Vjaġġ Appostoliku tal-Papa

Fil-Litwanja, Latvja u Estonja

Laqgħa Ekumenika maż-Żgħażagħ

Diskors tal-Qdusija Tiegħu Papa Franġisku

Kaarli Lutheran Church f’Tallinn (Estonja) 
It-Tlieta, 25 ta’ Settembru 2018

  

Għeżież żgħażagħ,

Grazzi għall-merħba mill-qalb u għall-kant tagħkom, u grazzi lil Lisbel, Tauri u Mirko għax-xhieda tagħhom.  Jiena grat għall-kliem ġentili u fratern tal-Arċisqof tal-Knisja Evanġelika Luterana tal-Estonja, Urmas Viilma, kif ukoll għall-preżenza tal-President tal-Kunsill tal-Knejjes tal-Estonja, l-Arċisqof Andres Põder, tal-Isqof Philippe Jourdan, l-Amministratur Appostoliku fl-Estonja u għar-rappreżentanti ta’ diversi knejjes insara oħra li hawn fil-pajjiż. Grat ukoll għall-preżenza tas-Sinjura President tar-Repubblika.

Dejjem ħaġa sabiħa li niltaqgħu biex naqsmu l-esperjenzi li ngħixu u nesprimu dak li naħsbu u nħossu. Tassew ħaġa sabiħa li aħna, li nemmnu f’ Ġesù, insibu ruħna flimkien. F’dawn il-laqgħat isseħħ il-ħolma ta’ Ġesù li hu esprima fl-Aħħar Ċena: “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda....biex id-dinja temmen” (Ġw 17,21). Jekk nagħmlu ħilitna biex inħarsu lejn xulxin bħal pellegrini li qed jagħmlu l-mixja flimkien, nitgħallmu niftħu qalbna  għal min qed jagħmel il-mixja magħna, bla suspetti u b’fiduċja; inħarsu biss lejn dak li fir-realtà qegħdin infittxu: il-paċi fil-preżenza ta’ Alla wieħed. Il-bini tal-paċi jitlob arti, u l-istess  meta niġu biex nibnu l-fiduċja fl-oħrajn; il-paċi hi għajn ta’ hena: “Ħenjin dawk li jiġibu  l-paċi” (Mt 5,9). Din it-triq, din il-mixja ma nagħmluhiex biss ma’ dawk li jemmnu, iżda ma’ kulħadd. Kulħadd għandu xi ħaġa x’jgħidilna; u aħna għandna xi ħaġa x’ngħidu lil kulħadd.

Fil-pittura kbira fl-apsidi ta’ din il-knisja hemm silta mill-Evanġelju ta’ San Mattew: “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin  u jiena nserraħkom” (Mt 11,28). Bħala  żgħażagħ insara, intom tistgħu tidentifikaw ruħkom ma’ dak li nsibu f’din il-parti tal-Evanġelju.

Fil-versi ta’ qabel din is-silta,  San Mattew jgħidilna li Ġesù kien deluż għax dawk li kienu qed jisimgħuh dehru li ma fehmu xejn minn dak li kien qed  jgħidilhom (ara Mt 11,16-19). Spiss, anki intom iż-żgħażagħ, taraw li l-adulti ta’ madwarkom ma jifhmukomx  u ma jkunux jafu xi jixtiequ minnkom. Xi drabi meta jarawkom ferħana jissusspettaw fikom, u meta jarawkom inkwetati jnaqqsu mill-importanza ta’ dak li tkunu għaddejjin minnu. Fil-kunsultazzjoni ta’ qabel is-Sinodu li ser isir dalwaqt u li fih ser nirriflettu dwar iż-żgħażagħ, ħafna minnkom talbu li jkun hemm min jakkumpanjahom u jifhimhom mingħajr ma jiġġudikahom, li jkun hemm min jaf jismagħhom u anki jwieġeb għall-mistoqsijiet tagħhom (ara Sinodu għaż-żgħażagħ,  Instrumentum laboris, 132).  Xi drabi, fil-Knejjes insara tagħna – u nazzarda ngħid f’kull proċess reliġjuż strutturat istituzzjonalment - jkun aktar faċli għalina li nitkellmu, nagħtu parir u nipproponu l-esperjenza tagħna milli nisimgħu u niddawlu minn dak li tkunu  qed tgħixu intom. Ħafna drabi l-komunitajiet insara jingħalqu fihom infushom, mingħajr ma jindunaw b’dak li jkun qed jinkwetakom u jisimgħukom. Nafu li intom tixtiequ u tistennew “li ma tkunux akkumpanjati minn xi mħallef riġidu jew minn xi ġenitur imbeżża’ li jipproteġikom iżżejjed u jkun iridkom tiddipendu minnu; iżda tixtiequ li tkunu akkumpanjati min xi ħadd li ma jibżax mid-dgħufija tiegħu u li jurikom id-dawl jiddi tat-teżor li jinsab fih bħal f’ġarra  tal-fuħħar (ara 2,Kor 4,7)” (ara Sinodu għaż-żgħażagħ,  Instrumentum laboris, 142). Illum, hawnhekk nixtieq ngħidilkom li aħna rridu nibku magħkom meta tibku, irridu nakkumpanjawkom u nissapportjawkom fil-mumenti  tagħkom ta’ ferħ, irridu ngħinukom timxu wara l-Mulej. Għeżież żgħażagħ, kunu afu li komunità tassew nisranija ma tgħixx prożelitiżmu. Tisma’, tilqa’, takkumpanja u timxi, imma ma timponi xejn.     

Ġesù lmenta wkoll dwar xi bliet li mar iżur, fejn kien wettaq bosta mirakli u wera ġesti ta’ tenerezza u qrubija, u ddispjaċih li dawn ma fehmux li l-bidla li kien qed jitkellem dwarha  kienet waħda urġenti u ma setgħetx tistenna. Wasal saħansitra biex jgħidilhom li kellhom rashom iebsa aktar min-nies ta’ Sodoma (ara Mt, 20-24). Meta aħna l-adulti ma nammettux realtà li tkun ċara, jgħidulna ċar u tond: “M’intomx qed taraw?” U dawk  l-aktar kuraġġużi fostkom, irid ikollhom il-kuraġġ jgħidulna: “M’intomx tindunaw li ħadd m’hu qed jismagħkom aktar u lanqas jemminkom?”. Hemm bżonn nikkonvertu; jekk irridu nkunu qrib tagħkom, jeħtieġ  nibdlu mill-qiegħ dawk l-affarijiet li jbiegħdukom.   

Nafu - kif ġa għidtulna  - li ħafna żgħażagħ ma jistaqsuna xejn għax iħossu li m’għandna xejn x’nagħtuhom li jgħodd għal ħajjithom. Mhijiex ħaġa sabiħa kerha meta l-Knisja, il-komunita’ ġġib ruħha b’mod li ż-żgħażagħ jgħidu: “Dawn m’għandhom xejn x’jgħidulna li jgħodd għal ħajjitna”. Filfatt hemm xi wħud li jgħidulna  b’mod ċar ħafna biex inħalluhom fil-kwiet għax iħossu li l-preżenza tal-Knisja iddejjaqhom, saħansitra tirrithom. U dan huwa veru. Jitbaqbqu meta ma jkunx hemm kundanna ċara dwar skandli sesswali u ekonomiċi, meta ma jkunx hemm  preparazzjoni serja biex ninterpretaw sew dak li jgħixu u jħossu ż-żgħażagħ, u anki minħabba r-rwol passiv mogħti liż-żgħażagħ (ara Sinodu għaż-żgħażagħ, Instrumentum laboris, 66). Dawn huma xi wħud mill-affarijiet li tkellimtu dwarhom intom stess. Jeħtieġ inwieġbu għalihom u li kif tlabtu intom stess inkunu “komunità trasparenti, akkoljenti, onesta, komunikattiva, aċċessibbli, kuntenta u interattiva” (ara Sinodu għaż-żgħażagħ,  Instrumentum laboris, 67). Dan ifisser li rridu nkunu komunità li ma tibżax. Il-biża’ jagħlaqna. Il-biża’ jwassalna għall-prożelitiżmu. Biex inkunu tassew aħwa jeħtieġ li jkollna qalb miftuħa u nħaddnu lil xulxin bħal aħwa.

Qabel ma qal id-diskors tal-Evanġelju li jinsab f’dan it-tempju, Ġesù  beda b’talba ta’ tifħir lill-Missier. Għamel dan għax kien jaf li dawk li fehmu, dawk li jifhmu l-qalba tal-messaġġ u l-persuna tiegħu, huma ċkejknin, għandhom ruħ sempliċi u miftuħa. U meta narakom hekk magħqudin flimkien u tkantaw, ningħaqad mal-leħen ta’ Ġesù filwaqt li nibqa’ immeraviljat għax nara li minkejja n-nuqqas ta’ xhieda tagħna, intom tkomplu tiskopru lil Ġesù  fi ħdan il-komunitajiet tagħkom. Tassew li fejn hemm Ġesù hemm it-tiġdid u dejjem hemm iċ-ċans li nikkonvertu u nħallu wara spallejna  dak kollu li jifridna minnU u minn ħutna l-bnedmin. Fejn hemm Ġesù, il-ħajja dejjem ikollha l-benna tal-Ispirtu s-Santu. Hawnhekk, illum intom qed twettqu din il-meravilja ta’ Ġesù.

Allura iva, intennu l-kliem: «Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin  u jiena nserraħkom» (Mt 11,28), konvinti li, ‘l hemm mil-limiti u l-firdiet tagħna, Ġesù jkompli jkun ir-raġuni għalfejn ninsabu hawn. Nafu li m’hemmx għajnuna aktar kbira minn dik li jagħtina  Ġesù jekk inħalluh jerfa’ t-toqol tagħna. Nafu wkoll li hemm ħafna li għadhom ma jafuhx u jgħixu fid-dwejjaq u t-taħwid. Xi għaxar snin ilu, kantanta magħrufa minn pajjiżkom, f’waħda mis-songs tagħha kienet tkanta hekk: “L-imħabba mietet, l-imħabba telqet, l-imħabba m’għadhiex tgħix hawn” (Kerli Kõiv, L-imħabba mietet). Le, jekk jogħġobkom!  Ejjew nagħmlu minn kollox biex l-imħabba tkun ħajja; hemm bżonn li nagħmlu dan ilkoll! Ħafna huma dawk li jagħmlu din l-esperjenza: jaraw l-imħabba bejn il-ġenituri tagħhom tispiċċa; jaraw koppji li għadhom kif jiżżewġu jinfirdu; ibatu għax ħadd ma jimpurtah li jkollhom jemigraw biex ifittxu x-xogħol jew inkella għax jaraw lil min iħares lejhom b’suspett għax huma barranin. Kif qalet Kerli Kõiv l-imħabba tidher mejta; iżda aħna nafu li mhijiex. Għandna kelma xi ngħidu, għandna xi ħaġa xi nħabbru, bi ftit kliem u b’ħafna ġesti. Għax intom il-ġenerazzjoni tal-immaġni, tal-azzjoni li tmur ‘l fuq mill-ispekulazzjoni, mit-teorija.

Din hi xi ħaġa li togħġob lil Ġesù; għax Hu għadda jagħmel il-ġid, u meta miet  ipprefera l-ġest qawwi tas-salib mill-kliem. Aħna magħqudin fil-fidi f’Ġesù, u hu jistenna li nwassluh lil dawk iż-żgħażagħ kollha li tilfu s-sens tal-ħajja.  Dan hu li jiġri meta aħna li nemmnu ma nkunux koerenti. Nilqgħu flimkien in-novità li Alla jġib f’ħajjitna, novità li tqanqalna biex dejjem nibdew mill-ġdid, biex immorru hemm fejn l-umanità hi l-aktar miġrugħa, fejn ‘l hemm mill-apparanza tas-superfiċjalità u l-konformiżmu, il-bnedmin qed ikomplu jfittxu tweġiba għall-mistoqsija dwar is-sens ta’ ħajjithom. Iżda meta mmorru qatt ma nkunu waħidna: Alla jiġi magħna; Hu ma jibżax, ma jibżax mill-periferiji, anzi hu stess sar periferija (ara Fil 2,6-8; Ġw 1,14). Jekk ikollna l-kuraġġ li noħorġu ‘l barra minna nfusna, mill-egoiżmu tagħna, mill-ideat magħluqa tagħna, u mmorru fil-periferiji, insibuh hemm għax Ġesù jasal qabilna fil-ħajja ta’ ħuna li qed ibati u li hu mwarrab. Hu ġa qiegħed hemm (ara Gaudete et exsultate, 135).

Għeżież żgħażagħ, l-imħabba mhijiex mejta, qed issejħilna u tibgħatna. Titlob biss li niftħu qlubna. Ejjew nitolbu l-qawwa tal-appostli biex inwasslu l-Evanġelju lill-oħrajn – noffruh mhux ninponuh – u biex ma nħallux li l-ħajja nisranija tagħna tkun mużew ta’ tifkiriet. Il-ħajja nisranija hi ħajja, hi futur, hi tama! Mhijiex mużew. Ejjew inħallu l-Ispirtu s-Santu jgħinna nikkontemplaw l-istorja fid-dawl ta’ Ġesù li qam mill-mewt.  Hekk il-Knisja, il-Knejjes tagħna jkunu jistgħu jimxu ‘l quddiem filwaqt li jilqgħu s-sorpriżi tal-Mulej (ara Gaudete et exsultate, 139). Is-sorpriżi tal-Mulej. Il-Mulej jissorprendina għax il-ħajja dejjem tissorprendina.  Ejjew nimxu ‘l quddiem u niltaqgħu ma’ dawn is-sorpriżi. Grazzi!

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard.