Padre Lombardi

Mela, Santità, merħba f’din il-komunità ta’ ġurnalisti li qed jivvjaġġaw miegħek.  Għandna ġurnata twila quddiemna.  Il-kollegi tagħna ta’ l-inqas ilhom fuq saqajhom erba’ sigħat biex bdew il-ġurnata, ġew hawn, ħejjew ruħhom…  U nafu li jonqos ħdax-il siegħa oħra f’Sarajevo u mbagħad it-titjira lura.  Allura ħa tkun ġurnata mimlija.  Imma għalik sa tkun iktar impenjattiva milli ħa tkun għalina.  Għalhekk aħna se nsegwuk b’ħafna mħabba u nfittxu li nikkollaboraw ma’ din il-missjoni hekk sabiħa ta’ paċi, li int trid twettaq.

 

Qegħdin 65 bejn ġurnalisti, fotografi, cameramen u l-bqija, minn għaxar pajjiżi differenti u bejn tmien u disa’ lingwi differenti: mela għandna rappreżentanza sabiħa.  U ħafna oħra qed jistennewna Sarajevo.

 

Għalhekk, il-ħidma t-tajba għal din il-missjoni tiegħek.  Nawgurawlek minn qalbna u nitolbuk taqsam magħna ħsieb ċkejken, fil-bidu ta’ din il-ġurnata ta’ ħidma għalik.

 

Il-Papa Franġisku

L-għodwa t-tajba!  Nirringrazzjakom ta’ din il-preżenza tagħkom, tal-ħidma tagħkom tul dan il-vjaġġ li m’hux twil wisq, bilkemm ġurnata…  Imma grazzi ta’ dak kollu li tagħmlu.

 

Sarajevo hi msejħa Ġerusalemm tal-Punent, hi belt ta’ kulturi reliġjużi u etniċi tant differenti minn xulxin; hi wkoll belt li batiet ħafna fl-istorja u issa tinsab f’mixja sabiħa ta’ paċi.

 

U propju biex nitkellem dwar dan li jien qed nagħmel dan il-vjaġġ: bħala sinjal ta’ paċi u bħala talba ta’ paċi.

 

Nirringrazzjakom tal-kumpanija tagħkom.

 

Qed jgħiduli li jkun aħjar li nsellem lil kull wieħed u waħda minnkom wara, għax irrid nieħu l-kolazzjon u l-ħin hu qasir…  Hawn il-“pulizjotti” hekk qed jgħiduli!  Issa nsellmilkom kollha u mbagħad fi triqitna lura jkolli l-ħin li nsellem lil kull wieħed u waħda minnkom.  Grazzi ħafna!  Grazzi tal-kumpanija!

 

Padre Lombardi

Grazzi lilek, Santità, il-ġurnata t-tajba u l-Mulej ikun miegħek u jbierkek.  Grazzi!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard