Nirringrazzja lill-Kardinal President għal dak li qal, nirringrazzja lilkom tal-kumpanija, tal-istedina, tax-xogħol.  Dak li qed tagħmlu hu importanti ħafna: tirriflettu fuq ir-realtà, imma tirriflettu mingħajr biża’, tirriflettu bl-intelliġenza.  Mingħajr biża’ u bl-intelliġenza.  U dan hu servizz.

Wieħed minnkom kien qed ikellimni dwar it-tliet “riduzzjoniżmi”, imma jien se nkellimkom dwar l-ewwel waħda biss: ir-riduzzjoniżmu antropoloġiku.  Jiena naħseb li dan il-waqt hu l-aktar żmien qawwi tar-riduzzjoniżmu antropoloġiku.  Qed jiġri lill-bniedem dak li jiġri lill-inbid meta jsir “grappa”: jgħaddi mil-lampik organiżżattiv.  Ma jibqgħax inbid, hu xi ħaġa oħra: forsi aktar utli, aktar kwalifikat, imma mhux inbid!  L-istess għall-bniedem: il-bniedem jgħaddi minn dal-lampik u jispiċċa – u dan qed ngħidu b’serjetà kbira! – biex jitlef l-umanità u jsir strument f’sistema, sistema soċjali, ekonomiku, sistema fejn jiddomina l-iskwilibriju.  Meta l-bniedem jitlef l-umanità tiegħu, x’nistennew?  Jiġri dak li nħoss li għandi ngħid b’lingwaġġ komuni: politika, soċjoloġija, atteġġjament “tal-iskart”: jitwarrab dak li mhux meħtieġ, għax il-bniedem mhux fiċ-ċentru.  U meta l-bniedem ma jkunx fiċ-ċentru, meta fiċ-ċentru jkun hemm xi ħaġa oħra, il-bniedem jispiċċa seftur ta’ din ix-xi ħaġa oħra.

Għalhekk l-idea hi li nsalvaw lill-bniedem, fis-sens li jirritorna fiċ-ċentru: fiċ-ċentru tas-soċjetà, fiċ-ċentru tal-ħsieb, fiċ-ċentru tar-riflessjoni.  Inġibu lill-bniedem mill-ġdid fiċ-ċentru.  U din hi biċċa xogħol kbira, u intom qed tagħmluha.  Nirringrazzjakom ta’ dil-ħidma.  Hu għalhekk li intom tistudjaw, tirriflettu, tiltaqgħu f’dawn il-laqgħat: biex il-bniedem ma jibqgħax ikun skartat.  Qed niskartaw lit-tfal għax il-livell tat-twelid – għall-anqas hawn fl-Ewropa – nafuh ilkoll; jitwarrbu l-anzjani għax ma jservux aktar.  U issa?  Qed tkun imwarrba ġenerazzjoni sħiħa ta’ żgħażagħ u dan hu gravissimu!  Rajt ċifra: 75 miljun żgħażagħ ta’ taħt il-25 sena, li m’għandhomx xogħol.  Iż-żgħażagħ “la dik u lanqas l-oħra” la jistudjaw u lanqas jaħdmu.  Ma jistudjawx għax m’għandhomx il-possibiltà, ma jaħdmux għax mhemmx xogħol x’jagħmlu.  Huwa skart ieħor!  X’se jkun l-iskart li jmiss?  Ejjew nieqfu la għadna fiż-żmien, jekk jogħġobkom!

Nirringrazzjakom tal-għajnuna li tagħtu bix-xogħol tagħkom, bir-riflessjoni tagħkom biex issewwu din is-sitwazzjoni skwilibrata u biex tirkupraw lill-bniedem u treġġgħuh lura fiċ-ċentru tar-riflessjoni u fiċ-ċentru tal-ħajja.  Huwa r-re tal-univers!  U din mhix teoloġija, mhix filosofija – hija realtà umana.  B’hekk nimxu ‘l quddiem.  Grazzi, grazzi bis-serjetà.  Grazzi!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber