Għeżież ħuti,

 

L-ewwel ġest ta’ din iż-żjara pastorali tiegħi hu din il-laqgħa magħkom, f’dan il-Ħabs Distrettwali ta’ Castrovillari.  Hekk irrid nesprimi kemm il-Papa u l-Knisja jħossuhom qrib ta’ kull raġel u mara li qegħdin il-ħabs, f’kull parti tad-dinja.  Ġesù qal: “Kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni” (Mt 25:36). 

 

Fir-riflessjonijiet dwar il-ħabsin, spiss issir insistenza fuq it-tema tar-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-ħtieġa li jkun hemm kundizzjonijiet li jikkorrispondu għalihom meta tiġi skontata l-piena.  Dan l-aspett tal-politika penitenzjarja bla dubju ta’ xejn hu essenzjali u dejjem għandu jingħata attenzjoni kbira.  Imma din il-prospettiva waħidha m’hix biżżejjed, jekk ma tkunx imsieħba u mwettqa għal kollox minn impenn konkret min-naħa ta’ l-istituzzjonijiet b’riżq ri-inseriment effettiv fis-soċjetà (ara Benedittu XVI, Diskors lill-parteċipanti fis-17-il Konferenza tad-Diretturi ta’ l-Amministrazzjonijiet Penitenzjarji tal-Kunsill ta’ l-Ewropa, 22 ta’ Novembru 2012).  Meta dan l-għan jiġi ttraskurat, it-twettiq tal-piena jitbaxxa għal strument ta’ kastig u vendetta soċjali biss, li min-naħa tagħhom iġibu ħsara fuq l-individwu u fuq is-soċjetà.  U Alla ma jagħmilx hekk, magħna.  Alla, meta jaħfrilna, jimxi magħna u jgħinna mat-triq.  Dejjem.  Anki fil-ħwejjeġ iż-żgħar.  Meta aħna mmorru nqerru, il-Mulej jgħidilna: “Jien naħfirlek.  Imma issa ejja miegħi”.  U Hu jgħinna nerġgħu naqbdu t-triq.  Qatt ma jikkundanna.  Qatt ma jaħfer biss, imma jaħfer u jimxi magħna.  Imbagħad aħna dgħajfin u jkollna nerġgħu nfittxu l-Qrar, kollha kemm aħna.  Imma Hu ma jegħjiex.  Dejjem jerġa’ jaqbdilna jdejna.  Din hi l-imħabba ta’ Alla, u aħna rridu nixbhuh fiha!  Is-soċjetà trid tixbhu.  Timxi din it-triq.

 

Min-naħa l-oħra, ri-inseriment veru u sħiħ tal-persuna ma jseħħx bħala aspett ta’ mixja umana biss.  F’din il-mixja tidħol anki l-laqgħa ma’ Alla, il-ħila li nħallu lil Alla jmexxina, għax iħobbna.  Hu iżjed diffiċli nħallu lil Alla jħares lejna milli nħarsu lejn Alla.  Hu iżjed diffiċli nħallu lil Alla jiltaqa’ magħna milli niltaqgħu aħna ma’ Alla, għax fina dejjem hemm reżistenza.  U Hu jistenniek, Hu jħares lejna, Hu jfittixna dejjem.  Dan Alla li jħobbna, li kapaċi jifhimna, kapaċi jaħfer id-dnubiet tagħna.  Il-Mulej hu mgħallem tar-ri-inseriment: jaqbdilna jdejna u jerġa’ jdaħħalna fil-komunità soċjali.  Il-Mulej dejjem jaħfer, dejjem isieħeb, dejjem jifhem; minna jonqos li nħalluh jifhimna, inħalluh jaħfirlna, inħalluh jimxi magħna.

 

Lil kull wieħed u waħda minnkom nawguralu li dan iż-żmien ma jaħlihx, imma jkun żmien prezzjuż, li tulu jitlob u jikseb minn għand Alla din il-grazzja.  Jekk tagħmlu hekk, tkunu tikkontribwixxu biex qabel xejn intom stess issiru persuni aħjar, imma fl-istess ħin anki l-komunità, għax, fit-tajjeb u fil-ħażin, l-għemejjel tagħna għandhom effett fuq l-oħrajn u fuq il-familja umana kollha.

 

F’dan il-waqt nixtieq insellem bi mħabba lill-familjari kollha tagħkom; jalla l-Mulej jagħtikom li terġgħu tgħannquhom fis-serenità u s-sliem.

 

U fl-aħħar nett, kelma ta’ kuraġġ lil dawk kollha li jaħdmu f’dan il-ħabs: lid-diriġenti, lill-aġenti tal-pulizija tal-ħabs, u l-istaff kollu.

 

Minn qalbi nberikkom ilkoll u nafdakom f’idejn il-ħarsien tal-Madonna, Omm tagħna.  U jekk jogħġobkom, nitlobkom titolbu għalija, għax anki jien għandi l-iżbalji tiegħi u rrid nagħmel penitenza.  Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard