VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FL-EMIRATI GĦARAB MAGĦQUDA

(3-5 TA’ FRAR 2019)

 

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Zayed Sports City (Abu Dhabi)

It-Tlieta 5 ta’ Frar 2019

 

Henjin: hi l-kelma li biha Ġesù jiftaħ il-predikazzjoni tiegħu fil-Vanġelu ta’ Mattew. U huwa r-ritornell li hu jtenni llum, kważi jrid inaqqax fil-qalb tagħna, qabelxejn, messaġġ fundamentali: jekk tinsab ma’ Ġesù, jekk bħad-dixxipli ta’ dakinhar tħobb tisma’ l-kelma tiegħu, jekk qed tfittex tgħixha ta’ kuljum, inti hieni. Mhux għad tkun hieni, imma inti hieni: din hi l-ewwel realtà tal-ħajja Nisranija. Hi ma tippreżentax ruħha bħala lista ta’ preskrizzjonijiet esterjuri li għandhom jitwettqu jew bħala ġabra flimkien ta’ duttrini li għandna nkunu nafuhom. Qabelxejn mhijiex dan; imma hi l-għarfien li aħna, f’Ġesù, aħna wlied maħbuba tal-Missier. Hi li ngħixu l-ferħ ta’ din il-beatitudni, hi li nifhmu l-ħajja bħala storja ta’ mħabba, l-istorja tal-imħabba fidila ta’ Alla li ma jitlaqna qatt u dejjem irid jidħol f’komunjoni magħna. Din hi r-raġuni tal-ferħ tagħna, ta’ ferħ li l-ebda persuna fid-dinja u l-ebda ċirkustanza fil-ħajja ma jistgħu jeħdulna. Hu ferħ li  jagħti s-sliem anki fit-tbatija, li diġà minn issa jdewwaqna dak l-hena li hemm jistenniena għal dejjem. Għeżież ħuti, fil-ferħ ta’ din il-laqgħa tiegħi magħkom, din hi l-kelma li ġejt ngħidilkom: henjin!

 

Issa jekk Ġesù jsejjaħ henjin lid-dixxipli tiegħu, xorta jolqtuna l-motivi ta’ kull Beatitudni. Fihom naraw kif Ġesù jaqleb ta’ taħt fuq il-ħsieb komuni, li skontu huma henjin l-għonja, is-setgħanin, dawk li jagħmlu suċċess u l-folol ifaħħruhom. Imma għal Ġesù, huma henjin il-foqra, l-umli, dawk li jibqgħu ġusti anki jekk jirriskjaw li jaqtgħu figura ħażina, l-ippersegwitati. Min għandu raġun, Ġesù jew id-dinja? Biex nifhmu, ejjew inħarsu lejn kif għex Ġesù: fqir fl-oġġetti u għani fl-imħabba, reġa’ ta l-ħajja lil tant persuni, imma tiegħu ma ħelishiex. Ġie biex jaqdi u mhux biex ikun moqdi; għallimna li l-kbir mhuwiex dak li għandu, imma dak li jagħti. Ġust u twajjeb, ma poġġa ebda reżistenza u ħalla lil min jikkundannah inġustament. B’dan il-mod Ġesù ġab fid-dinja l-imħabba ta’ Alla. Hekk biss rebaħ fuq il-mewt, id-dnub, il-biża’ u l-istess mondanità: bil-qawwa tal-imħabba divina waħidha. Ejjew nitolbu llum, hawn flimkien, il-grazzja li niskopru mill-ġdid il-ġmiel li nimxu wara Ġesù, li nsiru nixbhuh, li ma nfittxu xejn iżjed ħliefu u l-imħabba umli tiegħu. Għax hawn jinsab, fil-komunjoni tagħna miegħu u fl-imħabba għall-oħrajn, is-sens tal-ħajja fuq din l-art. Temmnuh intom dan?

 

Ġejt ukoll biex ngħidilkom grazzi għal kif qed tgħixu l-Vanġelu li għadna kemm smajna. Jingħad li bejn il-Vanġelu miktub u dak megħjux hemm l-istess differenza li teżisti bejn il-mużika miktuba u dik li tindaqq. Intom hawn tafuha l-melodija tal-Vanġelu u tgħixu bil-ħeġġa tar-ritmu tagħha. Intom kor li jiġbor fih firxa wiesgħa ta’ nazzjonijiet, ilsna u riti; diversità li l-Ispirtu s-Santu jħobb u jrid dejjem iżjed iqiegħed f’armonija, biex jagħmel minnha sinfonija. Din il-polifonija ferrieħa tal-fidi hi xhieda li tagħtu quddiem kulħadd u li lill-Knisja tibniha. Ħadt pjaċir nisma’ lil Mons. Hinder jgħid li mhux biss hu jħossu r-Ragħaj tagħkom, imma li intom, bl-eżempju tagħkom, spiss intom ragħajja għalih. Grazzi ta’ dan!

 

Li ngħixu henjin u nimxu fit-triq ta’ Ġesù xorta ma jfissirx li nkunu dejjem allegri. Min hu mġarrab, min qed ibati minħabba fl-inġustizzji, min jitħabat biex ikun bennej tal-paċi, jaf xi tkun it-tbatija. Żgur li għalikom mhux faċli tgħixu bogħod mid-dar u forsi, barra n-nuqqas tal-imħabba tal-iżjed għeżież tagħkom, tħossu wkoll l-inċertezza tal-futur. Imma l-Mulej hu fidil u ma jitlaq qatt lil dawk li huma tiegħu. Hemm episodju mill-ħajja ta’ Sant’Anton Abbati, il-fundatur kbir tal-monakiżmu fid-deżert, li jista’ jgħinna. Kien ħalla kollox biex ifittex lill-Mulej u kien fid-deżert. Hemm, għal ħafna żmien kien mixħut f’taqbida spiritwali kbira li ma kinitx tħallih kwiet, imġarrab mid-dubji jew id-dlam, u anki mit-tentazzjoni li jċedi għan-nostalġija u joqgħod jibki l-ħajja ta’ qabel. Imbagħad, wara ħafna turmenti, il-Mulej niżel ifarrġu u Sant’Anton staqsieh: “Fejn kont? Għax ma dhertx qabel biex teħlisni mit-tbatijiet? Fejn kont?”. U hawn fehem ċar x’kienet it-tweġiba ta’ Ġesù: “Jien hawn kont, Antonju” (San Atanasju, Vita Antonii, 10). Il-Mulej jinsab fil-qrib. Jista’ jiġrilna, quddiem prova jew perjodu diffiċli ta’ ħajjitna, li naħsbu li aħna waħidna, anki wara tant żmien li nkunu qattajna mal-Mulej. Imma f’dawk il-mumenti, anki jekk ma jintervenix minnufih, hu jkun miexi magħna u, jekk nibqgħu mexjin ’il quddiem, jiftħilna triq ġdida quddiemna. Għax il-Mulej hu speċjalista tal-ħwejjeġ ġodda, jaf jiftaħ toroq imqar fid-deżert (ara Iż 43:19).

 

Għeżież ħuti, nixtieq ngħidilkom ukoll li l-ħajja tal-Beatitudnijiet ma titlobx minna xi ġesti ta’ barra minn hawn. Inħarsu lejn Ġesù: ma ħallielna xejn bil-miktub, ma bena xejn imponenti. U meta qalilna kif għandna ngħixu ma talabniex intellgħu opri kbar jew nintgħarfu billi nagħmlu xi ġesti straordinarji. Talabna biss inwettqu opra waħda tal-arti, li hi possibbli għal kulħadd: dik tal-ħajja tagħna. Il-Beatitudnijiet għalhekk huma mappa tal-ħajja: ma jitolbuniex azzjonijiet ogħla minna, imma li nixbhu lil Ġesù fil-ħajja ta’ kuljum. Jistednuna nżommu qalbna safja, inħaddmu l-ħlewwa, l-umiltà u l-ġustizzja minkejja kollox, u nkunu ħanina ma’ kulħadd, ngħixu t-tiġrib f’għaqda ma’ Alla. Hi l-qdusija tal-ħajja ta’ kuljum, li m’għandhiex bżonn ta’ mirakli jew ta’ sinjali straordinarji. Il-Beatitudnijiet mhumiex għas-supermen, imma għal min jaffronta l-isfidi u l-provi ta’ kuljum. Min jgħixhom fl-ispirtu ta’ Ġesù jkun qed jagħmel mid-dinja post aħjar. Bħal siġra li, anki f’art niexfa, ta’ kuljum tixrob l-arja mniġġsa u minflok tagħtina l-ossiġnu. Nawguralkom li tkunu hekk, bl-għeruq tagħkom imniżżla sew fi Kristu, f’Ġesù, u lesti li tagħmlu l-ġid lil kull min jinsab qrib tagħkom. Ħa jkunu l-komunitajiet tagħkom oasi ta’ paċi.

 

Fl-aħħar nett, nixtieq nieqaf fil-qosor fuq żewġ Beatitudnijiet. L-ewwel waħda: “Henjin ta’ qalbhom ħelwa” (Mt 5:5). Mhuwiex hieni min jaggredixxi jew jgħaffeġ lill-oħrajn, imma min iġib ruħu bħal Ġesù li salvana: qalbu ħelwa mqar quddiem dawk li kienu qed jixluh. Nieħu pjaċir nikkwota lil San Franġisk, meta lill-patrijiet tahom istruzzjonijiet fuq kif għandhom imorru għand is-Saraċini u dawk li mhumiex Insara. Kiteb: “Ma jidħlux f’diskussjonijiet u tilwim imma joqogħdu għal kull ħliqa umana għall-imħabba ta’ Alla; u jagħrfu li huma Nsara” (Regola non bollata, XVI). Diskussjonijiet u tilwim – u dan jgħodd ukoll għall-qassisin – la diskussjonijiet u lanqas tilwim: f’dak iż-żmien, meta ħafna kienu qed jitilqu għall-gwerra b’armaturi tqal fuqhom, San Franġisk fakkar li n-Nisrani għandu jitlaq armat biss bil-fidi umli u bl-imħabba konkreta tiegħu. Kemm hi importanti din il-qalb ħelwa: jekk ngħixu fid-dinja bil-mod ta’ Alla, insiru kanali tal-preżenza tiegħu; jekk le, ma nagħmlux frott.

 

It-tieni Beatitudni: “Henjin dawk li jġibu l-paċi” (v. 9). In-Nisrani jħabrek għall-paċi, ibda mill-komunità li fiha jgħix. Fil-ktieb tal-Apokalissi, fost il-komunitajiet li fuqhom Ġesù nnifsu jdur, hemm waħda, dik ta’ Filadelfja, li naħseb li tixbahkom. Hi Knisja li lilha l-Mulej, b’differenza minn kważi l-oħrajn kollha, ma jċanfarha f’xejn. Fil-fatt, hi ħarset il-kelma ta’ Ġesù, bla ma ċaħdet ismu, u żammet sħiħ, jiġifieri baqgħet miexja, imqar qalb is-saram. U hemm aspett importanti: l-isem Filadelfja jfisser imħabba bejn l-aħwa. L-imħabba fraterna. Araw, Knisja li tippersevera fil-kelma ta’ Ġesù u fl-imħabba tal-aħwa hi mogħġuba mill-Mulej u tagħmel il-frott. Nitlob għalikom il-grazzja li tħarsu l-paċi, l-għaqda, li tieħdu ħsieb ta’ xulxin, b’dik il-fraternità sabiħa li għaliha ma hemmx Insara tal-prima klassi u oħrajn tas-sekonda klassi.

 

Ġesù, li qed isejħilkom hienja, jagħtikom il-grazzja li timxu dejjem ’il quddiem mingħajr ma taqtgħu qalbkom, u tikbru fl-imħabba “għal xulxin u lejn kulħadd” (1 Tess 3:12).

 


 

TISLIMA FI TMIEM IL-QUDDIESA

 

Qabel nagħlqu din iċ-ċelebrazzjoni, li mlietni b’ħafna ferħ, nixtieq insellem minn qalbi lilkom ilkoll li ħadtu sehem: fidili Kaldej, Kopti, Griegi-Kattoliċi, Griegi-Melkiti, Latini, Maroniti, Siro-Kattoliċi, Siro-Malabareżi, Siro-Malankareżi.

 

Nirringrazzja minn qalbi lil Mons. Hinder għat-tħejjija ta’ din iż-żjara u għall-ħidma pastorali kollha tiegħu. “Grazzi” minn qalbi lill-Patrijarki, lill-Arċisqfijiet Maġġuri u lill-Isqfijiet l-oħra preżenti, lis-saċerdoti, lill-persuni kkonsagrati u lill-ħafna lajċi impenjati b’ġenerożità u spirtu ta’ qadi fil-komunitajiet u mal-iktar foqra.

 

Insellem u nirringrazzja “eyal Zayid fi dar Zayid / ulied Zayid fid-dar ta’ Zayid”.

 

Ommna Marija Santissma tħariskom fl-imħabba għall-Knisja u fix-xhieda hienja tal-Vanġelu. Nitlobkom, tinsewx titolbu għalija.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard