Għeżież Saċerdoti,

Nirringrazzjakom tal-merħba tagħkom!  Xtaqt ħafna li jkolli din il-laqgħa magħkom, li jġorru kuljum il-piż tal-ħidma tal-parroċċa.

Nixtieq qabel xejn naqsam magħkom il-ferħ li nkunu qassisin; is-sorpriża dejjem ġdida li tkun imsejjaħ, anzi li tkun imsejjaħ mill-Mulej Ġesù; imsejjaħ biex timxi warajh, biex tkun miegħu, biex tmur għand l-oħrajn u toħdilhom Lilu, il-kelma tiegħu, il-maħfra tiegħu … Għall-bniedem, ma hemm xejn isbaħ minn dan. Mhux tassew?  Meta aħna l-qassisin inkunu qegħdin quddiem it-tabernaklu, u nieqfu hemm għal ftit fis-skiet, allura nħossu mill-ġdid il-ħarsa ta’ Ġesù fuqna, u din il-ħarsa iġġeddidna u terġa’ tagħtina l-ħajja.

M’hemmx dubju li kultant ma jkunx faċli li tibqa’ quddiem il-Mulej; mhux faċli għax aħna maqbudin minn tant ħwejjeġ, minn tant persuni …; imma minn xi drabi ma jkunx faċli għaliex ma nħossuniex komdi, il-ħarsa ta’ Ġesù tinkwetana xi ftit, anke ddaħħalna fi kriżi … Imma dan jagħmlilna tajjeb!  Fis-skiet tat-talb, Ġesù jurina jekk inkunux qed naħdmu bħala ħaddiema tajba, jew forsi jekk inkunux qed insiru xi ftit “impjegati”; jekk inkunux kanali miftuħa u ġenerużi, li minnhom joħorġu f’abbundanza, l-imħabba tiegħu u l-grazzja tiegħu, jew jekk inkunu qed inpoġġu lilna nfusna fiċ-ċentru.  U hekk minflok inkunu kanali insiru bħal paraventu, u hekk ma nkunux ta’ għajnuna għal-laqgħa mal-Mulej, mad-dawl u l-qawwa tal-Vanġelu.

U t-tieni kelma li xtaqt naqsam magħkom hija dwar il-ġmiel tal-fraternità: li nkunu qassisin flimkien, li nimxu wara l-Mulej mhux waħedna, mhux wieħed wieħed, imma flimkien, anke fil-varjetà kbira tad-doni u tal-personalitajiet; anzi huwa propju dan li jagħmel il-presbiterju aktar għani, din il-varjetà ta’ oriġini, ta’ etajiet, ta’ talenti … Ngħixu kollox fil-komunjoni u fil-fraternità.

Anke dan mhux faċli, ma jiġix f’daqqa u lanqas huwa ovvju.  Qabel xejn għaliex anke aħna l-qassisin ninsabu mgħazzin f’din il-kultura suġġettiva tal-lum, din il-kultura li tgħolli il-jiena b’mod li tagħmlu oġġett ta’ idolatrija.  Imbagħad ukoll minħabba ċertu individwaliżmu pastorali li sfortunatment huwa mxerred fid-djoċesijiet tagħna.  Għalhekk irridu nirreaġixxu għal dan billi nagħmlu għażla għall-fraternità.  Qiegħed ngħid “għażla” apposta.  Ma tistgħax tkun xi ħaġa mitluqa għal riħha, għaċ-ċirkustanzi favorevoli … Hija għażla, li tikkorrispondi għar-realtà li aħna fiha;  għad-don li rċevejna, imma li jrid ikun dejjem milqugħ u mħares; l-għaqda ma’ Kristu fil-presbiterju, u madwar l-Isqof. Din l-għaqda trid tkun mgħixa b’tiftix ta’ forom konkreti li huma tajba għaż-żminijiet u għar-realtà tat-territorju, imma dejjem fi prospettiva appostolika, b’mod missjunarju, bil-fraternità u sempliċità ta’ ħajja.  Meta Ġesù jgħid, “Minn dan jagħrfu li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom imħabba lejn xulxin” [Ġw 13:35], żgur qed jgħidu għal kulħadd, imma qabel kollox qed jgħidu għat-Tnax, għal dawk imsejjħa biex jimxu warajh aktar mill-qrib.  Il-ferħ li nkunu qassisin ġej mill-ġmiel tal-fraternità.

 Dawn huma ż-żewġ ħwejjeġ li ħassejt li huma l-aktar importanti meta ħsibt fikom. L-aħħar ħaġa, kemm insemmiha biss: nagħmlilkom kuraġġ fix-xogħol tagħkom mal-familiji u għall-familja. Huwa xogħol li l-Mulej qed jitlobna li nagħmluh b’mod partikolari f’dan iż-żmien, li huwa żmien diffiċli kemm għall-familja bħala istituzzjoni u kemm għall-familji minħabba f’xi kriżi.  Imma propju meta nkunu fi żmien diffiċli, Alla jgħinna nħossu kemm Huwa qrib tagħna, inħossu l-grazzja tiegħu, inħossu l-qawwa profetika tal-Kelma tiegħu.  U aħna msejħin biex inkunu xhieda u medjaturi ta’ din il-viċinanza tiegħu għall-familji u ta’ din il-qawwa profetika għall-familja.

 Għeżież ħuti, inroddilkom ħajr. Ejjew nimxu ‘l quddiem, imsaħħin minn din l-imħabba komuni għall-Mulej u għall-Ommna il-Knisja Mqaddsa.   Il-Madonna tħariskom u tkun magħkom.  Ejjew nibqgħu magħqudin fit-talb. Grazzi!