Għeżież ħuti,
Hu ta’ pjaċir għalija li qed tagħmlu l-laqgħa tagħkom ta’ din is-sena f’Ruma, il-belt fejn l-Appostli Pietru u Pawlu huma midfuna. Dawn iż-żewġ appostli huma punt ta’ riferiment essenzjali għall-Insara kollha; huma “kolonni” tal-Knisja. F’Ruma, hawn ukoll il-komunità Lhudija l-aktar antika fl-Ewropa tal-punent, li taf il-bidu tagħha liż-żmien tal-Makkabej. Mela, għal kważi elfejn sena, Insara u Lhud għexu flimkien f’Ruma, ukoll jekk ir-rabtiet ta’ bejniethom matul l-istorja ma kinux nieqsa mid-diffikultajiet.
L-iżvilupp ta’ djalogu awtentiku fratern beda mill-Konċilju Vatikan II, wara l-promulgazzjoni tad-Dikjarazzjoni Nostra aetate. Dan id-dokument jirrappreżenta “iva” definittiva għall-għeruq Lhud tal-Kristjaneżmu u “le” irrevokabbli għall-anti-Semitiżmu. Iċ-ċelebrazzjoni tal-ħamsin anniversarju ta’ Nostra aetate, turina l-frott għani li dan ġab miegħu u nivvalutaw bi gratitudni d-djalogu bejn Lhud u Kattoliċi. U hekk naslu biex nirringrazzjaw lil Alla għat-tajjeb kollu li twettaq f’dawn il-ħamsin sena f’dik li hi ħbiberija u għarfien reċiproku, għax l-Ispirtu Qaddis Tiegħu akkumpanjana fl-isforzi tagħna għad-djalogu. Grazzi għall-Ispirtu t’Alla li jista’ kollox, l-umanita’ frammentata tagħna, in-nuqqas ta’ fiduċja u s-suppervja ġew megħluba, u b’hekk qed ikomplu jikbru dejjem aktar il-fiduċja f’xulxin u l-fraternita’. M’għadniex aktar barranin, imma ħbieb u aħwa ta’ xulxin. Għalkemm il-perspettivi tagħna huma differenti, nistqarru Alla wieħed, Ħallieq tal-Univers u Sid tal-istorja. U Hu, bit-tjubija u l-għerf infiniti tiegħu, dejjem ibierek l-impenn tagħna għad-djalogu.
L-Insara, l-Insara kollha, għandhom għeruq Lhud. Kien għalhekk li sa mill-bidunett tagħha l-International Council of Christians and Jews laqgħet Insara li jistqarru twemmin differenti. Kull twemmin nisrani, bil-mod propju tiegħu, iqarreb lejn il-Ġudaiżmu, li min-naħa tiegħu hu karatterizzat minn diversi kurrenti u sensibiltajiet. Id-denominazzjonijiet Insara jsibu l-għaqda tagħhom fi Kristu; il-Ġudaiżmu jsib l-għaqda tiegħu fit-Torah. L-Insara jemmnu li Ġesù Kristu hu l-Kelma t’Alla li ħadet il-ġisem u ġiet tgħammar fid-dinja; għal-Lhud, il-Kelma t’Alla tinsab preżenti fuq kollox fit-Torah. Dawn iż-żewġ tradizzjonijiet ta’ fidi għandhom is- sisien tagħhom f’Alla Wieħed, Alla tal-Patt, li juri lilu nnifsu lill-bnedmin permezz tal-Kelma tiegħu. Filwaqt li jfittxu mġiba ġusta lejn Alla, l-Insara jduru lejn Kristu bħala l-għajn ta’ ħajja ġdida, il-Lhud ifittxu dan fit-tagħlim tat-Torah. Dan il-mod ta’ riflessjoni teoloġika dwar ir-rabta bejn l-Ġudaiżmu u l-Kristjaneżmu jibda preċiżament min-Nostra aetate (ara n. 4) u din hi l-bażi soda li fuqha jista’ u għandu jkompli jkun żviluppat.
Fir-riflessjoni tiegħu dwar il-Ġudaiżmu, il-Konċilju Vatikan II ikkunsidra l-għaxar teżijiet ta’ Seelisberg, li kienu elaborati f’din l-istess lokalita’ Svizzera, teżijiet li huma marbuta mal-fundazzjoni tal-International Council of Christians and Jews. Nistgħu ngħidu li fihom ġa kien hemm iż-żerriegħa li minnha nibet il-kunċett ta’ kollaborazzjoni bejn l-organizzazzjoni tagħkom u l-Knisja Kattolika. L-inawgurazzjoni uffiċjali ta’ din il-koperazzjoni saret wara l-Konċilju, speċjalment wara li twaqqfet “Il-Kummissjoni għar-relazzjonijiet reliġjużi mal-Lhud” fl-1974. Din il-Kummissjoni tas-Santa Sede ssegwi b’interess kbir l-attivitajiet tal-organizzazzjoni tagħkom, b’mod partikulari l-laqgħat internazzjonali li tagħmlu kull sena, li joffru kontribut notevoli għad-djalogu bejn Lhud u Nsara.
Għeżież ħuti, nirringrazzjakom ilkoll għal din iż-żjara tagħkom u nawguralkom kull ġid għal-laqgħa tagħkom. Il-Mulej iberikkom u jħariskom fil-paċi tiegħu. U jekk jogħġobkom itolbu għalija. Nistedinnkom biex ilkoll flimkien nitolbu l-barka t’Alla Missierna. Jien ser nagħmel dan bil-lingwa tiegħi.
El SEÑOR nos bendiga y nos proteja; haga brillar su rostro sobre nosotros y nos muestre su gracia; nos descubra su rostro y nos conceda la paz (cfr Nm 6,24-26). Amen.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Vivienne Attard.