Il-Papa jindirizza lill-impjegati tas-Santa Sede u tal-Istat tal-Vatikan u lill-familji tagħhom miġbura fis-Sala Pawlu VI għall-awguri tal-Milied.

 

Il-Ġimgħa, 21 ta’ Diċembru 2018

Għeżież ħuti,

Grazzi talli ġejtu; ħafna minnkom qegħdin hawn mal-familja tagħkom. Ħadt gost insellem lill-familji, iżda l-premju jmur għand il-bużnanna ta’ 93 sena, li ġiet hawn ma’ bintha li hi nanna, ġenituri u żewġt itfal. Hekk sabiħa l-familja! intom taħdmu għall-familja, għal uliedkom, biex iġġibu l-familja ‘l quddiem. Din hi grazzja! Ħudu ħsiebhom il-familji. U l-Milied it-tajjeb lil kulħadd.

Il-Milied huwa festa ta’ ferħ kbir, iżda spiss nirrealizzaw li n-nies, u forsi aħna wkoll, jinħakmu minn bosta affarijiet u jispiċċaw biex ma jkunux ferħana, u jekk ikun hemm il-ferħ, ikun superfiċjali. Għaliex? 

Ġiet f’moħħi espressjoni tal-kitteb Franċiż Léon Bloy  li tgħid: “M’hemmx ħlief niket wieħed (...) dak li ma nkunux qaddisin” (La donna povera, Reggio Emilia 1978, p. 375; ara Eżortazzjoni Appostolika Gaudete et exsultate, 34). Mela l-ferħ, li hu l-oppost tan-niket, hu marbut mal-qdusija. Hekk hu l-ferħ tal-Milied. Jeħtieġ li nkunu nies tajba, li tal-anqas ikollna x-xewqa li nkunu nies tajba.

Ejjew inħarsu lejn il-presepju. Min huma dawk ferħana? Nixtieq nagħmel din il-mistoqsija lilkom it-tfal, li tant tħobbu tħarsu lejn  il-pasturi  ċkejkna li jkun hemm fil-presepju.... u forsi ċċaqalquhom minn post għall-ieħor ukoll, u ġġiegħlu lill-papa jirrabja għax  ikun poġġiehom f’posthom b’tant reqqa.  

Min huma dawk ferħana fil-presepju? Il-Madonna u San Ġużepp huma ferħana għall-aħħar: iħarsu lejn Ġesu’ Tarbija, u wara li għaddew minn tant inkwiet issa qed jilqgħu dan ir-Rigal t’Alla b’tant fidi u mħabba. Fihom tfawwar il-qdusija u allura anki l-ferħ. Tgħiduli: mhux bil-fors! Huma l-Madonna u San Ġużepp! Iva, imma ara taħsbu li kollox kien faċli għalihom: ma nitwildux qaddisin, imma nsiru qaddisin, u dan jgħodd għalihom ukoll.

Imbagħad hemm ir-rgħajja  li wkoll kienu ferħana għall-aħħar. Anki r-rgħajja kienu qaddisin, għax wieġbu għall-aħbar tal-anġli; ġrew lejn il-grotta u għarfu s-sinjal li ġabet magħha t-Tarbija li kien hemm fil-maxtura. Ma kenitx xi ħaġa ovvja. Fil-presepju spiss ikun hemm ragħaj żagħżugħ li jħares lejn il-grotta msaħħar u mistgħaġeb. Dak ir-ragħaj  jesprimi l-ferħ ta’ min jistgħaġeb u jilqa’ l-misteru ta’ Ġesu’ bi spirtu ta’ qalb żagħżugħa. Meta tara lil min jibqa’ jistgħaġeb  u jimmeravilja ruħu quddiem id-doni ta’ Alla, quddiem “is-sorpriżi” tiegħu tilmaħ raġġ ta’ qdusija. U l-akbar don, li dejjem iġib miegħu sorpriżi ġodda, hu Ġesu’. L-akbar sorpriża huwa Alla!

Imbagħad f’xi presepji, f’dawk kbar, fejn ikun hemm ħafna persunaġġi, insibu wkoll nies tas-snajja: l-iskarpan, ir-raġel li jġorr l-ilma, il-ħaddid, il-furnar ..... u  jitpoġġew tant pasturi oħra. Kollha huma ferħana. Għaliex? Għax kollha “jittieħdu” mill-ferħ ta’ din il-ġrajja li għandhom sehem fiha, jiġifieri kollha għandhom sehem mill-ferħ tat-twelid ta’ Ġesu’. Hekk anki x-xogħol jitqaddes mill-preżenza ta’ Ġesu’, mill-preżenza tiegħU li ġie jgħammar fostna.

Dan iwassalna biex naħsbu wkoll fuq ix-xogħol tagħna. Naturalment hi ħaġa normali li x-xogħol iġib miegħu l-għeja. Iżda jien naf lil xi ħadd minn art twelidi li ma kien jgħeja qatt:  kien jagħmel ta’ bir-ruħu li qed jaħdem, iżda ma kien jaħdem xejn, allura  tista’ tifhem  għaliex ma kienx jgħeja. Jekk kull wieħed jirrifletti ftit fuq il-qdusija ta’ Ġesu’, isib li hu biżżejjed ftit, li hu biżżejjed xi ħaġa żgħira – tbissima jew attenzjoni, att ta’ korteżija, titlob skuża – biex l-ambjent tax-xogħol ikun wieħed li tista’ tgħix fih; mhux veru? L-atmosfera tqila li xi drabi aħna l-irġiel u n-nisa noħolqu bl-arroganza, bl-għeluq u bil-preġudizzji tagħna tonqos u wieħed ikun jista’ jaħdem aħjar u jagħti aktar frott.

Hemm xi ħaġa li tagħmilna mdejqa u tmarrad l-ambjent tax-xogħol: it-tpaċpiċ fuq l-oħrajn. Jekk jogħġobkom tpaċpċux fuq l-oħrajn, toqgħodux titkellmu ħażin dwarhom. “Iva, imma dak hu  tassew antipatiku, u l-ieħor....”.  Ara, aħjar titlob għalih, imma toqgħodx tpaċpaċ dwaru, għax dan it-tpaċpiċ ikisser: jeqred il-ħbiberija, l-ispontanjeta’.  Meta tkun ser tikkritika lil dak jew lill-ieħor, aħjar tiskot u ma tgħid xejn. Jekk hemm xi ħaġa xi tgħid, aħjar tgħidha lill-persuna direttament. Imma toqgħodx tpaċpaċ dwaru. “Imma, Father, mingħajr ma trid titkellem...”.  Hemm mediċinai tajba ħafna kontra dan: igdem ilsienek. Meta tħossu li tixtiequ tgħidu xi ħaġa kontra xi ħadd, igdmu ilsienkom u hekk ma tpaċpċux.

Fl-ambjent tax-xogħol ukoll hemm “il-qaddisin tal-bieb ta’ maġenbna” (ara Eżortazzjoni Appostolika Gaudete et exsultate, 6-9). Hawnhekk, fil-Vatikan ukoll teżisti din il-qdusija u jiena xhud tagħha. Naf lil xi wħud minnkom li huma tassew ta’ eżempju: jaħdmu għall-familja u dejjem b’dik it-tbissima, jaħdmu b’mod san u b’tant bżulija. Iva nistgħu nkunu qaddisin; il-qdusija hi possibbli. Dan huwa s-sitt Milied tiegħi bħala Isqof ta’ Ruma u nista’ ngħid li sirt naf ħafna qaddisin li jaħdmu hawnhekk; qaddisin li jgħixu l-ħajja tagħhom ta’ nsara sew u jekk jiżbaljaw jitolbu skuża. Iżda jibqgħu mexjin ‘l quddiem, flimkien mal-familja. Wieħed jista’ jgħix b’dan il-mod. Din hija grazzja; hi xi ħaġa sabiħa ħafna. Is-soltu dawn huma nies li ma jidhrux, nies sempliċi u modesti, iżda li  bix-xogħol tagħhom jagħmlu ħafna ġid u jibnu relazzjoni tajba mal-oħrajn. Huma nies ferħana, mhux għax tarhom dejjem jidħku; le, imma għax għandhom fihom serenita’ kbira, li jafu jgħadduha lill-oħrajn. U din is-serenita’ minfejn iġibuha?  Mingħandu, mingħand Ġesu’, Alla-magħna. Huwa l-għajn tal-ferħ tagħna, tal-ferħ personali, dak fil-familja u fuq il-post tax-xogħol.

Għalhekk dan hu l-awgurju tiegħi: kunu qaddisin, kunu ferħana.  Mhux qaddisin ta’ fuq is-santi; le, imma qaddisin normali, bil-ġisem u d-demm, bil-karattru tagħna, bid-difetti u anki bid-dnubiet tagħna. Ejjew nitolbu maħfra u nibqgħu mexjin ‘l quddiem, iżda  ejjew “nittieħdu” mill-preżenza ta’ Ġesu’ fostna, lesti li mmorru għandu bħalma għamlu r-rgħajja biex naraw din il-Ġrajja, dan is-sinjal inkredibbli mogħti lilna minn Alla. X’qalu l-anġli: “Araw qed inħabbrulkom ferħ kbir, ferħ li ser ikun għall-poplu kollu” ( Lq 2, 10). Ser immorru biex narawH? Jew ser inħallu affarijiet oħra jaħkmuna?   

Għeżież ħuti, ejjew ma nibżgħux mill-qdusija. Niżgurakom li din hi t-trejqa tal-ferħ. Il-Milied hieni lil kulħadd!         

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard