LAQGĦA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
MAL-ISTUDENTU TAL-LIĊEO “VISCONTI” TA’ RUMA
FL-OKKAŻJONI TAS-SENA TAL-ĠUBLEW ALOJSJAN

Sala Pawlu VI
Is-Sibt, 13 ta’ April, 2019

 

Għeżież żagħażagħ u mhux żgħażagħ, il-jum it-tajjeb lil kulħadd!

Inħossni hieni nilqgħakom flimkien mal-għalliema tagħkom, mal-familji tagħkom u tant ħbieb li jagħtu sehemhom fl-inizjattivi ta’ solidarjetà li bihom il-mixja edukattiva tagħkom issir sħiħa.  Insellmilkom minn qalbi u rrodd ħajr lis-Sinjura Kap tal-Iskola għall-kliem li ndirizzatli:  la żammet lura fil-kliem u l-anqas fl-immaġni, b’deskrizzjoni reali, konkreta tas-sitwazzjoni tad-dinja tal-lum u tal-atteġġajmenti li aħna għandna nieħdu.  Grazzi Sinjura Kap tal-Iskola, kompli hekk: bla ma tomgħod il-kliem!  Ibqa’ miexja!

Intom komunità skolastika li tfittex li, permezz tat-tagħlim, tgħaqqad flimkien il-formazzjoni globali taċ-ċittadin ma’ dik nisranija.  U jekk intom tibqgħu mexjin f’dit-triq fl-istituzzjoni tagħkom, fil-Liċeo tagħkom, ma jkunx minnu dak li, sfortunatament hu minnu f’inħawi oħra: li l-patt edukattiv tkisser.  Qed nara li l-patt edukattiv bejn edukaturi, familji, intom żgħażagħ, volontarji, huwa magħqud u dan iseddaq Tul il-mixja tal-istorja, (din l-iskola), fost l-istudenti tagħha – kif qalet il-Kap - kien hemm Eugenio Pacelli, li aktar ‘il quddiem kien inħatar Papa Piju XII u Franco Modigliani, li aktar ‘il quddiem kien ingħata l-Premju Nobel għall-ekonomija. L-istorja edukattiva ta’ dan il-Kulleġġ ċelebri Ruman tkompli permezz tal-istitut skolastiku tagħkom, li jinsab fil-bini li kien ried San Injazju ta’ Loyola u kien inawgurat mill-Papa Girgor XIII fl-1583.  Minn dak il-Kulleġġ ħarġu persunaġġi importanti li taw kontribut lejn il-progress tax-xjenza u t-tkabbir tas-soċjetà, għax iffaċilitaw id-djalogu bejn il-fidi u r-raġuni.  Il-valuri tal-Evanġelju, li taw ħajja lill-kutura ta’ ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ Taljani, jalla llum ukoll idawlu l-kuxjenzi, lill-familji, lill-komunitajiet, sabiex f’kull qasam il-ħidma tkun dejjem tirrispetta l-valuri morali u tkun għall-ġid tal-bniedem.

F’dawk il-klassijiet, li llum huma tagħkom, għallmu xjenzjati kbar bħalma kienu l-patrijiet Clavio, Kircher u Secchi, u tħejjew biex imorru l-missjonijiet tant żgħażagħ li mbagad ħallew timbru fl-istorja tal-Knisja moderna.  Qed naħseb partikolarment f’Matteo Ricci, li kien fost l-ewwel li waqqaf pont ta’ ħbiberija bejn iċ-Ċina u l-Punent, billi qiegħed fis-seħħ il-mudell, li għadu jgħodd illum ukoll, tal-inkulutrazzjoni tal-messaġġ njisrani fid-dinja Ċiniża.  Hu dmir tagħkom li taqbdu f’idejkom dil-fjakkola u tmexxu ‘l quddiem, fil-kuntest storiku u soċjali mibdul, dil-ħerqa għall-għerf u għall-kultura li kienet karatteristika ta’ min ġie qabilkom.  Semmejt il-ħerqa.  Sfortunatament, bosta drabi, quddiem il-kultura, quddiem ix-xjenza qed naraw l-indifferenza.  Le: ħerqa, passjoni.

L-iskola fiha nfisha hi ġid għal kulħadd u għandha tibqa’ tkun forġa li fiha tinħema edukazzjoni għall-inklużjoni, għar-rispett lejn id-diversità u għall-kollaborazzjoni.  Inklużjoni, rispett lejn id-diversitajiet biex ikun hemm il-kollaborazzjoni.  Id-djalogu bejn il-kulturi differenti, bejn il-persuni diversi, jgħani lill-pajjiż, jgħani lill-patrija u jgħinna nimxu ‘l quddiem bir-rispett reċiproku, jgħinna nimxu ‘l quddiem inħarsu l-art għal kulħadd, mhux biss għal xi ftit.  Hija laboratorju li jantiċipa dak li fil-ġejjieni suppost għandha tkun il-kollettività.  U f’dan għandha rwol importanti l-esperjenza reliġjuża, li fiha jinġabar dak kollu li hu atwtentikament uman.  Il-Knisja hi impenjata, fir-radda mfassla mill-Konċilju Vatikan II, biex tmexxi ‘l quddiem il-valur universali tal-fraternità li jinbena fuq il-libertà, fuq it-tfittxija onesta tal-verità, fuq il-promozzjoni tal-ġustizzja u tas-solidarjetà, speċjalment rigward il-persuna l-aktar dgħajfa.  Fejn m’hemmx libertà m’hemmx edukazzjoni, m’hemmx futur.  Meta m’hemmx tfittxija onesta tal-verità, imma hemm verità imposta, li tneħħilek il-ħila li tfittex il-verità, m’hemmx futur: ixxejnek bħala persuna.  U meta l-ġustizzja mhix imħarsa, nispiċċaw biex inkunu ngħixu f’pajjiż beżżiegħ, egoista, li jaħdem biss għall-ftit.  Mingħajr l-attenzjoni u r-riċerka ta’ dawn il-valuri ma jistax ikun hemm vera konvivenza paċifika.  Meta hemm l-inġustizzja tibda terfa’ rasha l-mibgħeda, il-konfront, u nispiċċaw..... ilkoll nafu kif tispiċċa l-istorja.  B’sodisfazzjon kelli konferma minn kliem il-Kap tal-iskola tagħkom, li flimkien mal-kultura klassika, dawn il-valuri jingħataw attenzjoni xierqa b’diversi metodi. Ibqgħu mexjin bil-kuraġġ f’dit-triq!  Mhux faċli, imma hija t-triq waħdanija bil-ħila li tagħti l-frott, li tagħti frott kbir, għal kull wieħed u waħda minnkom u għall-patrija.

Fl-istess bini tal-iskola tagħkom hemm il-knisja monumentali ta’ San Injazju, li fiha hemm il-fdalijiet ta’ San Luiġi Gonzaga, li tul din is-sena qed ikun iċċelebrat il-Ġublew tal-450 sena minn twelidu. Bħala student hu kien jattendi l-istess ambjenti li tinsabu fihom intom.  San Luiġi hu patrun taż-żgħożija; għaldaqstant nixtieq nitkellem dwar xi temi li nislet mill-istorja ta’ dal-qaddis kbir u li jidhirli li huma attwali ħafna.

Qabel kollox nixtieq infakkar li Luiġi Gonzaga kellu ħila jagħmel għażliet importanti għal ħajtu, bla ma ħalla li jitkaxkar minn (aspirazzjonijiet) ta’ karriea jew mill-alla flus.  Hemm ħtieġa kbira li ż-żgħażagħ jagħrfu jaġixxu hekk, iqegħedu l-ġid komuni qabel l-interessi personali!  Biex dan jirnexxi hemm bżonn li permezz tal-istudju, tar-riċerka, tad-djalogu edukattiv, tat-talb u s-smigħ tal-kuxjenza bniedem iħarreġ l-intimu tiegħu.  Jien ngħid lilkom, hawn, żgħażagħ, studenti ta’ dan l-istitut: tgħallimtu tisimgħu l-kuxjenza tagħkom?  Tafu x’qed jiġri ġewwa fikom?  Tgħallimtuha din l-introspezzjoni sana – mhux l-introspezzjoni marida tan-nevrotiċi – l-introspezzjoni sana: x’jgħaddi minn ġo fija, x’qed jiġri ġewwa fija?  Dan imur lil hinn mix-xjenza, hu dehen, mhux biex issir pinnur li jdur min-naħa għal oħra.  Aħsbu sewwa f’dan.  U jkun sabih ukoll li bejnietkom, fi gruppi, flimkien mad-diriġenti tal-istitut tagħkom tagħmlu riflessjoni profonda dwar x’inhi l-kuxjenza, x’jiġri fil-kuxjenza, kif inkun nista’ ninduna b’dak li jkun qed jiġrili, kif fil-kuxjenza jikbru atteġġjamenti tajbin u atteġġjamenti mhux tajbin...  Agħmluha din l-esperjenza: tkun tiswielkom ħafna.  U dan jassumi fih ir-responsabbiltà li wieħed ifittex waqtiet ta’ silenzju.  Tibżgħux mis-silenzju, li tkunu waħedkom – mhux dejjem, le, għax dan ma jkunx sew – imma li ssibu ftit ħin għalikom waħedkom, tagħmlu ftit spazju għas-silenzju.  Tibżgħux mis-silenzju, li tiktbu d-djarju tagħkom, per eżempju, fil-waqtiet tas-silenzju.  Tibżgħux mill-iskomdu u min-nixfa li jista’ jġib miegħu s-silenzju.  “Ah, jiena le, is-silenzju jdejjaqni!”.  Għall-bidu jista’ jkun, imma mbagħad, ftit, ftit meta tibda tidħol fik innifsek, fis-silenzju, ma jibqax idejqek.  Inħelsu mid-dipendenza fuq il-mowbajl, jekk jogħġobkom!  Intom żgur smajtu dwar id-dramm tad-dipendenzi.  “U żgur, Padre”.  Dipendenza fuq l-istorbju: jekk ma jkunx hemm storbju m’inix f’tiegħi.....; u ħafna dipendenzi oħra.  Imma dan il-mowbajl hu fin ħafna, ħafna, ħafna.  Il-mowbajl hu għajnuna kbira, hu progress kbir; għandu jkun użat, sabih li kulħadd ikun jaf jużah.  Imma meta int issir ilsir tal-mowbajl, titlef il-libertà tiegħek.  Il-mowbajl qiegħed hemm biex nikkomunikaw, għall-komunikazzjoni; kemm hu sabih meta nikkomunikaw ma’ xulxin.  Imma attenti, hemm il-periklu illi meta l-mowbajl ikun droga, il-komunikazzjoni ssir biss “kuntatti”.  Imma l-ħajja mhix hemm biex “nikkuntatjaw lil xulxin” iżda biex nikkomunikaw ma’ xulxin!  Niftakru dak li kien kiteb Santu Wistin: “in interiore homine habitat veritas” (De vera rel., 39, 72).  Il-verità tgħammar fl-intimità tal-persuna.  Hemm bżonn infittxuha.  Jgħodd għal kulħadd, għal min jemmen u għal min ma jemminx.  Ilkoll kemm aħna għandna l-initmità tagħna.  Hu biss fis-silenzju interjuri li nistgħu nisimgħu leħen il-kuxjenza u ngħarfu lilha minn fost l-ilħna tal-egoiżmu u l-edoniżmu, li huma ilħna differenti.

Magħrufa l-ħila li jħobb b’qalb safja u ħielsa li kellu San Luiġi.  Huwa biss min iħobb li jasal jagħraf lil Alla.  Fil-ħajja affettiva hemm żewġ dimensjonijiet essenzjali: il-pudur u l-fedeltà.  Tħobb bil-pudur, mhux sfaċċatament.  U tibqa’ fidil fl-imħabba.  L-imħabba mhix logħba: l-imħabba hi l-isbaħ rigal li tana Alla, il-ħila li nħobbu.  “Alla huwa mħabba”, tgħidilna l-Bibbja, u Alla taha lilna dil-ħila.  Tħammġuhiex bl-isfaċċataġni, bin-nuqqas ta’ pudur u bl-infedeltà.  Inħobbu b’mod nadif, imma nħobbu ħafna!  Inħobbu b’qalb miftuha kuljum: dak id-dehen li tiftaħ qalbek, li ma ċċekkinhiex, twebbisha bħall-ġebel.  Inwessuha.  U Alla lill-poplu tiegħu kien jgħidlu, bħala wegħda kbira, li kien se jneħħilu l-qalb tal-ġebel biex minflokha jqiegħed qalb tal-laħam,  Niftħu l-qalb tal-laħam: din hi l-imħabba.  Bil-fedeltà u bil-pudur.  Is-sens ta’ pudur jeħodna lura lejn il-kuxjenza għassa biex tiddefendi d-dinjità tal-persuna u tal-imħabba awtentika, propju sabiex ma nibbanaliżżawx il-lingwaġġ tal-ġisem.  Imbagħad, il-fedeltà, flimkien mar-rispett tal-ieħor, hi dimensjoni essenzjali ta’ kull relazzjoni ta’ mħabba vera, għax ma nistgħux noqgħodu nilgħabu bis-sentimenti.  Iżda l-imħabba mhix biss espressjoni tar-rabta affettiva bejn il-koppja jew ta’ ħbiberija intima, sabiha u fraterna.  Għamla konkreta tal-imħabba tiġi wkoll mill-impenn solidali lejn il-poroxxmu, speċjalment l-aktar foqra.  L-imħabba lejn il-proxxmu titmantna bil-fantasija u tmur aktar ‘l hinn: nivvintaw modi kif ngħinu, biex nimxu ‘l quddiem….  Il-fantasija tal-imħabba.  Tibżgħux minnu dan.  L-imħabba tmur aktar ‘l hinn, lil hinn mill-ħitan, lil hinn mid-differenzi, lil hinn mill-ostakli.  F’dan ukoll San Luiġi huwa mudell, għax miet ikkunsmat fil-qadi tal-morda bil-pesta, jiġifieri persuni li kienu fil-ġenb tas-soċjetà u skartati minn kulħadd.  L-imħabba ħaditu aktar ‘l hinn, aktar il-bogħod……  Il-fantasija tal-imħabba.  Tinsewhiex dil-kelma: il-fantasija tal-imħabba.  L-imħabba hi kreattiva u tmur dejjem aktar ‘il bogħod.

Inħossni hieni nara li hawnhekk, illum, hawn il-ħbieb ukoll, li bħala komunità skolastika intom tilqgħuhom u ttuhom servizz bil-”foodbank” popolari ta’ nhar ta’ Sibt.  L-impenn fil-volontarjat ta’ tant minnkom hu sinjal ta’ tama.  Il-volontarjat hu ħaġa mill-isbaħ u mill-aktar qawwija li għandha l-Italja: jekk jogħġobkom, ħarsuh tajjeb.  Ikbru fil-volontarjat.  Tħallu lil ħadd jegħlibkom fil-ġenerożità: il-volontarjat dejjem imur aktar ‘l hinn, bil-ġenerożità, ma jħalli lil ħadd jgħelbu!  L-istess relazzjonijiet familjari, soċjali, tal-ħajja tal-koppja jistgħanu meta tkun preżenti d-dimensjoni tas-servizx bil-gratwità.  Rigward dan bi pjaċir nikkowta lil Mons. Tonino Bello, bniedem eżemplari tal-Knisja u xhud tal-karità.  Hu kien iħobb itenni: “Min ma jgħixx biex iservi, ma jiswa xejn fi-ħajja”.

Għeżież żgħażagħ, qatt tieqfu toħolmu kbir – din hi xi ħaġa sabiha taż-żgħażagħ: joħolmu kbir – u jixtiequ dinja aħjar għal kulħadd.  Tikkuntentawx bil-medjokrità fir-relazzjonijiet ta’ bejnietkom, fil-kura tal-intimu tagħkom, fil-proġetti għall-ġejjieni tagħkom, fl-impenn għal dinja aktar ġusta u aktar sabiha.  Għada, Ħadd il-Palm, tibda l-Ġimgħa Mqaddsa li tilħaq il-quċċata tagħha f’jum l-Għid meta niċċelebraw il-qawmien ta’ Kristu, pedament tat-tama nisranija.  Nagħtikom ilkoll l-isbaħ xewqat għall-festi qaddisa tal-Għid.  L-Għid hu żmien it-tiġdid tal-wegħdiet tal-Magħmudija, huwa wkoll żmien it-tiġdid tar-ruħ: hu żmien li jwarrad!  Nistedinkom tagħmlu dan b’konvinzjoni u bil-fiduċja fl-imħabba tal-Mulej.  Huwa Hu li jtikom u għad itikom dejjem il-qawwa u l-kuraġġ fid-diffikultajiet li tiltaqgħu magħhom fil-mixja tagħkom.

Imbagħad irrid inżid xi ħaġa li waqgħetli f’moħħi jien u nisma’ lill-Kap tal-Iskola.  Fl-istitut tagħkom, m’għandux ikun hemm gwerer u aggressjoni.  Nitnikket ħafna meta f’xi skola ninnota li jkun hemm il-bullying.  Tqabdu kontra din l-aggressività li hi verament żerriegħa tal-gwerra, tqabdu.  Jalla jkun hemm il-paċi, mingħajr aggressjoni lejn ħadd, mingħajr bullying.  Xejn bullying fl-istitut tagħkom!

Irroddilkom ħajr għal dil-laqgħa.  Imbierek lil kull min hawn preżenti, inbierek lil ħbiebkom u lill-persuni għeżież għalikom.  U nitlobkom biex jekk jogħġobkom titolbu għalija.  Grazzi u l-Għid it-tajjeb!

U issa nagħti l-barka lilkom ilkoll, lill-ħbiebkom kollha, lill-persuni kollha li jistudjaw, jaħdmu fid-diversi livelli tal-istitut tagħkom, lill-familji.

(Barka)

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber