DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
LILL-PARTEĊIPANTI TAL-ASSEMBLEA PLENARJA
TAL-AKKADEMJA PONTIFIĊJA GĦALL-ĦAJJA

Sala Clementina
It-Tnejn, 25 ta’ Frar, 2019

 

Għeżież ħuti,

insellmilkom minn qalbi fl-okkażjoni tal-assemblea ġenerali tagħkom, u rrodd ħajr lil Mons. Paglia għall-kliem ta’ kortesija li ndirizzali.  Dil-laqgħa qed issir fl-ewwel ġublew tal-Akkademja għall-Ħajja: f’għeluq il-25 sena minn mindu twaqqfet.  F’din it-tifkira importanti x-xahar li għadda bgħatt ittra bit-titlu Humana Communitas (il-Komunità Umana) lill-PresidentDak li qanqalni nikteb dal-messaġġ kienet qabel kollox, ix-xewqa li rrodd ħajr lill-Presidenti kollha li mexxew l-Akkademja, u lill-membri kollha għas-servizz kompetenti u l-impenn ġeneruż biex titħares u titmexxa ‘l quddiem il-ħajja umana matul dawn il-25 sena ta’ attività.

Nafu f’liema diffikultajiet tinsab titqabad id-dinja tagħna.  In-nisġa tar-relazzjonijeit familjari u soċjali donnhom qed jitnawwru u qed tixtered tendenza biex dak li jkun jingħalaq fih innifsu u fl-interessi personali individwali b’konsegwenzi gravi fuq “il-kwistjoni kbira u deċisiva tal-għaqda tal-familja umana u l-futur tagħha” (Ittra Humana Communitas, 2).  B’hekk qed jissawar paradoss drammatiku: propju meta l-umanità kisbet il-ħiliet xjentifiċi u tekniċi biex ir-riżq ikun l-istess għal kulħadd, skont il-kmand ta’ Alla, minflok, qed nosservaw li l-kunflitti qed jiħraxu u n-nuqqas ta’ egwaljanza jiżdied.  Il-mit illuminista tal-progress qed inin u l-ħażna tal-potenzjalitajiet li tawna x-xjenza u t-teknoloġija mhux dejjem qed tikseb ir-riżultati mixtieqa.  Infatti min-banda l-iżvilupp tekonoloġiku għinna nsolvu problemi li sa ftit żmien ilu kienu jidhru bla soluzzjoni, u ta’ dan aħna grati lejn ir-riċerkaturi li waslu għal dawn ir-riżultati; mill-banda l-oħra tfaċċaw diffikultajiet u theddid aktar insidjużi minn dawk ta’ qabilhom.  “Dak li jista’ jsir” qed jirriskja li jidfen il-”min” qed iwettaq u “għal min” qed isir.  Is-sistema teknokratika msejsa fuq il-kriterju tal-effiċjenza mhix tweġiba għall-mistoqsijiet l-aktar profondi li jagħmel il-bniedem; u jekk min-naħa mhux possibbli ngħaddu mingħajr ir-riżorsi li ttina, min-naħa l-oħra qed timponi l-loġika tagħha fuq min jużahom.  B’dankollu t-teknoloġija hi karatteristika tal-bniedem.  M’għandniex inqisuha bħala forza barranija jew ostili għalih imma bħala prodott tad-dehen tiegħu li bih jipprovdi għall-ħtiġijiet tal-ħajja għalih u għall-oħrajn.  Allura huwa manjiera speċifikament umana kif wieħed jgħix fid-dinja.  Madankollu, l-evoluzzjoni tal-ħila tekonoloġika tal-lum qed tipproduċi seħer perikoluż: minflok tagħti lill-ħajja umana l-istrumenti li bihom ittejjeb il-kura, qed nirriskjaw li lill-ħajja nassoġġettawha għal-loġika ta’ sistemi li jkunu huma li jiddeċidu l-valur tagħha.  Din il-gabirjola destinata li ttina riżultati xellerati: il-magna mhix qed tibqa’ tmexxi lilha nfisha biss, imma se tispiċċa biex tibda tmexxi hi lill-bniedem.  B’hekk ir-raġuni umana tispiċċa ssir razzjonalità li ċċedi għall-effetti, ħaġa li ma tistax tiqies denja tal-bniedem.

Sfortunatament qed naraw il-ħsara kbira li qed issir lill-pjaneta, id-dar komuni tagħna minħabba l-użu bla rażan tal-mezzi tekniċi.  Għaldaqstant il-bioetika hi front importanti li jeħtieġ l-impenn tagħna.  Din tesprimi l-għarfien ta’ kemm il-fatturi ambjentali u soċjali jolqtu fil-fond is-saħħa u l-ħajja.  Hija pjan li jarmonizza mal-ekoloġija integrali mfissra u nkoraġġita fl-Enċiklika Laudato sì.  Minbarra dan, fid-dinja tal-lum, immarkata b’interazzjoni sfiqa bejn id-diversi kulturi, jeħtieġ li nagħtu l-kontribut speċifiku tagħna bħala bnedmin li nemmnu għat-tifittxija ta’ kriterji ta’ ħidma maqbula universalment, u li jkunu punt ta’ riferiment komuni għall-għażliet li jridu jsiru fuq livell nazzjonali u internazzjonali.  Dan ifisser li nieħdu sehem fid-djalogu f’dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet umani billi nġibu għad-dawl id-dmirijiet ekwivalenti.  Dawn infatti, huma l-kamp tar-riċerka biex ikun hemm etika universali li dwarha nsibu bosta mistoqsijiet li t-tradizzjoni kkonfrontathom mill-ħażna tal-patrimonju tal-liġi naturali.

L-Ittra Humana communitas tfakkar espliċitament it-tema tat-teknoloġiji “emerġenti u konverġenti”.  Il-possibiltà ta’ interventi fuq materja ħajja f’daqsijiet dejjem iċken, li jkunu elaborati volumi ta’ informazzjoni dejjem aktar wesgħin, li jkunu kontrollati – u manipolati – il-proċessi ċerebrali tal-attività konjittiva u deliberattiva, għandhom implikazzjonijiet enormi: imissu l-għatba tal-istess speċifiċità bioloġika u tad-dfferenza spiritwali ta’ dak li hu uman.  F’das-sens jiena affermajt li “d-differenza tal-ħajja umana hi beni assolut” (n. 4).  Importanti ntennu: “l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u novitajiet tekonoloġiċi oħra għandhom jintużaw b’mod li jkunu ta’ kontribuzzjoni għas-servizz tal-umanità u għall-ħarsien tad-dar komuni tagħna, minflok iservu eżattament għall-maqlub ta’ dan, kif sfortunatament qed juru ċerti previżjonijiet” (Messaġġ lil-Forum Ekonomiku ta’ Davos, 12 ta’ Jannar 2018).  Id-dinjità li tappartjeni lil kull bniedem uman għandha titqiegħed b’rieda qawwija fiċ-ċentru tar-riflessjoni u tal-azzjoni tagħna.

Rigward dan, tajjeb nosservaw li d-denominazzjoni “intelliġenza artifiċjali”, minkejja li fiha effett, tirriskja li tqarraq.  It-terminoloġija taħbi l-fatt illi – f’wiċċ dak li jidher li hu soluzzjoni ta’ dmirijiet servili (hi t-tifsira oriġinali tat-terminu “robot”), l-awtomatiżmi funzjonali, mill-aspett ta’ kwalità, jibqgħu bogħod mill-karatteristiċi speċifii tal-għarfien u l-aġir uman.  U għaldastant jistgħu jsiru soċjalment perikolużi.  Wara kollox diġà għandna r-riskju reali li l-bniedem ikun teknoloġizzat, minflok li t-teknoloġija tkun umanizzata: dawn il-magni li ngħidu li huma “intelliġenti” bla ħsieb ta’ xejn qed ngħidu li kisbu ħiliet li huma propjament umani.

Jeħtieġ nifhmu aħjar, f’dal-kuntest, xi jfissru l-intelliġenza, il-kuxjenza, l-emottività, l-intenzjonalità affettiva u l-awtonomija tal-aġir morali.  L-apparati artifiċjali li jimitaw il-ħiliet umani, fir-realtà, huma neqsin mill-kwalitajiet umani.  Jeħtieġ nagħtu każ ta’ dan biex ir-regolamentazzjoni tal-użu tagħhom u l-istess riċerka, norjentawhom lejn interazzjoni kostruttiva u ekwa bejn il-bnedmin u l-aħħar verżjonijiet tal-magni.  Infatti, dawn qed jixterdu fid-dinja tagħna u qed jittrasformaw radikalment ix-xenarju tal-eżistenza tagħna.  Jekk dawn ir-riferimenti nagħrfu nsarrfuhom ukoll f’fatti, il-potenzjalitjaiet straordinarji tal-aħħar invenzjonijiet ikunu jistħu jferrgħu l-benefiċċji tagħhom fuq kull persuna u fuq l-umanità kollha kemm hi.

Id-dibattitu li għaddej bejn l-istess speċjalisti diġà qed juri l-gravità tal-problemi biex ikunu kontrollati l-algoritmi li jelaboraw kwantitajiet enormi ta’ “data”.  Kif ukoll, qed iqanqlu mistoqsijiet etiċi serji t-teknoliġiji li jimmanipulaw il-patrimonju ġenetiku u l-funzjonijiet tal-moħħ.  F’kull każ, it-tentattiv biex nispjegaw il-ħsieb, is-sensibbiltà, il-psike umana fuq bażi ta’ ġabra funzjonali tal-partijiet fiżiċi u organiċi, ma jqisx l-emerġenza tal-fenomeni tal-esperjenza u l-kuxjenza.  Il-fenomenu uman jisboq ir-riżultat miksub mill-muntaġġ kalkolabbli tal-elementi individwali.  F’dan il-qafas ukoll, tikseb profondità ġdida u tifsir akbar il-verità assoluta li l-kollox hu aqwa mill-parti (cfr Eż. App. Evangelii Gaudium, 234-237).

Min-naħa l-oħra, propju f’dil-linja tal-kumplessità u s-sinerġija tal-psike u t-techne, dak li nsiru nafu dwar l-attività tal-moħħ itina ħjiel ġdid dwar kif nifhmu l-kuxjenza (individwali u tad-dinja) u l-istess ġisem tal-bniedem: ma nistgħux ninfatmu min-nisġa tar-relazzjonijiet moltepliċi  biex nifhmu aktar fil-fond id-dimensjoni umana integrali.

Ċertament mid-”data” tax-xjenzi empiriċi ma nistgħux naslu għal konklużjonijiet meatfiżiċi.  Però nistgħu nisiltu minnhom xi indikazzjonijiet li jżoqqu r-riflessjoni antropoloġika, anki fit-teoloġija, kif, wara kollox, dejjem sar fl-istorja tagħha.  Infatti jkun deċiżament kuntrarju għat-tradizzjoni l-aktar ġenwina tagħna li niffissaw fuq apparat konċettwali anakronistiku, li hu bla ħila li jiddjaloga kif jixraq mat-trasformazzjonijiet tal-kunċett naturali u artifiċjali, ta’ kundizzjonament  u ta’ libertà, ta’ mezzi u ta’ għanijiet, imposti mill-kultura l-ġdida tal-imġieba karatteristika tal-era teknoloġika.  Aħna msejħin nimxu fit-triq mibdija b’tant deċiżjoni mill-Konċilju Vatikan II li ħeġġeġ it-tiġdid tad-dixxiplini teknoloġiċi flimkien ma’ riflessjoni kritika dwar ir-rabta bejn il-fidi nisranija u l-imġieba morali (cfr Optatum totius, 16).

L-impenn tagħna – anki dak intellettwali u speċjalistiku – għandu jkun punt ta’ ġieħ tas-sehem tagħna fl-alleanza etika favur il-ħajja umana.  Proġett, li issa, f’kuntest li fih l-apparat teknoloġiku dejjem aktar sofistikat jinvolvi direttament il-kwalitajiet umani tal-ġisem u tal-psike, hi urġenti li nikkollaboraw mal-irġiel u n-nisa impenajti fir-riċerka xjentifika u fil-ħidma tal-kura.  Hi biċċa xogħol iebsa fid-dawl tar-ritmu bla heda tal-innovazzjoni.  L-eżempju tal-imgħallmin tal-intelliġenza li temmen, li bid-dehen u l-kuraġġ daħlu fil-proċessi tal-kontemporanju bl-idea li jkun mifhum aħjar il-patrimonju tal-fidi mkejjel bir-raġuni denja tal-bniedem, għandu jtina l-kuraġġ u jsostnina.

Nawguralkom li tkomplu l-istudju u r-riċerka sabiex il-ħidma ta’ promzzjoni u difiża tal-ħajja tkun dejjem aktar effikaċi u għammiela.  Tgħinkom il-Verġni Marija u tkun magħkom il-barka tiegħi.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber