Greg Burke
Grazzi, Santità. Kienu erbgħa u għoxrin siegħa intensi ħafna. Erbgħa u għoxrin siegħa ddedikati lill-Madonna. Il-Portugiżi emozzjonaw ruħhom ħafna meta int għidt: “Għandna Omm”. Dan int tħossu b’mod speċjali. Mitt sena ilu, il-Madonna ma dehritx lil tliet ġurnalisti importanti, dehret lil tliet ragħajja ċkejkna. Imma rajna kif huma bis-sempliċità u l-qdusija tagħhom wasslu dan il-messaġġ fid-dinja kollha. Anki l-ġurnalisti jwasslu messaġġ, u dan jidher min-numru ta’ pajjiżi li minnhom ġejjin: huma kurjużi ħafna fuq dan il-vjaġġ. Jekk int trid tgħid xi ħaġa l-ewwel…
Il-Papa Franġisku
Qabelxejn, il-lejla t-tajba. Grazzi. U jien nixtieq inwieġeb għall-ikbar numru possibbli ta’ mistoqsijiet, allura nistgħu nħaffu xi ftit iżjed. Għax imbagħad jiddispjaċini li meta nkunu għadna nofs triq, jiġu jgħiduli li wasal ħin l-ikel…; mela ejja nagħmlu t-tnejn li huma. Grazzi.
Greg Burke
Tajjeb. Nibdew bil-grupp Portugiż, b’Fátima Campos Ferreira, mir-Radjuteleviżjoni Portugiż.
Fátima Campos Ferreira
Ma nafx kif naqbad inħossni, bilqiegħda quddiem il-Papa! Mela, l-ewwel nett, grazzi ħafna ta’ dan il-vjaġġ. Santità, int ġejt Fatima bħala pellegrin, biex tikkanonizza lil Francisco u Jacinta fl-ewwel ċentinarju tad-dehriet. Minn din il-perspettiva storika, x’baqa’ issa għall-Knisja, għad-dinja kollha? Fatima għandha wkoll messaġġ ta’ paċi. Santità, int fil-jiem li ġejjin, fl-24 ta’ Mejju, se tilqa’ fil-Vatikan lill-President Amerikan Donald Trump. X’għandha tistenna d-dinja u x’għandu jistenna l-Papa minn din il-laqgħa? Grazzi ħafna.
Il-Papa Franġisku
Grazzi. Fatima żgur li għandha messaġġ ta’ paċi. Dawn wassluh lill-umanità tliet komunikaturi kbar li kellhom inqas minn tlettax-il sena, u din ħaġa interessanti. Iva, ġejt hawn pellegrin. Il-kanonizzazzjoni ma kinitx ippjanata mill-bidu, għax il-proċess tal-mirakli kien għadu sejjer, imma f’daqqa waħda r-rapporti tal-esperti kienu kollha pożittivi, u saret – hekk l-istorja – għalija kien ta’ ferħ kbir. X’tista’ tistenna d-dinja? Paċi. U fuqiex ħa nitkellem jien ma’ kulħadd? Il-paċi.
Fátima Ferreira
U issa x’se jibqa’ minn dan il-mument storiku għall-Knisja?
Il-Papa Franġisku
Messaġġ ta’ paċi. U rrid ngħid ħaġa… qabel ġejt, iltqajt ma’ xjenzati mir-reliġjonijiet kollha li kienu qed jistudjaw fl-Osservatorju tal-Vatikan f’Castel Gandolfo, fosthom anjostiċi u atei. U wieħed ateu qalli: “Jien ateu”. Mhux sa ngħidilkom minn liema razza jew post ta’ oriġni kien – bl-Ingliż kien jitkellem. U fl-aħħar staqsieni: “Nitolbok pjaċir: għid lill-Insara li għandhom iħobbu iżjed il-messaġġ tagħhom ta’ paċi”.
Fátima Ferreira
Hekk ħa tgħidlu lil Trump?
Il-Papa Franġisku
[jitbissem]
Greg Burke
U issa Aura Miguel.
Miguel Aura
Nista’ nagħmel il-mistoqsija bil-Portugiż, jew bit-Taljan?
Il-Papa Franġisku
Aħjar bit-Taljan.
Miguel Aura
Mela, Santità, f’Fatima int ippreżentajt ruħek bħala “l-Isqof liebes l-abjad”. Sa issa, din l-espressjoni pjuttost kienet tiġi applikata għall-viżjoni tat-tielet parti tas-sigriet, għal San Ġwanni Pawlu II u l-martri tas-seklu għoxrin. Issa xi tfisser l-identifikazzjoni tiegħek ma’ din l-espressjoni?
Il-Papa Franġisku
Iva, fit-talba. Dik mhux jien għamiltha, għamilha s-Santwarju. Imma anki jien staqsejt lili nnifsi għax qalu hekk. U hemm rabta mal-abjad: l-Isqof liebes l-abjad, il-Madonna liebsa l-abjad, il-libsa bajda tal-innoċenza tat-tfal wara l-Magħmudija… Hemm rabta, f’dik it-talba, mal-kulur abjad. Naħseb – għax m’għamilthiex jien – naħseb li ppruvaw jesprimu b’mod letterarju bl-abjad dik ix-xewqa ta’ innoċenza, ta’ paċi: innoċenza, tagħmilx deni lil għajrek, tagħmilx gwerra…
Miguel Aura
Hemm reviżjoni tal-interpretazzjoni tal-messaġġ?
Il-Papa Franġisku
Le. Dik il-viżjoni… naħseb li dakinhar il-Kardinal Ratzinger, f’dak iż-żmien Prefett tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, spjega kollox ċar ħafna. Grazzi.
Greg Burke
Il-mistoqsija li jmiss hi ta’ Claudio Lavagna ta’ NBC, hawn fuq il-lemin.
Claudio Lavagna minn NBC
Santità, insellimlek. Ilbieraħ int tlabt lill-fidili biex iġarrfu l-ħitan kollha. Imma fl-24 ta’ Mejju int se tiltaqa’ ma’ Kap ta’ Stat li qed jhedded li jibni l-ħitan: xi ftit kuntrarju għall-kelma tiegħek, imma hu għandu wkoll – donnu – opinjonijiet u deċiżjonijiet differenti minn tiegħek fuq argumenti oħra, ngħidu aħna fuq il-ħtieġa li naġixxu fil-konfront tat-tisħin globali jew inkella fuq l-akkoljenza tal-immigranti. Mela, lejlet din il-laqgħa, int x’fehmiet għandek fuq il-politika li adotta l-President Trump sa issa fuq dawn l-argumenti, u x’tistenna minn laqgħa ma’ Kap ta’ Stat li donnu jaħsibha u jaġixxi kontra kif taħseb u taġixxi int?
Il-Papa Franġisku
L-ewwel mistoqsija hi – imma nista’ nwieġeb għat-tnejn flimkien – jien ma nagħmel qatt ġudizzju fuq persuna bla ma nismagħha. Ma naħsibx li għandi nagħmel hekk. Aħna u nitkellmu bejnietna, se joħorġu dawn l-affarijiet: jien ngħid kif naħsibha, hu jgħid kif jaħsibha. Imma jien qatt, qatt ma ngħaddi ġudizzju bla ma nisma’ lill-persuna. U t-tieni hi x’naħseb…
Claudio Lavagna
…x’taħseb b’mod partikulari fuq dawk l-argumenti bħall-akkoljenza tal-immigranti…
Il-Papa Franġisku
Imma dan tafuh tajjeb!
Claudio Lavagna
U t-tieni: x’tistenna minn laqgħa ma’ Kap ta’ Stat li jaħsibha differenti minnek?
Il-Papa Franġisku
Dejjem hemm bibien li ma humiex magħluqa. Trid tfittex il-bibien li tal-inqas huma xi ftit imbexxqa, biex tidħol u tikellem fuq il-ħwejjeġ komuni u tibqa’ miexi. Pass pass. Il-paċi hi sengħa: tinbena ta’ kuljum. Anki l-ħbiberija bejn il-persuni, l-għarfien reċiproku, l-istima hi sengħa: issir naqra kuljum. Ir-rispett tal-persuna l-oħra, li tgħid kif taħsibha, imma b’rispett, timxi flimkien… Issib min jaħsibha b’ċertu mod: tgħidu dan, u kull wieħed ikun ħafna sinċier fuq kif jaħsibha.
Claudio Lavagna
Int qed tittama li wara se jrattab id-deċiżjonijiet tiegħu…
Il-Papa Franġisku
Dan hu kalkolu politiku li jien ma nista’ qatt nagħmel. Anki fuq livell reliġjuż, jien m’iniex proselitista. Grazzi.
Greg Burke
Grazzi, Santità. Issa ġejja Elisabetta Piqué.
Elisabetta Piqué, “La Nación”
Ibda biex, grazzi ta’ dan il-vjaġġ qasir u intens ħafna. Ridt nistaqsik: illum hu ċ-ċentinarju tad-dehriet tal-Verġni ta’ Fatima, imma hu wkoll anniversarju importanti ta’ fatt minn ħajtek, li seħħ ħamsa u għoxrin sena ilu, meta n-Nunzju Calabresi ħabbarlek li kont sa ssir Isqof Awżiljarju ta’ Buenos Aires: dan fisser it-tmiem tal-eżilju tiegħek f’Cordoba u bidla kbira f’ħajtek. Il-mistoqsija hi: qatt irbatt dan il-fatt li bidillek ħajtek mal-Verġni ta’ Fatima? U jekk f’dawn il-jiem li tlabt quddiemha ħsibtx f’din il-ħaġa u x’tista’ tirrakkontalna. Grazzi.
Il-Papa Franġisku
In-nisa kollox ikunu jafu! [jidħak] Ma ħsibtx fiha din il-koinċidenza; kien biss ilbieraħ, jiena u nitlob quddiem il-Madonna, li ntbaħt li fit-13 ta’ Mejju kont irċivejt it-telefonata tan-Nunzju, ħamsa u għoxrin sena ilu. Iva. Ma nafx… għidt: “Imma ara!”… U tkellimt xi ftit mal-Madonna fuq dan, tlabtha maħfra għall-iżbalji kolha tiegħi, anki ta’ xi gosti ħżiena fl-għażla tan-nies… [jidħak]. Imma lbieraħ indunajt.
Greg Burke
Nicholas Senèze, minn “La Croix”.
Nicholas Senèze
Grazzi, Santità. Nerġgħu lura għal Fatima, li lejha għandha devozzjoni kbira l-Fraternità ta’ San Piju X. Qed nisimgħu ħafna dwar ftehim li jagħti statut uffiċjali lill-Fraternità fil-Knisja. Xi wħud anki immaġinaw li din l-aħbar setgħet tingħata llum. Santità, int taħseb li dan il-ftehim jista’ jintlaħaq ma jdumx? U x’inhu x-xkiel li għad hemm? U għalik x’inhu s-sens ta’ din ir-rikonċiljazzjoni? Se jkun ir-ritorn trijonfali tal-fidili li juru xi tfisser tkun tassew Kattoliku, jew xi ħaġa oħra?
Il-Papa Franġisku
Imma jien nevita kull xorta ta’ trijonfaliżmu, le? Xi jiem ilu, il-“feria quarta” tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, is-sessjoni tagħhom – isejħulha “feria quarta” għax issir nhar ta’ Erbgħa – studjat dokument, u d-dokument għadu ma wasalx għandi, l-istudju tad-dokument. Din l-ewwel ħaġa. It-tieni: ir-relazzjonijiet bħalissa huma fraterni. Is-sena l-oħra tajt il-permess għall-qrar tagħhom kollha, anki għamla ta’ ġurisdizzjoni għaż-żwiġijiet. Imma qabel, ukoll, il-problemi, il-każi li kellhom – ngħidu aħna – li riedu jiġu solvuti mill-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, l-istess Kongregazzjoni kienet tmexxihom. Ngħidu aħna, l-abbużi: il-każi ta’ abbużi, huma kienu jġibuhom għandna; anki għall-Penitenzerija Appostolika; anki biex saċerdot jiġi mniżżel għall-istat lajkali, iġibuh għandi… Hemm relazzjonijiet fraterni. Ma’ Mons. Fellay għandi relazzjoni tajba, tkellimt kemm-il darba… Jien ma niħux gost ngħaġġel l-affarijiet. Nimxu, nimxu, nimxu, imbagħad naraw. Għalija mhix problema ta’ rebbieħa jew ta’ telliefa, le. Hi problema ta’ aħwa li jridu jimxu flimkien, ifittxu l-formula biex jagħmlu passi ’l quddiem.
Greg Burke
Grazzi, Santità. Issa Tassilo Forchheimer mill-ARD.
Tassilo Forchheimer
Santità, fl-okkażjoni tal-anniversarju tar-Riforma, l-Insara Evanġeliċi u Kattoliċi jistgħu jagħmlu biċċa triq oħra flimkien? Sa jkun hemm il-possibbiltà li jieħdu sehem fl-istess Mejda Ewkaristika? Xi xhur ilu, il-Kardinal Kasper qal li nistgħu nagħmlu pass ’il quddiem diġà f’din is-sena…
Il-Papa Franġisku
Saru passi kbar ’il quddiem! Ġib quddiem għajnejk l-ewwel Dikjarazzjoni fuq il-ġustifikazzjoni: minn dak il-mument il-mixja ma waqfet qatt. Il-vjaġġ fl-Iżvezja kien sinifikattiv ħafna, għax kien proprju l-bidu [taċ-ċelebrazzjonijiet], u anki kommemorazzjoni mal-Iżvezja. Anki hemm, sinifikattiv għall-ekumeniżmu tal-mixja, jiġifieri li nimxu flimkien bit-talb, bil-martirju u bl-opri ta’ karità, bl-opri tal-ħniena. U hemm il-Caritas Luterana u l-Caritas Kattolika daħlu fi ftehim bejniethom li jaħdmu flimkien: dan hu pass kbir! Imma nistennew passi oħra, dejjem. Int taf li Alla hu Alla tas-sorpriżi. Ma rridu nieqfu qatt, dejjem irridu nibqgħu mexjin. Nitolbu flimkien, nagħtu xhieda flimkien, nagħmlu l-opri tal-ħniena flimkien, jiġifieri nxandru l-imħabba ta’ Ġesù Kristu, inxandru li Ġesù Kristu hu l-Mulej, il-Feddej waħdieni, u li l-grazzja tiġi biss minnu… U f’din il-mixja t-teologi jkomplu jistudjaw, imma l-importanti li nimxu. Bil-qalb tagħna miftuħa għas-sorpriżi…
Greg Burke
Grazzi, Santità. Issa għandna lil Mimmo Muolo, mill-“Avvenire”.
Mimmo Muolo
Il-lejla t-tajba, Santità. Ħa nagħmillek mistoqsija f’isem il-grupp Taljan. Ilbieraħ u llum f’Fatima rajna xhieda kbira ta’ fidi popolari, flimkien miegħek; l-istess li tara, ngħidu aħna, anki f’Santwarji Marjani oħra bħal Medjugorje. X’jidhirlek minn dawn id-dehriet – jekk kienu dehriet – u mill-ħeġġa reliġjuża li qanqlu, ladarba issa ddeċidejt li taħtar Isqof delegat għall-aspetti pastorali? U jekk tippermettili, mistoqsija oħra, li naf li wkoll hi għal qalbek ħafna, barra li hi għalina t-Taljani: nixtieq naf, l-NGOs ġew akkużati bi ftehim minn taħt mat-traffikanti ta’ bnedmin. X’taħseb? Grazzi.
Il-Papa Franġisku
Ħa nibda mit-tieni waħda. Jien qrajt b’din il-problema fuq il-ġurnal li nqalleb filgħodu, imma għadni ma nafx id-dettalji x’inhuma. U għalhekk ma nistax nagħti l-fehma tiegħi. Naf li hemm problema u li l-indaġni miexja. Nawgura li timxi u li toħroġ il-verità kollha. L-ewwel waħda? Medjugorje. Id-dehriet kollha jew l-allegati dehriet huma xi ħaġa tal-isfera privata, mhumiex parti mill-Maġisteru pubbliku ordinarju tal-Knisja. Medjugorje: twaqqfet kummissjoni ppreseduta mill-Kardinal Ruini. Għamilha Benedettu XVI. Jien, fi tmiem is-sena 2013 jew għall-bidu tal-2014, irċivejt ir-riżultat mingħand il-Kardinal Ruini. Kummissjoni ta’ teologi, isqfijiet, kardinali bravi. Bravi, bravi, bravi. Ir-rapport-Ruini hu tajjeb ħafna ħafna. Imbagħad kien hemm xi dubji fil-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi u l-Kongregazzjoni rat li jkun opportun tibgħat lil kull wieħed mill-membri tal-kungress, ta’ din il-“feria quarta”, id-dokumentazzjoni kollha, anki dak li kien jidher kontra r-rapport-Ruini. Jiena rċivejt l-avviż: niftakar kien is-Sibt filgħaxija, tard billejl. Ma deherlix li kienet xi ħaġa tajba: deher bħallikieku kienu qed ipoġġu għall-irkant – skużawni l-kelma – ir-rapport-Runi, li kien maħdum tajjeb ħafna. U l-Ħadd filgħodu l-Prefett tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi rċieva ittra mingħandi, fejn tlabtu jgħidilhom biex l-opinjonijiet, flok jibagħtuhom lill-“feria quarta”, jibagħtuhom lili, personalment. Dawn l-opinjonijiet ġew studjati, u kollha jagħfsu fuq l-importanza tar-rapport-Ruini. Iva, prinċipalment irridu nagħżlu bejn tliet affarijiet. Fuq l-ewwel dehriet, meta [dawk li kellhom id-dehriet] kienu għadhom tfal, ir-rapport ftit jew wisq jgħid li għadha trid tkompli l-investigazzjoni. Dwar l-allegati dehriet attwali, ir-rapport għandu d-dubji tiegħu. Jien personalment iżjed “kattiv”: nippreferi lill-Madonna omm, omm tagħna, u mhux il-Madonna kap tal-uffiċċju telegrafiku li ta’ kuljum tibgħat messaġġ f’dik is-siegħa… din mhix l-omm ta’ Ġesù. U dawn l-allegati dehriet ma tantx għandhom valur. U dan qed ngħidu bħala opinjoni personali. Imma min jaħseb li l-Madonna qed tgħid: “Ejjew għada f’dik is-siegħa għax ħa nagħti messaġġ lil dan jew dak”; le. [Fir-rapport-Ruini] ssir distinzjoni bejn iż-żewġ dehriet. U t-tielet, il-qalba vera u proprja tar-rapport-Ruini: il-fatt spiritwali, il-fatt pastorali, nies li tmur hemm u tikkonverti, nies li tiltaqa’ ma’ Alla, li tibdel ħajjitha… Għal dan m’hemm l-ebda bakketta maġika, u dan il-fatt spiritwali-pastorali ma nistgħux niċħduh. Issa, biex naraw l-affarijiet b’dan it-tagħrif kollu, bit-tweġibiet li bagħtuli t-teologi, ġie maħtur Isqof – bravu, bravu għax għandu l-esperjenza – biex jara l-parti pastorali kif sejra. U fl-aħħar, nagħtu l-kelma tagħna.
