Għeżież ħuti,

 

Merħba!  Irrodd ħajr lil Don Angelo għad-diskors tiegħu.  Lilu u lill-Kunsill Ġenerali l-ġdid nawguralhom li jagħrfu jkunu qaddejja li jiggwidaw, jakkumpanjaw u jsieħbu l-Kongregazzjoni Salesjana fil-mixja tagħha.  L-Ispirtu s-Santu jgħinkom tagħrfu liema huma x-xewqat u l-isfidi ta’ żmienna, speċjalment taż-żgħażagħ, u tinterpretawhom fid-dawl tal-Vanġelu u tal-kariżma tagħkom.

 

Nistħajjel li tul il-Kapitlu – bit-tema “Xhieda tar-radikalità tal-Vanġelu” – kellkom dejjem quddiem għajnejkom lil Don Bosco u liż-żgħażagħ; u Don Bosco bil-motto tiegħu: “Da mihi animas, cetera tolle”.  Hu jsaħħaħ dan il-programm tiegħu b’żewġ elementi oħra: xogħol u temperanza.  Niftakar li fil-kulleġġ ma kienx permess irqad wara nofs in-nhar!…  Temperanza!  Lis-Salesjani u lilna!  “Hu bix-xogħol u t-temperanza – kien iħobb jgħid – li għad twarrad il-Kongregazzjoni”.  Meta nfittxu naħdmu għall-ġid ta’ l-erwieħ, nirbħuha t-tentazzjoni tal-mondanità spiritwali, ma nfittxux ħwejjeġ oħra, imma biss lil Alla u s-Saltna tiegħu.  It-temperanza min-naħa l-oħra hi s-sens ta’ qies, li nikkuntentaw ruħna, li nkunu sempliċi.  Il-faqar ta’ Don Bosco u ta’ Mamma Margherita jnebbaħ lil kull Salesjan u lil kull komunità tagħkom għal ħajja li tgħaddi b’dak li hu essenzjali u tkun awstera, qrib tal-foqra, trasparenti u responsabbli fit-tqassim tal-ġid.

 

1. L-evanġelizzazzjoni taż-żgħażagħ hi l-missjoni li l-Ispirtu s-Santu fdalkom fi ħdan il-Knisja.  Hi strettament marbuta ma’ l-edukazzjoni tagħhom: il-mixja tal-fidi titlaqqam f’dik tal-maturità personali, u l-Vanġelu anki lill-maturazzjoni umana jagħni.  Jeħtieġ inħejju liż-żgħażagħ għall-ħajja tax-xogħol fis-soċjetà skond l-ispirtu tal-Vanġelu, bħala ħaddiema ta’ ġustizzja u ta’ paċi, u biex jgħixu bħala protagonisti fil-Knisja.   Hu għalhekk li intom tinqedew bl-approfondimenti u l-aġġornamenti pedagoġiċi u kulturali meħtieġa biex tistgħu twieġbu għall-ħtieġa edukattiva ta’ żmienna.  L-esperjenza ta’ Don Bosco u s-“sistema preventiva” tiegħu jweżnukom dejjem fl-impenn tagħkom biex tgħixu spalla ma’ spalla maż-żgħażagħ.  Il-preżenza tagħkom f’nofshom tingħaraf minn dik il-ħlewwa li Don Bosco kien iħobb isejħilha “amorevolezza”, li tfittex lingwaġġi ġodda, imma taf tajjeb li dak tal-qalb hu lingwaġġ fundamentali biex tistgħu tkunu qrib tagħhom u ssiru ħbiebhom.

 

Fundamentalment hawn tinsab id-dimensjoni vokazzjonali.  Xi kultant il-vokazzjoni għall-ħajja kkonsagrata nitfixkluha ma’ għażla ta’ volontarjat, u din il-viżjoni mgħawġa ma tagħmilx ġid lill-Istituti.  Is-sena li ġejja 2015, iddedikata għall-ħajja kkonsagrata, għandha tkun okkażjoni tajba biex nistgħu nippreżentaw il-ġmiel tagħha liż-żgħażagħ.  Jeħtieġ dejjem nevitaw viżjonijiet parzjali, biex ma jkollniex tweġibiet vokazzjonali dgħajfa u mqanqla minn motivazzjonijiet żbaljati.  Il-vokazzjonijiet appostoliċi normalment huma frott ta’ pastorali tajba maż-żgħażagħ.  Biex nieħdu ħsieb tal-vokazzjonijiet hemm bżonn ta’ attenzjoni speċifika: fuq kollox it-talb, imbagħad attivitajiet partikulari, mixjiet personalizzati, il-kuraġġ tal-proposta, l-akkumpanjament, u li ninvolvu ruħna mal-familji.  Il-ġografija vokazzjonali nbidlet u qed tkompli tinbidel, u dan ifisser li għandna ħtiġijiet ġodda ta’ formazzjoni, akkumpanjament u dixxerniment.

 

2. Intom u taħdmu maż-żgħażagħ, intom qed tiltaqgħu ma’ l-esklużjoni fost iż-żgħażagħ.  U din hi ħaġa tremenda!  Il-lum, hi ħaġa tremenda taħseb li nsibu iżjed minn 75 miljun żagħżugħ u żagħżugħa bla xogħol, hawn, fil-Punent.  Naħsbu fir-realtà wiesgħa ta’ qgħad, b’tant konsegwenzi negattivi li dan iġib miegħu.  Naħsbu fid-dipendenzi, li sfortunatament huma ħafna, imma ġejjin kollha mill-għerq komuni tan-nuqqas ta’ mħabba vera.  Biex nistgħu noħorġu niltaqgħu maż-żgħażagħ emarġinati għandna bżonn tal-kuraġġ, il-maturità u ħafna talb.  U għal dan ix-xogħol jeħtieġ nibagħtu l-aħjar nies li għandna!  L-aħjar!  Jista’ jkun hemm ir-riskju li nħallu l-entużjażmu jiġri bina, u nibagħtu fuq quddiem persuni ta’ rieda tajba, imma li ma jkunux adattati.  Għalhekk hu meħtieġ dixxerniment attent u akkumpanjament il-ħin kollu.  Il-kriterju hu dan: hemmhekk nibagħtu l-aħjar.  “Għandi bżonn ta’ dan biex nagħmlu superjur hawn, jew biex jistudja t-teoloġija…”.  Imma jekk int għandek dik il-missjoni, ibagħtu hemm!  L-aħjar!

 

3. Għall-grazzja ta’ Alla intom ma tgħixux u lanqas taħdmu bħala individwi iżolati, imma bħala komunità: u rringrazzjawh lil Alla ta’ dan!  Il-komunità twieżen l-appostolat kollu.  Kultant il-komunitajiet reliġjużi jgħaddu minn tensjoni, bir-riskju ta’ l-individwaliżmu u li l-membri tagħhom jixterdu, waqt li fil-fatt hemm bżonn ta’ komunikazzjoni qawwija u ta’ relazzjonijiet awtentiċi.  Meta l-komunità tgħix il-fraternità, fejn wieħed jilqa’ lill-ieħor u hemm rispett, għajnuna reċiproka, komprensjoni, ħlewwa ma’ xulxin, maħfra u ferħ, din tkun tixhed għall-qawwa umanizzanti tal-Vanġelu.  L-ispirtu ta’ familja li ħallielkom Don Bosco jgħin ħafna f’dan is-sens, jiffavorixxi l-perseveranza u jagħmel il-ħajja kkonsagrata xi ħaġa attraenti.

 

Għeżież ħuti, it-tieni ċentinarju mit-twelid ta’ Don Bosco issa jinsab fuq l-għatba.  Sa jkun mument tajjeb biex tipproponu mill-ġdid il-kariżma tal-Fundatur tagħkom.  Marija Awżiljatriċi qatt ma naqset milli tgħin lill-Kongregazzjoni tul il-mixja tagħha, u żgur li lanqas fil-futur m’hi ħa tonqos.  Il-ħarsien tagħha ta’ Omm jaqlgħalkom minn għand Alla l-frott li tittamaw u tistennew.  Inberikkom u nitlob għalikom, u, jekk jogħġobkom, anki intom itolbu għalija!  Grazzi!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard