b’hekk wieħed jistgħana bir-rikkezza tal-ieħor u jiġu żviluppati toroq għal ċittadinanza attiva.

F’dan l-istess messaġġ nisħaq fuq l-importanza tal-Agreements globali  li l-Istati impenjaw ruħhom biex jfasslu u japprovaw sal-aħħar tas-sena 2018. Is-Sezzjoni tal-Immigranti u Refuġjati tad-Dikasteru għall-Promozzjoni  tal-Iżvilupp sħiħ tal-bniedem ħejjiet għoxrin punt ta’ azzjoni li l-Knejjes lokali huma mistiedna jutilizzaw, jiffinalizzaw u japprofondixxu fil-pastorali tagħhom. Dawn il-punti huma bbażati fuq il-“best practices” li għandhom jimmarkaw it-tweġiba tanġibbli tal-Knisja għall-ħtiġijiet tal-immigranti u r-refuġjati. Dawn l-istess punti  għandhom iservu wkoll għad-djalogu li l-istituzzjonijiet ekkleżjali differenti jista’ jkollhom mal-gvernijiet rispettivi tagħhom dwar l-Agreements globali. Għeżież, inħeġġiġkom issiru tafu dawn il-punti u  tippromovuhom permezz tal-Konferenzi Episkopali tagħkom.

F’dawn il-punti ta’ azzjoni hemm “paradigma” tal-erba’ verbi li semmejt aktar ‘l quddiem, paradigma li tista’ sservi bħala kejl ta’ studju jew ta’ verifika dwar il-ħidma pastorali fil-Knejjes lokali u ta’ għajnuna  biex din il-ħidma tkun aġġornata u żviluppata.  Jalla l-ispirtu ta’ komunjoni fir-riflessjoni u l-azzjoni  tagħkom ikun għajn ta’ qawwa għalikom ilkoll; meta wieħed ikun waħdu, it-tfixkil jidher akbar. Jalla l-vuċi tagħkom tkompli tkun dejjem aktar f’waqtha u profetika, u  fuq kollox araw li l-ħidma tagħkom tkun koerenti u ispirata mill-prinċipji tad-duttrina nisranija.

Filwaqt li mill-ġdid nirringrazzjakom tal-impenn sħiħ tagħkom f’din il-ħidma pastorali daqshekk  kumplessa u urġenti fil-qasam tal-immigranti, niżgurakom mit-talb tiegħi. U jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. Grazzi

 

Miġjub mit-Taljan g]all-Malti minn Vivienne Attard