Mimmo Muolo
Santità, grazzi anki tal-barka lill-konċittadini tiegħi li jirringrazzjawk: rawha u ferħu ħafna.
Il-Papa Franġisku
Grazzi.
Greg Burke
Santità, issa, jekk nista’ nkun kattiv jien, għaddejna l-gruppi lingwistiċi kollha u saru s-sitta…
Il-Papa Franġisku
Imma fadal ftit tal-ħin…
Greg Burke
Hawn mistoqsija…
Il-Papa Franġisku
Waħda jew tnejn…
Greg Burke
Joshua McElwee, min-“National Catholic Reporter”.
Joshua McElwee
Grazzi, Santità. Il-mistoqsija tiegħi hi din: l-aħħar membru tal-Kummissjoni għall-ħarsien tal-minuri, li ġiet abbużata minn qassis, irriżenjat f’Marzu. Is-Sinjura Marie Collins qalet li kellha tirriżenja għax l-uffiċċjali tal-Vatikan ma kinux qed jimplimentaw il-pariri tal-Kummissjoni li int, Santità, approvajt. Għandi żewġ mistoqsijiet. Ta’ min hi r-responsabbiltà? U x’qed tagħmel int, Santità, biex tiżgura li s-saċerdoti u l-isqfijiet fil-Vatikan iwettqu r-rakkomandazzjonijiet tiegħek, li tagħtik pariri fuqhom il-Kummissjoni tiegħek?
Il-Papa Franġisku
Veru. Marie Collins fissritli sew dan. Tkellimt magħha: mara brava. Hi se tibqa’ taħdem fil-formazzjoni mas-saċerdoti f’dan ir-rigward. Hi mara brava, li tixtieq taħdem. Għamlet din l-akkuża, u xi ftit raġun għandha. Għaliex? Għax hemm tant każi li għadhom lura, għax inġemgħu ħafna… Imbagħad, issa riedet issir il-liġi għal dan: x’għandhom jagħmlu l-isqfijiet djoċesani? Illum kważi fid-djoċesijiet kollha hemm il-Protokoll li jrid jiġi segwit f’dawn il-każi: dan progress kbir. Hekk id-dossiers isiru sew. Dan hu pass. Pass ieħor: ftit hemm nies, hemm bżonn ta’ iktar nies li kapaċi għal dan, u s-Segretarju tal-Istat qed ifittex, u anki l-Kardinal Müller, biex jippreżenta persuni ġodda. L-aħħar darba daħlu tnejn jew tlieta oħra. Inbidel id-direttur tal-Uffiċċju dixxiplinari, li kien bravu, kien bravissmu, imma kien xi ftit għajjien: reġa’ lura f’art twelidu biex jagħmel l-istess xogħol mal-isqfijiet tiegħu. U l-ġdid – Irlandiż, Mons. Kennedy – hu persuna brava ħafna, effiċjenti ħafna, veloċi, u dan qed jgħin mhux ħażin. Imbagħad hemm ħaġa oħra. Xi drabi, l-isqfijiet jibagħtu l-każ; jekk il-Protokoll ikun sew, il-każ imur dritt fil-“feria quarta”, u l-“feria quarta” tistudjah u tiddeċiedi. Jekk il-Protokoll ma jkunx ġie rispettat, il-każ ikollu jerġa’ lura u kollox irid isir mill-ġdid. Għalhekk qed naħsbu f’għajnuniet kontinentali, jew tnejn għal kull kontinent: ngħidu aħna, fl-Amerika Latina, wieħed fil-Kolombja, ieħor fil-Brażil… Ikunu bħal pre-tribunali jew tribunali kontinentali. Imma dan għadu f’fażi ta’ ppjanar. U mbagħad, kollox sew: tistudjah il-“feria quarta” u tneżża’ lis-saċerdot mill-istat klerikali, li jerġa’ lura fid-djoċesi tiegħu u jagħmel rikors. Dari r-rikors kienet tistudjah l-istess “feria quarta” li tkun tat is-sentenza, imma dan hu inġust. U allura ħloqt tribunal ieħor u qegħedt bħala kap fuqu persuna indiskutibbli: l-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Scicluna, li hu wieħed mill-aktar ħorox kontra l-abbużi. U f’dan it-tieni tribunal – għax irridu nkunu ġusti – min jagħmel ir-rikors għandu dritt li jkollu difensur. Jekk dan japprova l-ewwel sentenza, il-każ jagħlaq hemm. Tibqa’ biss [il-fakultà li jikteb] ittra, jitlob il-grazzja tal-Papa. Jien qatt ma ffirmajt grazzja. Kif inhuma l-affarijiet, mexjin. Marie Collins f’dak il-punt kellha raġun; imma aħna wkoll għadna mexjin. Imma hemm elfejn każ li nġemgħu! Grazzi.
Greg Burke
Santità, imma issa rridu mmorru…
Il-Papa Franġisku
Imma min kien baqa’?
Greg Burke
Portugiż…
Il-Papa Franġisku
Oħ, povra…
Greg Burke
Tajjeb…
Joana Haderer, “Agencia portoghese Lusa”
Grazzi, Santità. Ħa nistaqsik bl-Ispanjol, għax eħfef għalija. Se nistaqsik dwar il-każ tal-Portugall, imma naħseb li japplika għal ħafna mis-soċjetajiet tagħna tal-Punent. Fil-Portugall, kważi l-Portugiżi kollha jidentifikaw ruħhom bħala Kattoliċi, kważi kollha, kważi 90%. Imma l-mod kif hi organizzata s-soċjetà, id-deċiżjonijiet li nieħdu… spiss huma kontra l-orjentamenti tal-Knisja. Nirriferi għaż-żwieġ tal-omosesswali, għad-dekriminalizzazzjoni tal-abort. Issa se nibdew niddiskutu l-ewtanasja. Dan kif tarah int?
Il-Papa Franġisku
Naħseb li din hi problema politika. U li l-kuxjenza tal-Kattoliċi mhux dejjem hi dik tal-Knisja, u li wara dan m’hemmx katekeżi li tista’ tiġi applikata, katekeżi umana. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika hu eżempju ta’ ħaġa serja. Naħseb li hemm nuqqas ta’ formazzjoni u anki ta’ kultura. Għax din ħaġa kurjuża, f’xi reġjuni oħra, naħseb fl-Italja ta’ isfel, u wkoll fl-Amerika Latina, huma Kattoliċi ħafna imma mbagħad huma anti-klerikali u kontra l-qassisin… dan fenomenu li jeżisti.
Joana Haderer
U jippreokkupak?
Il-Papa Franġisku
U żgur li jippreokkupani. Għalhekk lis-saċerdoti ngħidilhom, tridu taqrawh, tridu taħarbu mill-klerikaliżmu għax il-klerikaliżmu jbiegħed in-nies. Ħa jaħarbu mill-klerikaliżmu, u nżid: hi pjaga għall-Knisja. Imma jidħol ukoll ix-xogħol tal-katekeżi, li nqajmu kuxjenza, niddjalogaw, anki tal-valuri umani. Grazzi.
Nirringrazzjakom ħafna tal-ħidma tagħkom u tal-mistoqsijiet tajbin. Grazzi.
Greg Burke
Grazzi lilek, Santità.
Il-Papa Franġisku
U tinsewx titolbu għalija.
miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard