Mistiedna Illustri,

 

Nagħtikom merħba minn qalbi u nirringrazzjakom tal-preżenza tagħkom. Inħossni partikularment grat lejn is-Sinjuri Marcel Philipp, Jürgen Linden, Martin Schulz, Jean-Claude Juncker u Donald Tusk tal-kelmtejn sbieħ tagħhom. Nixtieq intenni l-fehma tiegħi li dan il-Premju prestiġjuż, li bih qed niġi mweġġaħ, noffrih lill-Ewropa: fil-fatt hawn m’aħniex qed nagħmlu ġest ċelebrattiv; pjuttost qed naħtfu l-okkażjoni biex flimkien nawguraw lilna nfusna li nagħmlu qabża ġdida u kuraġġjuża b’riżq dan il-Kontinent maħbub.

 

Huma kwalitajiet li jappartienu lir-ruħ ta’ l-Ewropa l-kreattività, l-intelliġenza, il-ħila li terġa’ tieqaf fuq riġlejha u toħroġ mill-istess limiti tagħha. Fis-seklu li għadda, hi tat xhieda quddiem l-umanità li bidu ġdid kien possibbli: wara snin ta’ ġlied traġiku, li laħaq il-qofol tiegħu fl-agħar gwerra li qatt niftakru, tfaċċat, għall-grazzja ta’ Alla, xi ħaġa ġdida u li qatt ma kien deher bħalha qabel fl-istorja. L-irmied tat-tifrik ma setax jitfi t-tama u t-tiftix tal-persuna l-oħra, li kebbsu l-qalb tal-Missirijiet fundaturi tal-Proġett Ewropew. Huma qiegħdu l-pedamenti ta’ bastjun kbir tal-paċi, ta’ binja msawra mill-Istati li ma ngħaqdux flimkien għax dan ġie impost fuqhom, imma b’għażla ħielsa tal-ġid komuni, u warrbu għal dejjem l-idea tal-konfront. L-Ewropa, wara tant firdiet, sa fl-aħħar reġgħet sabet lilha nfisha u bdiet tibni d-dar tagħha.

 

Din il-“familja ta’ popli”,[1] li sadattant kompliet tikber, fi żminijiet iktar riċenti donnha m’għadhiex tħoss daqshekk bħala tagħha l-ħitan ta’ darha, u mhux darba u tnejn qed titbiegħed mill-proġett sabiħ li fasslu Missirijietha. Dik l-atmosfera tal-ġdid, dik ix-xewqa mkebbsa li jibnu l-għaqda, dejjem qed jidhru jintfew iktar; aħna wlied dik il-ħolma nħossuna ttentati nċedu quddiem l-egoiżmu tagħna, inħarsu biss lejn dak li hu utli għalina u moħħna biex nibnu ċerti ħitan. Madankollu, jien konvint li r-rassenjazzjoni u l-għeja m’humiex parti mir-ruħ ta’ l-Ewropa u li anki “id-diffikultajiet jistgħu jsiru promuturi qawwija ta’ l-għaqda”.[2]

 

Fil-Parlament Ewropew issograjt nitkellem dwar Ewropa nanna. Lid-deputati Ewropej għidtilhom li minn bosta nħawi kienet qed tikber l-impressjoni ġenerali ta’ Ewropa għajjiena u xiħa, li m’għadhiex għammiela u ħajja, fejn l-ideali għoljin li nebbħu lill-Ewropa donnhom tilfu dik il-qawwa tagħhom li tiġbed; Ewropa dekaduta li donnha tilfet ħilitha li tnissel u toħloq. Ewropa ttentata li trid tiżgura u taħkem għaliha l-ispazji iżjed milli tiġġenera proċessi ta’ inklużjoni u bidla; Ewropa “tiġġerra fit-trunċieri” flok ma tipprivileġġja azzjonijiet li jippromovu dinamiżmi ġodda fis-soċjetà; dinamiżmi li kapaċi jinvolvu u jċaqilqu l-atturi soċjali kollha (gruppi u persuni) fit-tiftix ta’ soluzzjonijiet ġodda għall-problemi ta’ żmienna, li l-frott tagħhom isarrfuh fi ġrajjiet storiċi importanti; Ewropa li flok toqgħod tipproteġi l-ispazji tagħha ssir omm għammiela ta’ proċessi ġodda (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 223).

 

Xi ġralek, Ewropa umanistika, paladina tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-libertà? Xi ġralek, Ewropa art tal-poeti, filosfi, artisti, mużiċisti, għorrief? Xi ġralek, Ewropa omm tal-popli u n-nazzjonijiet, omm irġiel u nisa kbar li għarfu jiddefendu u jagħtu l-ħajja għad-dinjità ta’ ħuthom?

 

Il-kittieb Elie Wiesel, li ħareġ ħaj mill-kampijiet tal-konċentrament tan-Nażisti, kien jgħid li l-lum hu kruċjali li jkollna “trasfużjoni ta’ memorja”. Hemm bżonn “nagħmlu memorja”, nitbiegħdu ftit mill-preżent biex nisimgħu leħen l-antenati tagħna. Il-memorja mhux biss tagħtina l-possibbiltà li ma nirrepetux l-istess żbalji tal-passat (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 108), imma tagħtina aċċess għal dawk il-kisbiet li għenu lill-popli tagħna jaqsmu b’mod pożittiv kull salib it-toroq li ltaqgħu miegħu. It-trasfużjoni tal-memorja teħlisna minn dik it-tendenza ta’ żmienna spiss iżjed attraenti li niffabrikaw malajr fuq ir-ramel ir-riżultati immedjati li jistgħu jipproduċu “profitt politiku faċli, ta’ malajr u ta’ ħajja qasira, imma li ma jibnux lill-bniedem sħiħ” (ibid., 224).

 

Għalhekk nagħmlu sew infakkru lill-Missirijiet fundaturi ta’ l-Ewropa. Huma għarfu jfittxu toroq alternattivi, innovattivi f’kuntest immarkat mill-ġrieħi tal-gwerra. Huma kellhom il-kuraġġ mhux biss li joħolmu l-idea ta’ Ewropa, imma indenjaw jittrasformaw radiklament il-mudelli li pprovokaw biss vjolenza u qerda. Issograw ifittxu soluzzjonijiet multilaterali għall-problemi li naqra naqra kienu saru komuni.

 

Robert Schuman, f’dak li ħafna jagħrfuh bħala l-att tat-twelid ta’ l-ewwel komunità Ewropea, qal: “L-Ewropa mhix ħa tissawwar f’salt, lanqas billi nibnu flimkien; hi ħa tissawwar bi twettiq konkret, billi noħolqu qabelxejn solidarjetà vera”.[3] Propju issa, f’din id-dinja tagħna mċarrta u miġruħa, għandna bżonn nerġgħu lura għal dik is-solidarjetà vera, għall-istess ġenerożità konkreta li nħolqot wara t-Tieni Gwerra Dinjija, għax – kompla Schuman – “il-paċi fid-dinja ma nistgħux inħarsuha mingħajr sforzi li joħolqu u kapaċi jħaqquha mal-perikli li qed jhedduha”.[4] Il-proġetti tal-Missirijiet fundaturi, ħabbara tal-paċi u profeti tal-ġejjieni, għadhom ma ġewx megħluba: inebbħuna, il-lum iżjed minn qatt qabel, biex nibnu pontijiet u nwaqqgħu l-ħitan. Donnhom stedina qawwija biex ma nikkuntentawx ruħna bi rtokki kosmetiċi jew b’kompromessi kkumplikati biex nikkoreġu xi trattat, imma biex b’kuraġġ inpoġġu pedamenti ġodda, b’għeruq li jinżlu fil-fond; kif afferma Alcide De Gasperi, “kollha misjuqa ndaqs mit-tħassib tagħna għall-ġid komuni tal-pajjiżi Ewropej tagħna, tal-Patrija tagħna l-Ewropa”, nerġgħu nibdew, bla biża’, “il-ħidma ta’ bini li tesiġi l-isforzi kollha tagħna ta’ koperazzjoni paċenzjuża u fit-tul”.[5]

 

Din it-trasfużjoni tal-memorja tippermettilna nitnebbħu mill-imgħoddi biex inħabbtu wiċċna b’kuraġġ mal-kwadru multipolari kumpless ta’ żmienna, naċċettaw b’determinazzjoni l-isfida li “naġġornaw” l-idea ta’ Ewropa. Ewropa li kapaċi tagħti d-dawl lil umaniżmu ġdid imsejjes fuq tliet ħiliet: il-ħila li nintegraw, il-ħila li niddjalogaw u l-ħila li niġġeneraw.

 

Ħila li nintegraw

Erich Przywara, fl-opra mill-isbaħ tiegħu L-idea ta’ Ewropa, jisfidana naħsbu fil-belt bħala mkien ta’ konvivenza bejn bosta qagħdiet u livelli. Hu kien jaf x’inhi dik it-tendenza riduzzjonalistika li ssibha f’kull tentattiv ta’ min jaħseb u joħlom it-tessut soċjali. Il-ġmiel li għandu għeruqu f’ħafna mill-ibliet tagħna nafuh lill-fatt li rnexxielhom jikkonservaw fiż-żmien id-differenzi ta’ epoki, ta’ nazzjonijiet, ta’ stili, ta’ viżjoni. Biżżejjed inħarsu lejn il-wirt kulturali mill-aqwa li għandha Ruma biex nerġgħu nikkonfermaw għal darb’oħra li l-għana u l-valur ta’ poplu għandu l-għeruq tiegħu propju f’li jagħraf jartikula dawn il-livelli kollha f’konvivenza tajba u b’saħħitha. Ir-riduzzjoniżmi u l-fehmiet kollha li jridu jagħmlu kollox uniformi, flok jagħtu valur, jikkundannaw lill-popli tagħna għal faqar kiefer: dak ta’ l-esklużjoni. U l-esklużjoni mhux talli ma twassalx għall-kobor, l-għana u l-ġmiel, talli tipprovoka viltà, djuq u kefrija brutali. Flok tagħmel spirtu nobbli, tagħmlu miskin.

 

L-għeruq tal-popli tagħna, l-għeruq ta’ l-Ewropa matul l-istorja tagħha ssaħħu billi tgħallmu jintegraw f’sintesi dejjem ġdida l-kulturi l-iżjed differenti u li minn barra ma jidhrux marbuta b’xi mod ma’ xulxin. L-identità Ewropea hi, u dejjem kienet, identità dinamika u multikulturali.

 

L-attività politika għandha tieħu f’idejha din il-ħidma fundamentali u li ma tistax tippostponi iżjed. Nafu li “il-kollox hu wisq iktar mill-parti, u hu wkoll iktar mill-ġabra tal-partijiet flimkien”, u għalhekk irridu naħdmu biex “inwessgħu ħaristna biex nagħrfu ġid wisq akbar li jkun ta’ benefiċċju għalina lkoll” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 235). Aħna mistiedna nippromovu integrazzjoni li fis-solidarjetà ssib il-mod kif tagħmel l-affarijiet, il-mod kif tibni l-istorja. Solidarjetà li qatt ma nistgħu nħalltuha ma’ li nagħmlu karità, imma li tkun il-ħolqien ta’ opportunitajiet biex kull min jgħix fl-ibliet tagħna – u f’ħafna bliet oħra – jista’ jiżviluppa ħajtu b’dinjità. Iż-żmien qed jgħallimna li mhux biżżejjed li ninserixxu ġeografikament il-persuni, imma l-isfida hi li nwettqu integrazzjoni kulturali qawwija.

 

B’dan il-mod il-komunità tal-ġnus Ewropej tista’ tegħleb it-tentazzjoni li tingħalaq f’paradigmi unilaterali u li tesponi ruħha għal “kolonizzazzjonijiet ideoloġiċi”; pjuttost trid tiskopri mill-ġdid kemm hi kbira r-ruħ Ewropea, li twieldet mil-laqgħa ta’ ċiviltajiet u popli, usa’ mill-konfini attwali ta’ l-Unjoni u msejħa biex issir mudell ta’ sintesi u djalogu ġodda. Il-wiċċ ta’ l-Ewropa fil-fatt ma nagħrfuhx billi nqabbluh ma’ oħrajn, imma għax iġorr fuqu ħjiel ta’ bosta kulturi u l-ġmiel tar-rebħa fuq kull għeluq. Mingħajr din il-ħila ta’ integrazzjoni l-kliem imlissen minn Konrad Adenauer fl-imgħoddi jibqa’ jidwi l-lum bħala profezija tal-futur: “Il-futur tal-Punent m’hux daqstant mhedded mit-tensjoni politika, daqskemm mill-periklu tal-massifikazzjoni, ta’ l-uniformità tal-ħsieb u tas-sentiment; f’kelma waħda, mis-sistema kollha tal-ħajja, mill-ħarba mir-responsabbiltà, bl-uniku tħassib ikun dak għall-jien”.[6]

 

Ħila ta’ djalogu

Jekk hemm kelma li jeħtieġ intennu sakemm negħjew hi din: djalogu. Aħna mistednin nippromovu kultura tad-djalogu billi nfittxu b’kull mezz li niftħu toroq ġodda biex dan isir possibbli u li jħalluna nibnu mill-ġdid it-tessut soċjali. Il-kultura tad-djalogu timplika taħriġ awtentiku, axxeżi li tgħinna nagħrfu fil-persuna l-oħra interlokutur validu; li tħallina nħarsu lejn il-barrani, l-immigrant, dak li ġej minn kultura oħra bħala suġġett li rridu nisimgħuh, nagħtu kasu u napprezzawh. Huwa urġenti għalina l-lum li ninvolu l-atturi soċjali kollha biex flimkien nippromovu “kultura li tipprivileġġja d-djalogu bħala forma ta’ laqgħa”, billi nfasslu “mod kif infittxu l-kunsens u l-qbil, bla ma nifirdu dan, imma, mix-xewqa għal soċjetà ġusta, li taf tagħmel memorja u ma twarrab lil ħadd” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 239). Il-paċi tista’ tkun fit-tul skond kemm narmaw lil uliedna bl-armi tad-djalogu, ngħallmuhom it-taqbida t-tajba tal-laqgħa u ta’ l-innegozjar. B’dan il-mod nistgħu nħallulhom b’wirt kultura li tagħraf tfassal strateġiji mhux tal-mewt imma tal-ħajja, mhux ta’ l-esklużjoni imma ta’ integrazzjoni.

 

Din il-kultura tad-djalogu, li għandha tiddaħħal fil-kurrikuli skolastiċi kollha bħala aspett li jkopri d-dixxiplini kollha, tista’ tgħinna nrawmu fil-ġenerazzjonijiet iż-żgħar mod differenti ta’ kif insolvu l-kunflitti minn dak li qed indarruhom bih. Il-lum huwa urġenti li nibnu “koalizzjonijiet” mhux biss militari jew ekonomiċi imma kulturali, edukattivi, filosofiċi, reliġjużi. Koalizzjonijiet li juru li, wara ħafna kunflitti, spiss hemm il-poter ta’ gruppi ekonomiċi. Koalizzjonijiet li kapaċi jiddefendu l-poplu milli jiġi użat għal finijiet ħżiena. Ejjew narmaw lin-nies tagħna bil-kultura tad-djalogu u tal-laqgħa.

 

Ħila li niġġeneraw

Id-djalogu u dak kollu li jġib miegħu jfakkruna li ħadd ma jista’ jillimita ruħu għal li jkun spettatur u lanqas għal sempliċi osservatur. Kollha, mill-iċken sa l-ikbar wieħed, aħna parti attiva fil-bini ta’ soċjetà integrata u rrikonċiljata. Din il-kultura tkun possibbli jekk kollha nieħdu sehem fl-elaborazzjoni u l-bini tagħha. Il-qagħda attwali ma tħalliniex nibqgħu sempliċi osservaturi quddiem min qed jissielet biex jgħix. Għall-kuntrarju, hi sejħa qawwija għar-responsabbiltà personali u soċjali.

 

F’dan is-sens iż-żgħażagħ tagħna għandhom rwol prevalenti. Huma m’humiex il-futur tal-popli tagħna, huma l-preżent; huma dawk li diġà mil-lum bil-ħolm tagħhom, bil-ħajja tagħhom qed jagħġnu l-ispirtu Ewropew. Ma nistgħux naħsbu f’għada mingħajr ma noffrulhom sehem reali bħala aġenti ta’ bidla u ta’ trasformazzjoni. Ma nistgħux nistħajlu l-Ewropa mingħajr ma nagħtuhom sehem u nagħmluhom protagonisti ta’ din il-ħolma.

 

Dan l-aħħar irriflettejt fuq dan l-aspett u staqsejt lili nnifsi: Kif nistgħu nagħtu sehem liż-żgħażagħ tagħna f’dan il-bini meta qed inċaħħduhom mix-xogħol; minn impjiegi denji li jippermettulhom jiżviluppaw permezz ta’ xogħol idejhom, ta’ l-intelliġenza tagħhom u ta’ l-enerġija tagħhom? Kif nippretendu li nagħrfu l-valur tagħhom ta’ protagonisti, meta r-rata tal-qgħad u l-prekarjat ta’ miljuni ta’ żgħażagħ Ewropej qiegħda dejjem tiżdied? Kif ħa nagħmlu biex nevitaw li nitilfu liż-żgħażagħ tagħna, li qed jispiċċaw imorru jfittxu band’oħra ideali u sens ta’ appartenenza għaliex hawn, f’arthom, ma nafux noffrulhom opportunitajiet u valuri?

 

“It-tqassim ġust tal-frott ta’ l-art u tax-xogħol tal-bniedem m’hux xi filantropija. Hu dmir morali”.[7] Jekk irridu naħsbu s-soċjetajiet tagħna b’mod differenti, jeħtieġ noħolqu postijiet tax-xogħol li jkunu dinjitużi u mħallsin tajjeb, speċjalment għaż-żgħażagħ tagħna.

 

Dan jitlob minna li nfittxu mudelli ekonomiċi ġodda li jkunu iżjed inklużivi u fejn issaltan iktar ugwaljanza, mhux orjentati biex jaqdu lill-ftit, imma għall-ġid tan-nies u tas-soċjetà. U dan jitlob minna li ngħaddu minn ekonomija likwida għal ekonomija soċjali. Tiġini f’moħħi, ngħidu aħna, l-ekonomija soċjali tas-suq, li anki l-Predeċessuri tiegħi ħeġġu ħafna għaliha (ara Ġwanni Pawlu II, Diskors lill-Ambaxxatur tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, 8 ta’ Novembru 1990). Ngħaddu minn ekonomija li ħsiebha fid-dħul u fil-profitt imsejsa fuq l-ispekulazzjoni u s-self bl-imgħax għal ekonomija soċjali li tinvesti fil-persuni billi toħloq postijiet tax-xogħol u opportunitajiet ta’ taħriġ.

 

Jeħtieġ ngħaddu minn ekonomija likwida, li tendenzjalment ixxaqleb lejn il-korruzzjoni bħala mezz kif tagħmel il-qligħ, għal ekonomija soċjali li tiżgura l-aċċess għall-art, għal saqaf fuq rashom u x-xogħol bħala l-post fejn il-persuni u l-komunitajiet jistgħu jħaddmu “diversi dimensjonijiet tal-ħajja: il-kreattività, l-orjentament lejn il-futur, l-iżvilupp tal-ħiliet, it-tħaddim tal-valuri, il-komunikazzjoni ma’ l-oħrajn, atteġġjament ta’ qima. Għalhekk ir-realtà soċjali tad-dinja tal-lum, lil hemm mill-interessi limitati tal-kumpaniji kummerċjali u ta’ razzjonalità ekonomika diskutibbli, tesiġi li ‘aħna nissoktaw nagħtu prijorità lill-aċċess għax-xogħol […] għal kulħadd’[8] (Enċiklika Laudato si’, 127).

 

Jekk nixtiequ nimmiraw għal futur dinjituż, jekk irridu futur ta’ paċi għas-soċjetajiet tagħna, nistgħu naslu għalih biss jekk nippuntaw lejn inklużjoni vera: “dik li tagħti xogħol dinjituż, ħieles, kreattiv, parteċipattiv u solidali”.[9] Din il-mogħdija (minn ekonomija likwida għal ekonomija soċjali) mhux biss tagħti perspettivi u opportunitajiet konkreti ġodda ta’ integrazzjoni u inklużjoni, imma tiftħilna mill-ġdid il-ħila li noħolmu dak l-umaniżmu, li tiegħu l-Ewropea kienet benniena u għajn.

 

Għal dan it-twelid mill-ġdid ta’ Ewropa għajjiena, imma li għadha għanja b’enerġiji u b’potenzjalitajiet, tista’ u għandha tikkontribwixxi l-Knisja. Xogħolha hu ħaġa waħda mal-missjoni tagħha: ix-xandir tal-Vanġelu, li l-lum iżjed minn qatt qabel jittraduċi ruħu fuq kollox billi noħorġu niltaqgħu mal-ġrieħi tal-bniedem, billi nwasslu l-preżenza qawwija u sempliċi ta’ Ġesù, il-ħniena tiegħu li tfarraġ u tagħmel il-qalb. Alla jixtieq jgħammar qalb il-bnedmin, imma dan jista’ jagħmlu biss permezz ta’ rġiel u nisa li, bħall-evanġelizzaturi kbar ta’ dan il-kontinent, iħalluH imissihom u jgħixu l-Vanġelu, bla ma jfittxu xejn iżjed. Hi biss Knisja li hi għanja b’dawn ix-xhieda li tista’ trodd mill-ġdid l-ilma safi tal-Vanġelu lill-għeruq ta’ l-Ewropa. F’dan, il-mixja ta’ l-Insara lejn l-għaqda sħiħa hi sinjal kbir taż-żminijiet tagħna, imma anki l-esiġenza urġenti li twieġeb għas-sejħa tal-Mulej “biex ikunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw 17:21).

 

Bil-ħsieb u bil-qalb, b’tama u mingħajr nostalġiji vojta, bħal iben li jsib f’ommu l-Ewropa l-għeruq ta’ ħajtu u tal-fidi tiegħu, noħlom umaniżmu Ewropew ġdid, “mixja kostanti ta’ umanizzazzjoni”, li għaliha hemm bżonn “memorja, kuraġġ, utopja f’saħħitha u umana”.[10] Noħlom Ewropa żagħżugħa, li għadha kapaċi tkun omm: omm li għandha l-ħajja, għax tirrispetta l-ħajja u toffri tamiet ta’ ħajja. Noħlom Ewropa li tieħu ħsieb tat-tarbija, li taqbeż biex tgħin lill-fqir qisha kienet oħtu u lil min jasal għandha jfittex min jilqgħu għax ma fadallu xejn u qed jitlob kenn. Noħlom Ewropa li tisma’ u tagħti valur lill-morda u l-anzjani, biex ma jispiċċawx oġġetti għar-rimi għax mhux kapaċi jipproduċu. Noħlom Ewropa, li fiha li tkun immigrant m’hux xi delitt, imma stedina għal impenn akbar b’riżq id-dinjità tal-bnedmin kollha. Noħlom Ewropa fejn iż-żgħażagħ jieħdu n-nifs fl-arja nadifa ta’ l-onestà, iħobbu l-ġmiel tal-kultura u ta’ ħajja sempliċi, mhux imniġġsa mill-bżonnijiet infinit tal-konsumiżmu; fejn li tiżżewweġ u jkollok it-tfal hi responsabbiltà u ferħ kbir, mhux problema minħabba n-nuqqas ta’ xogħol stabbli biżżejjed. Noħlom Ewropa tal-familji, b’politika tassew effettiva, iċċentrata fuq l-uċuħ iżjed milli fuq in-numri, fuq it-twelid ta’ l-ulied iżjed milli fuq it-tkattir tal-ġid. Noħlom Ewropa li tippromovi u tħares il-jeddijiet ta’ kull persuna, bla ma tinsa d-dmirijiet lejn kulħadd. Noħlom Ewropa li għaliha ħadd ma jista’ jgħid li l-impenn tagħha b’riżq id-drittijiet umani kien l-aħħar utopja tagħha. Grazzi!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 


 

[1] Diskors lill-Parlament Ewropew, Strasbourg, 25 ta’ Novembru 2014.

[2] Ibid.

[3] Dikjarazzjoni tad-9 ta’ Mejju 1950, Salon de l’Horloge, Quai d’Orsay, Pariġi.

[4] Ibid.

[5] Diskors lill-Konferenza Parlamentari Ewropea, Pariġi, 21 ta’ April 1954.

[6] Diskors lill-Assemblea tal-artiġjani Ġermaniżi, Düsseldorf, 27 ta’ April 1952.

[7] Discurso a los movimientos populares en Bolivia, Santa Cruz de la Sierra, 9 ta’ Lulju 2015.

[8] Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 32: AAS 101 (2009), 666.

[9] Discurso a los movimientos populares en Bolivia, Santa Cruz de la Sierra, 9 ta’ Lulju 2015.

[10] Diskors lill-Kunsill tal-Ewropa, Strasbourg, 25 ta’ Novembru 2014.