VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

FIL-LITWANJA, IL-LATVJA U L-ESTONJA

[22-25 TA’ SETTEMBRU 2018]

 

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Pjazza tal-Libertà f’Tallinn (l-Estonja)

It-Tlieta 25 ta’ Settembru 2018

 

Meta, fl-Ewwel Qari, nisma’ bil-wasla tal-poplu Lhudi – diġà ħieles mill-jasar tal-Eġittu – f’riġlejn il-Muntanja Sinaj (ara Eż 19:1), impossibbli ma naħsibx fikom bħala poplu; impossibbli ma naħsibx fin-nazzjon kollu tal-Estonja u fil-Pajjiżi Baltiċi kollha. Kif nista’ ma niftakarx f’dik ir-“rivoluzzjoni melodjuża”, jew f’dik il-katina ta’ żewġ miljun ruħ minn hawn għal Vilnius? Intom tafu kif ikun it-taqbid għal-libertà, tistgħu tidentifikaw ruħkom ma’ dak il-poplu. Għalhekk, jagħmlilna tajjeb nisimgħu dak li Alla jgħid lil Mosè, biex nifhmu dak li qed jgħid lilna bħala poplu.

 

Il-poplu li jasal taħt is-Sinaj hu poplu li diġà ra l-imħabba ta’ Alla tiegħu li dehret f’mirakli u għeġubijiet; hu poplu li jiddeċiedi li jidħol f’patt ta’ mħabba għax Alla diġà kien ħabbu hu l-ewwel u wrieh din l-imħabba. Mhuwiex imġiegħel, Alla jridu ħieles. Meta ngħidu li aħna Nsara, meta nħaddnu stil ta’ ħajja, dan nagħmluh mingħajr pressjoni, mingħajr dan ma jkun skambju li fih aħna nagħmlu xi ħaġa jekk Alla jagħmel xi ħaġa. Imma fuq kollox nafu li l-proposta ta’ Alla ma teħdilna xejn, anzi, bil-maqlub, twassal għall-milja, issaħħaħ ix-xewqat kollha tal-bniedem. Xi wħud jgħidu li huma ħielsa meta jgħixu mingħajr Alla jew mifruda minnu. Ma jintebħux li b’dan il-mod f’din il-ħajja qed jivvjaġġaw bħala ltiema, mingħajr dar fejn jerġgħu lura. “Jieqfu jgħixu ta’ pellegrini u jinbidlu f’nies li jiġġerrew ’l hawn u ’l hemm, li jduru dejjem magħhom infushom bla ma jaslu mkien” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 170).

 

Issa jmiss lilna li, bħall-poplu li ħareġ mill-Eġittu, nisimgħu u nfittxu. Xi drabi ssib min jaħseb li l-qawwa ta’ poplu llum titkejjel b’rigi oħra. Hemm min jitkellem b’ton ogħla, hekk li meta jitkellem iħossu iżjed fiż-żgur – bla ma jċedi jew jindubja ruħu –; hemm min, mal-għajat, iżid ukoll theddid ta’ armi, l-iskjerar ta’ truppi, strateġiji… Dan hu dak li jidher iżjed “b’saħħtu”. Imma mhux hekk infittxuha r-rieda ta’ Alla, hekk inkunu nġemmgħu biex nimponu skont kemm għandna. Dan l-atteġġjament jaħbi fih rifjut tal-etika u, magħha, ta’ Alla. Għax l-etika tqegħidna f’relazzjoni ma’ Alla li minna jistenna tweġiba ħielsa u impenjata lejn l-oħrajn u lejn l-ambjent tagħna, tweġiba li tmur lil hemm mill-kategoriji tas-suq (ara ibid., 57). Intom ma ksibtux il-libertà tagħkom biex tispiċċaw ilsiera tal-konsum, tal-individwaliżmu jew tal-kilba għall-poter u għall-ħakma fuq l-oħrajn.

 

Alla jaf x’inhuma l-bżonnijiet tagħna, dawk li spiss naħbu wara x-xewqa li nrekknu l-ġid; anki n-nuqqas ta’ ċertezzi tagħna megħluba grazzi għall-poter. Dak l-għatx, li hemm f’kull qalb ta’ bniedem, Ġesù, fil-Vanġelu li għadna kemm smajna, jagħmlilna l-qalb biex naqtgħuh fil-laqgħa tagħna miegħu. Hu li jista’ jaqtgħalna l-għatx, jagħtina l-milja tal-ilma għammiel tiegħu, tas-safa tiegħu, tal-qawwa tiegħu li tirbaħ kollox. Il-fidi tfisser ukoll li nintebħu li hu ħaj u jħobbna; li ma jitlaqniex u, għalhekk, kapaċi jintervieni misterjożament fl-istorja tagħna; hu jaf joħroġ it-tajjeb mill-ħażin bil-qawwa tiegħu u bil-kreattività infinita tiegħu (ara ibid., 278).

 

Fid-deżert, il-poplu ta’ Iżrael jaqa’ fit-tentazzjoni li jfittex allat oħra, li jadura l-għoġol tad-deheb, li jafda fil-qawwa tiegħu nnifsu. Imma Alla jiġbdu lejh dejjem mill-ġdid, u huma jiftakru x’kienu semgħu u raw fuq il-muntanja. Bħal dak il-poplu, anki aħna nafu nkunu poplu “maħtur, saċerdotali u qaddis” (ara Eż 19:6; 1 Piet 2:9), hu l-Ispirtu li jfakkarna dawn l-affarijiet kollha (ara Ġw 14:26).

 

Magħżulin ma jfissirx esklussivi u lanqas partiġġjani; aħna l-parti ċkejkna li trid ittella’ l-għaġna tal-massa kollha, li la tinħeba u lanqas tinqata’ għaliha, li ma tħosshiex aħjar jew iktar pura. L-ajkla tkennen il-frieħ tagħha, teħodhom f’postijiet għoljin sa ma jirnexxielhom itiru għal rashom, imma jkollha timbuttahom biex joħorġu minn dak il-post trankwill. Tferfer it-tifqisa tal-flieles tagħha, liċ-ċkejknin tagħha teħodhom fil-vojt biex tpoġġi fil-prova l-ġwienaħ tagħhom; u tibqa’ ttir taħthom biex tipproteġihom, biex ma tħalli li tiġrilhom ebda ħsara. Hekk jagħmel Alla mal-poplu magħżul tiegħu, iridu “joħroġ”, qalbieni fit-titjira tiegħu u dejjem imħares biss minnu. Hemm bżonn negħlbu l-biża’ u nħallu l-wesgħat kennija tagħna, għax illum il-parti l-kbira tan-nies tal-Estonja jistqarru li ma jemmnux.

 

Noħorġu bħala saċerdoti: hekk aħna bil-Magħmudija. Noħorġu biex nippromovu r-relazzjoni ma’ Alla, biex niffaċilitawha, biex niffavorixxu laqgħa ta’ mħabba miegħu li qed jgħajjat: “Ejjew għandi” (Mt 11:28). Għandna bżonn nikbru f’ħarsa ta’ qrubija biex nikkontemplaw, nitqanqlu u nieqfu quddiem il-persuna l-oħra, kull darba li jkun hemm bżonn. Din hi l-arti tat-tisħib, li sseħħ għar-ritmu b’saħħtu tal-qrubija, tal-ħall tal-għoqiedi u tat-tkabbir tal-ħajja Nisranija (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 169).

 

U fl-aħħar, nagħtu xhieda li aħna poplu qaddis. Nistgħu naqgħu fit-tentazzjoni li naħsbu li l-qdusija hi biss għal xi wħud. Fir-realtà, “ilkoll aħna msejħin inkunu qaddisin billi ngħixu bi mħabba u noffru x-xhieda tagħna fil-ħidmiet ta’ kuljum, kull fejn inkunu” (Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate, 14). Imma, bħalma l-ilma fid-deżert ma kienx ġid personali imma komunitarju, kif il-manna ma setgħetx tiġġemma’ għax kienet tispiċċa, hekk il-ħajja tal-qdusija titwessa’, theżżeż, tagħmel għammiel dak kollu li ssib qribha. Illum nagħżlu li nkunu qaddisin billi ndewwu t-trufijiet u l-periferiji tas-soċjetà tagħna, hemm fejn ħuna jinsab mixħut u qed iġarrab l-esklużjoni tiegħu. Ma nħallux li jkun min jiġi warajna li jmidd il-pass biex jgħinu, u lanqas li tkun kwistjoni li tissolva mill-istituzzjonijiet; aħna stess irridu nsammru ħarsitna fuq dak ħuna u nnewlulu jdejna biex inqajmuh mill-ġdid, għax fih hemm ix-xbieha ta’ Alla, hu ħuna mifdi minn Ġesù Kristu. Dan ifisser inkunu Nsara u l-qdusija li ngħixu ta’ kuljum (ara ibid., 98).

 

Fl-istorja tagħkom intom urejtu li intom imkabbrin li intom Estonjani, dan tgħannuh u tgħid: “Jien mill-Estonja, se nibqa’ mill-Estonja, li tkun Estonjan hi ħaġa sabiħa, aħna Estonjani”. Kemm hi ħaġa sabiħa li nħossuna parti minn poplu! Kemm hi ħaġa sabiħa li nkunu indipendenti u ħielsa! Ejjew nitilgħu fuq il-muntanja mqaddsa, fuq dik ta’ Mosè, fuq dik ta’ Ġesù, u nitolbuh – kif jgħid il-motto ta’ din iż-żjara – iqajjem mill-ġdid lil qlubna, jagħtina d-don tal-Ispirtu biex ngħarblu f’kull waqt tal-istorja kif nistgħu nkunu ħielsa, kif inħaddnu l-ġid u nħossuna magħżula, kif inħallu lil Alla jkabbar, hawn fl-Estonja u fid-dinja kollha, il-ġens qaddis tiegħu, il-poplu saċerdotali tiegħu.

 


 

RINGRAZZJAMENT FI TMIEM IL-QUDDIESA

 

Għeżież ħuti,

 

Qabel il-barka tal-aħħar, u qabel ma ntemm dan il-Vjaġġ appostoliku fil-Litwanja, il-Latvja u l-Estonja, nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi lilkom ilkoll, ibda mill-Amministratur Appostoliku tal-Estonja. Grazzi li lqajtuni, espressjoni ta’ merħla ċkejkna b’qalb kbira! Inġedded ir-rikonoxxenza tiegħi lis-Sinjura President tar-Repubblika u lill-Awtoritajiet l-oħra tal-Pajjiż.

 

Ħsieb speċjali għal ħutna kollha Nsara, b’mod partikulari l-Luterani, li, kemm hawn fl-Estonja u kemm fil-Latvja, ospitaw il-laqgħat ekumeniċi tagħna. Il-Mulej jissokta jmexxina fit-triq tal-komunjoni.

 

Grazzi lil kulħadd!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard