Diskors ta’ Papa Franġisku
lill-parteċipanti fil-laqgħa internazzjonali

għan-nisa romol ikkonsagrati.

Sala tal-Konċistorju
il-Ħamis, 6 ta’ Settembru 2018

 

 

Għeżież ħbieb,

B’ferħ nagħtikom merħba fl-okkażjoni tal-pellegrinaġġ tagħkom f’Ruma. Nirringrazzjakom għall-preżentazzjoni tagħkom u nsellem lill-membri kollha tal-Fraternité Notre Dame de la Résurrection u tal-Communauté Anne la Prophetesse, li llum jinsabu f’diversi pajjiżi, u anki lis-saċerdoti li qed jakkumpanjawkom. Permezz ta’ din l-okkażjoni tagħkom  nixtieq insellem ukoll lil dawk kollha li ġarrbu l-mewt ta’ żwiġhom.

«Li wieħed jormol hi esperjenza partikularment iebsa. […] Xi wħud juru li kapaċi jżommu l-enerġiji tagħhom b’dedikazzjoni ikbar għal uliedhom u n-neputijiet, u hekk isibu f’din l-espressjoni ta’ mħabba missjoni edukattiva ġdida» (Amoris laetitia, n.254). Għal bosta minnkom dan huwa veru, iżda l-mewt ta’ żwiġkom wasslitkom ukoll biex tisimgħu sejħa partikulari tal-Mulej u twieġbu għaliha billi tikkonsagraw ruħkom Lilu għall-imħabba u b’imħabba. Flimkien magħkom nirringrazzja lil Alla għall-fedeltà ta’ mħabbtu li tgħaqqad lil kull waħda minnkom mar-raġel tagħha b’għaqda li tmur ‘l hemm mill-mewt. Ngħidlu grazzi wkoll talli għoġbu jikkonsagrakom biex illum timxu wara Kristu fit-triq tas-safa, tal-ubbidjenza u tal-faqar. «Xi kultant il-ħajja tippreżenta sfidi kbar u permezz tagħhom il-Mulej jistedinna għal konverżjonijiet ġodda li bihom il-grazzja tiegħu tista’ tidher aktar fil-ħajja tagħna “biex aħna niksbu sehem fil-qdusija tiegħu” ( Lhud 12:10)» ( Gaudete et exsultate, n.17). Hekk, bil-konsagrazzjoni tagħkom intom tagħtu xhieda li wieħed jista’ jgħix il-kunsilli evanġeliċi filwaqt li jeżerċita r-responsabbiltajiet familjari, professjonali u soċjali; u li jagħmel dan bil-grazzja t’Alla u l-għajnuna u l-akkumpanjament tal-ministri u l-membri tal-Knisja.

 

Il-konsagrazzjoni tagħkom bħala romol hi don li l-Mulej jagħmel lill-Knisja tiegħu sabiex hi turi  lill-imgħammdin kollha li l-qawwa tal-imħabba ħanina tiegħu hi triq ta’ ħajja u ta’ qdusija li tgħinna negħlbu l-provi u nitwieldu mill-ġdid għat-tama u l-ferħ tal-Evanġelju. Għalhekk nistedinnkom iżżommu ħarsitkom fissa fuq Ġesù Kristu u ħudu ħsieb ir-rabta partikulari li tgħaqqadkom miegħu. Għax hu f’din ir-rabta intima mal-Mulej, fis-smigħ tal-kelma tiegħu, li aħna niksbu l-kuraġġ u l-perseveranza biex b’ruħna u ġisimna  noffrulu l-aħjar tagħna nfusna permezz tal-konsagrazzjoni u l-impenji tagħna (ara Gaudete et exsultate, 25).

Bil-ħajja sagramentali tagħkom, intom ukoll tistgħu tkunu xhieda ta’ din l-imħabba t’Alla li ssejjaħ lil kull bniedem biex jagħraf kemm hi ħaġa sabiħa u ta’ hena li hu maħbub minnU. Magħqudin ma’ Ġesù Kristu, kunu ħmira fl-għaġna ta’ din id-dinja, kunu dawl għal dawk mixja fid-dlam  u d-dell tal-mewt. Bil-ħajja fraterna tagħkom fi ħdan il-komunità u permezz tal-esperjenza tal-istess fraġilità tagħkom, araw li  tkunu qrib  ta’ min hu żgħir u fqir biex turuh it-tenerezza t’Alla u li hu qrib bl-imħabba kbira tiegħu. Għalhekk inħeġġiġkom tgħixu l-konsagrazzjoni tagħkom b’mod sempliċi u umli  fil-ħajja tagħkom ta’ kuljum filwaqt li titolbu l-Ispirtu s-Santu jgħinkom ħalli tagħtu xhieda fil-Knisja u fid-dinja, għax «Alla jista’ jaġixxi f’kull ċirkustanza, anki qalb dawk li minn barra jidhru fallimenti» u «min joffri u jingħata lil Alla b’imħabba, żgur li jagħmel il-frott» (Evangelii gaudium, 279).

B’din it-tama, nafdakom f’idejn il-Mulej, u bl-interċessjoni tal-Verġni Marija, nagħti l-Barka Appostolika lilkom u anki lil dawk kollha li jagħmlu parti  mill-Fraternité Notre Dame de la Résurrection u mill-Communauté Anne la Prophetesse.

U jekk jogħġobkom itolbu għalija bħalma jien nitlob għalikom. Grazzi!

 


Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard