DISKORS TAL-PAPA FRANĠISKU
LILL-ISQFIJIET, LI GĦADHOM KIF ĠEW MAĦTURA, LI ĦADU SEHEM FIL-KORS LI SAR GĦALIHOM 
MILL-KONGREGAZZJONI TAL-ISQFIJIET

Sala tal-Konċistrju
Il-Ħamis, 13 ta’ Settembru 2018

__________________________________________

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb,

Nilqagħkom illum bil-ferħ fil-konklużjoni tal-pellegrinaġġ tagħkom, bħala Isqfijiet ġodda, għall-għejjun spiritwali ta' din Ruma, antika u dejjem ġdida, ta' Pietru u Pawlu. Waqt li nħaddankom bħala Rgħajja ġodda tal-Knisja, u li għandkom mnejn għadkom tħossukom maħsudin bis-sejħa għal din il-missjoni li qatt ma hija proporzjonata u konformi mal-qawwa tagħna, nixtieq bħallikieku neħodkom apparti, intom u kull waħda  mill-Knejjes tagħkom; nixtieq nersaq lejkom u nmisskom bħal Kristu, l-Evanġelju ta' Alla li jsaħħan il-qalb, jerġa' jiftaħ il-widnejn u jħoll l-ilsien għall-ferħ li la jispiċċa fix-xejn u lanqas jgħib, għax qatt ma kien mixtri jew mistħoqq,  anzi hu grazzja pura!

Fil-perspettiva tal-ferħ tal-Evanġelju intom ippruvajtu taqraw il-misteru tal-identità li għadkom kif irċevejtu bħala rigal mingħand Alla. Intom għażiltu l-aħjar triq biex tidħlu fil-ministeru episkopali, li għalih ma nistgħu niftaħru b’ebda kreditu u ma hemmx titoli ta' propjetà jew drittijiet akkwisiti. Sibna, nistgħu ngħidu "b'kumbinazzjoni", t-teżor tal-ħajja tagħna u għaldaqstant aħna msejħin sabiex inbigħu kollox sabiex nippreservaw l-għalqa li fiha jinsab dan it-teżor li ma jispiċċa qatt (ara Mt 13.44). Jinħtieġ illi kuljum tieħdu lura dan rigal prezzjuż, fid-dawl tiegħu taraw id-dawl (ara Salm 35:10) u tħalli lilu nnifsu jiġi trasfigurat bil-wiċċ tiegħu.

Qed inkellimkom dwar il-ħidma l-iktar urġenti bħala rgħajja: dik tal-qdusija! Peress li t-talba tal-Knisja ġiet imlissna fuqkom, intom ġejtu magħżula mill-Missier, li jaf is-sigrieti tal-qlub, biex isservuh lejl u nhar, sabiex jagħmilha favorevoli għall-poplu tiegħek (ara Rumani Pontifikali, Talb tal-Ordni tal-Isqfijiet).

Intom m’intomx ir-riżultat ta' skrutinju sempliċement uman, imma ta' għażla mill-Għoli. Għaldaqstant, m’intomx tintalbu biex tiddedikaw rwieħkom b’mod intermittenti, li tintrabtu ma’ fażi li jalternaw, le, imma intom imsejħa tingħataw kollkom kemm intom lejl u nhar.

Ibqgħu għassu wkoll meta jintefa d-dawl, jew meta Alla jinħeba fid-dlam, meta t-tentazzjoni li tirtira tibda tberren u l-ħażin, li qiegħed dejjem jgħarrex, jibda jfesfes li issa qatt m’hu se jisbaħ. Imbagħad, f’dak il-waqt, mill-ġdid għal darb'oħra mixħutin bil-wiċċ f’l-art (ara Ġen 17: 3), biex tisimgħu lil Alla jitkellem u jġedded il-wegħda tiegħu li qatt ma ġiet miċħuda. U mbagħad ibqgħu fidili ukoll meta, fl-eqqel tal-jum, il-forzi tal-perseveranza jonqsu u r-riżultat tal-għeja ma jibqax jiddependi fuq ir-riżorsi li għandna.

U dan kollu mhux biex tkebbsu l-pretensjoni narċiżista li intom essenzjali, iżda biex tirrendu lill-Missier ikun jingħoġob milll-Poplu tagħkom. Alla diġà huwa favur il-bniedem. L-esseri divin tiegħu, li seta’ jeżisti anke mingħajrna, f’Ibnu Ġesù jirrivela lilu nnifsu għalina. FiH, noffru l-paternità ta' Alla li qatt ma tirriżenja; fih nafu l-qalb divina li xejn u ħadd ma jqisha mitlufa. Dan huwa l-messaġġ li l-fidili għandhom id-dritt li jsibu fuq xufftejkom, fil-qlub tagħkom u fil-ħajja tagħkom.

Fil-bidu tal-ministeru tagħkom, nitlobkom biex tqiegħdu lil Alla fiċ-ċentru: Huwa Dak li jitlob kollox iżda bi tpattija joffri l-ħajja fil-milja tagħha. Mhux dik il-ħajja mċekkna u medjokri, ma fihiex sens għaliex mimlija solitudni u kburija, iżda l-ħajja li tnixxi mill-kumpanija tiegħu li qatt ma tonqos, mill-forza umli tas-salib ta' Ibnu, mis-sigurtà serena tal-imħabba rebbieħa li tgħammar fih.

Tħallux l-istejjer ta' katastrofi jew profeziji ta' diżastri jittentawkom, għaliex dak li jgħodd tabilħaqq huwa li tippersevera, ma tħallux l-imħabba tibred (ara Mt 24,12) u erfgħu raskom lejn il-Mulej (ara Lk 21,28) għaliex il-Knisja mhix tagħna, hija ta’ Alla! Hu kien hemm qabilna u hu se jkun hemm warajna! Id-destin tal-Knisja, tal-merħla żgħira, huwa rebbieħ fil-moħbi fis-salib tal-Iben ta' Alla. L-ismijiet tagħna huma mnaqqxa fil-qalb tiegħu - mnaqqxa fil-qalb tiegħu! -; x’se jsir minna huwa f'idejh. Għaldaqstant, taħlux l-aħjar enerġiji tagħkom biex toqogħdu tikkontjaw il-fallimenti u timtlew bl-imrar, tħallu qalbkom tiegħek tiċkien u l-orizzonti jittappnu. Ħa jkun Kristu il-ferħ tiegħek, ħa jkun l-Evanġelju n-nutriment tiegħek. Żommu l-ħarsa fissa biss fuq il-Mulej Ġesù u, intom u tidraw id-dawl tiegħu, siru taf kif għandkom tfittxuh bla heda anki fejn ikun miksur, kif ukoll permezz ta’ xi teptipa umli..

Hemm, fil-familji tal-komunitajiet tagħkom, fejn, fil-paċenzja persistenti u fil-ġenerożità anonima, ir-rigal tal-ħajja huwa kkoltivat u nutrit.

Hemm, fejn tissokta fil-qlub iċ-ċertezza fraġli, imma li ma titfarrakx, li l-verità toħroġ rebbieħa, li l-imħabba mhix frugħa, li l-maħfra għandha s-setgħa li tibdel u tirrikonċilja, li l-għaqda dejjem tirbaħ fuq il-firda, li l-kuraġġ fejn wieħed jinsa lilu nnifsu għall-ġid tal-ieħor jagħti aktar sodisfazzjon mill-ego li jpoġġi lilu nnifsu qabel kollox u li ħadd ma jista’ jmissu.

Hemm, fejn ħafna kkonsagrati u ministri t'Alla, fid-dedikazzjoni siekta tagħhom infushom, jippersistu minkejja li ħafna drabi it-tajjeb ma jagħmilx ħsejjes, mhuwiex it-tema tal-blogs u lanqas ma jasal sal-paġni ta' quddiem. Huma jkomplu jemmnu u jippriedkaw kollhom kuraġġ il-Vanġelu tal-grazzja u ħniena lill-bnedmin għatxana biex isibu raġunijiet sabiex jgħixu, jittamaw u jħobbu. Ma jinħasdux bil-feriti tal-laħam ta’ Kristu, dejjem kawża tad-dnub u, kif sikwit jiġri, minn ulied il-Knisja.

Naf tajjeb kemm fi żmienna s-solitudni u l-abbandun b’liema qawwa nsibuhom fostna.  L-individwaliżmu mifrux ma’ kullimkien u tiżdied l-indifferenza għal dak li se jiġri mill-ieħor. Miljuni ta' rġiel u nisa, tfal, żgħażagħ qed jintilfu f'realtà li oskurat il-punti ta' referenza, huma destabilizzati mid-dieqa li ma jappartjenu għal xejn. Id-destin tagħhom ma jisfidax il-kuxjenza ta' kulħadd u spiss, sfortunatament, dawk li għandhom l-akbar responsabbiltà, jaħslu idejhom u ta’ dan huma ħatja. Imma għalina mhuwiex permess li ninjoraw il-laħam ta' Kristu, li ġie fdat lilna mhux biss fis-sagrament maqsum f’biċċiet, iżda wkoll fil-Poplu li aħna wiritna.

Anke l-feriti tiegħu jappartjenu lilna. Huwa tajjeb li tmisshom biex ma tagħmilx minnhom manifestazzjonijiet programmatiċi ta' rabja li wieħed jifhimha, iżda postijiet fejn l-Għarusa ta' Kristu titgħallem sa liema punt hija tista' tiġi sfigurata meta f’wiċċha jibdew jibjadu l-karatteristiċi tal-Għarus tagħha. Imma titgħallem ukoll minn fejn terġa’ tmur, b'fedeltà umli u skrupluża għall-vuċi tal-Mulej tagħha. Huwa biss li jista’ jiggarantixxi li, fil-fergħat tad-dielja tiegħu, il-bnedmin ma jsibux biss għeneb qares (ara Is 5: 4), iżda l-inbid tajjeb (ara Ġw 2:11), dak tad-dielja vera, li mingħajrha xejn nistgħu nagħmlu (ara Ġw 15: 5).

Dan huwa l-għan tal-Knisja: li tqassam fid-dinja dan l-inbid ġdid li huwa Kristu. Xejn ma jista' jaljenana minn din il-missjoni. Aħna għandna bżonn il-ħin kollu damiġġani ġodda (ara Mark 2:22), u dak kollu li nagħmlu qatt mhu biżżejjed biex jagħmilhom denja tal-inbid ġdid li huma msejħa biex iżommu u jferrgħu. Iżda, preċiżament għal din ir-raġuni, il-kontenituri għandhom ikunu jafu li mingħajr l-inbid il-ġdid ikunu ġarer tal-ġebel kesħin, kapaċi jiftakru n-nuqqas iżda mhux li jagħtu l-milja. Jekk jogħġobkom, xejn m’għandu jfixkilkom minn dan l-għan: li tagħtu l-milja kollha!

Il-qdusija m’għandhiex tkun il-frott tal-iżolament, imma tiffjorixxi u tagħti frott fil-ġisem ħaj tal-Knisja fdata lilkom mill-Mulej, bħalma fir-riġlejn tas-salib ta lil Ommu lid-dixxiplu għażiż. Ilqgħuha bħala għarusa ta’ min iħobbha, verġni li trid tieħu ħsiebha, omm biex tagħmel il-frott. Il-qalb tagħkom ma tinħeliex f’imħabbiet oħrajn; għassu sabiex il-ħamrija tal-Knejjes tagħkom tkun fertili għaż-żerriegħa tal-Kelma u qatt ma tkun imħarbta mill-ħnieżer selvaġġi (ara Salm 80,14).

Kif tistgħu tagħmlu dan? Irrid infakkarkom li m'aħniex aħna l-oriġini tal-“porzjon tal-qdusija” tagħna, imma hu dejjem Alla. Hija qdusija żgħira li titrejjaq bl-abbandun f'idejh bħal tarbija miftuma li m'għandhiex għalfejn tistaqsi jekk l-omm hijiex qrib tagħha (ara Salm 131.2). Hija qdusija li taf li xejn m’hu aktar effettiv, akbar, aktar prezzjuż, aktar bżonnjuż milli tistgħu toffru lid-dinja mill-paternità li tinsab fikom. Meta tiltaqa' magħkom, kull persuna tista' mill-inqas tmiss is-sbuħija ta' Alla, is-sigurtà tal-kumpanija tiegħu u l-milja tal-viċinanza tiegħu. Hija qdusija li tikber meta niskopru li lil Alla ma timmansahx, m’għandux bżonn ħitan biex jiddefendi l-libertà tiegħu, u mhux se jitniġġes meta jersaq, anzi, iqaddes dak kollu li jmiss.

M'għandniex inżommu kont tal-virtujiet tagħna, lanqas programm ta' axxeżi, ġimnasju ta' sforz personali jew dieta li tiġġedded minn nhar ta’ Tnejn għall-ieħor, bħallikieku l-qdusija kienet il-frott tar-rieda waħedha. L-għajn tal-qdusija hija l-grazzja li tlaqqagħna mal-ferħ tal-Evanġelju u nħallu lil din tinvadi l-ħajja tagħna, b’mod li aħna ma nkunux nistgħu ngħixu b'mod differenti.

 Qabel ma eżistejna, Alla kien hemm u ħabbna. Il-qdusija hija li tmiss dan il-laħam ta’ Alla li jimxi qabilna. Hija li tidħol f’kuntatt mat-tjubija tiegħu. Ħarsu lejn ir-rgħajja msejħa fil-lejl ta' Betlem: sabu f'dak it-Tfajjel it-tjubija ta' Alla! Huwa ferħ li ħadd ma jista' jisraqhulkom. Ħarsu lejn in-nies li raw il-Kalvarju mill-bogħod: marru lura d-dar jagħtu fuq sidirhom għax kienu raw il-ġisem kollu dmija tal-Kelma t'Alla. Il-viżjoni tal-laħam ta' Alla tħaffer fil-qalb fejn bil-ftit il-ftit tmur tgħammar il-preżenza divina.

Għaldaqstant nirrikmandalkom biex ma tistħux mill-laħam tal-Knejjes tagħkom. Idħlu fi djalogu mal-mistoqsijiet tagħhom. Nirrikkmandalkom attenzjoni partikolari għall-kleru u s-seminarji. Ma nistgħux nwieġbu għall-isfidi li għandna fil-konfront tagħhom mingħajr ma nġġeddu l-proċessi tagħna ta' għażla, akkumpanjament, evalwazzjoni. Imma t-tweġibiet tagħna mhux se jkollhom futur jekk ma jilħqux il-fondoq spiritwali li, f'każi mhux ftit, ippermetta dgħjufijiet skandalużi, jekk ma jġibux fix-xejn il-vojt eżistenzjali li huma rawwmu, jekk ma jiżvelawx il-għala dan lil Alla irrendieh mutu, mġiegħel jibqa’ fommu sieket, b’hekk imneħħi minn ċertu mod ta' ħajja, daqs li kieku qatt ma kien hemm.

U hawn, kull wieħed minna għandu umilment jidħol fil-profond tiegħu nnifsu u jistaqsi lilu nnifsu x’jista' jagħmel biex il-wiċċ tal-Knisja, li aħna niggvernaw f’isem ir-Ragħaj Suprem, jkun iktar qaddis. Ma jiswa xejn li wieħed jippunta subgħajh lejn ħaddieħor, jara f’min se jwaħħal (scapegoat), iċarrat ħwejġu, iħaffer fid-dgħjufija ta' ħaddieħor kif iħobbu jagħmlu t-tfal li għexu fid-dar bħala qaddejja (ara Lq 15,30-31). Hawnhekk irridu naħdmu flimkien u f'komunjoni, iżda ċerti li l-qdusija vera hija dak li Alla jwettaq fina, meta mansi għall-Ispirtu tiegħu nirritornaw għall-ferħ sempliċi tal-Evanġelju, u b’hekk il-barka tiegħu ssir laħam għall-oħrajn fl-għażliet tagħna u fil-ħajja tagħna.

Jien nistedinkom għaldaqstant sabiex timxu ’l qudiem ferħana u mhux imqarrsin, imfarrġin u mhux mwarrbin – fittxu l-faraġ tal-Mulej – fil-waqt li zżommu il-qalb ta' ħrief li, anki jekk imdawra minn ilpup, jafu li se jirbħu għax jistrieħu fuq l-għajnuna tar-ragħaj (ara St John Cris., Om. 33.1: PG 57.389).

 

Marija, dik li ġġorrna f'dirgħajha mingħajr ma tiġġudikana, hija l-istilla tiddi li tiggwida il-mixja tagħkom.

 

Filwaqt li nirringrazzja lill-Kardinal Marc Ouellet u l-Kardinal Leonardo Sandri u l-Kongregazzjonijiet rispettivi tagħhom għax-xogħol ġeneruż tagħhom, nagħti l-Barka Apostolika fuq kull wieħed minnkom u fuq il-Knejjes li ġejtu imsejħin biex isservu

 

Grazzi!

 

 Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Louis Spiteri