Għeżież ħuti Isqfijiet,

 

Insellmilkom ilkoll minn qalbi fl-okkażjoni ta’ l-Assemblea Plenarja tal-Kunsill tal-Konferenzi Episkopali Ewropej u nirringrazzja lill-Kardinal Peter Erdő għall-kelmtejn li bihom fetaħ din il-laqgħa.

 

Bħala Rgħajja qrib tal-poplu tagħkom u attenti għall-ħtiġijiet tan-nies, intom tafu sewwa kemm huma kumplessi x-xenarji u rilevanti l-isfidi li, anki fl-Ewropa, ikollha tħabbat wiċċha magħhom il-Knisja.  Kif ktibt fl-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii gaudium, aħna msejħin biex inkunu Knisja “li toħroġ”, li timxi miċ-ċentru għall-periferija biex toħroġ tiltaqa’ ma’ kulħadd, bla biża’, bla ma toqgħod lura, b’kuraġġ appostoliku (nru 20).  Kemm aħwa, kemm sitwazzjonijiet, kemm kuntesti, anki l-iżjed diffiċli, għandhom bżonn tad-dawl tal-Vanġelu!

 

Għeżież ħuti, nixtieq nirringrazzjakom ta’ l-impenn li bih ilqajtu dan it-test.  Naf li dan id-dokument qed isir dejjem iżjed oġġett ta’ riflessjoni pastorali usa’ u spunt għall-mixjiet ta’ fidi u ta’ evanġelizzazzjoni f’tant parroċċi, komunitajiet u gruppi.  Anki dan hu sinjal ta’ komunjoni u ta’ għaqda fil-Knisja.

 

It-tema tal-Laqgħa Plenarja tagħkom, “Familja u futur ta’ l-Ewropa”, hi okkażjoni importanti biex tirriflettu flimkien fuq kif tagħtu iktar valur lill-familja, bħala riżorsa prezzjuża għat-tiġdid pastorali.  Jidhirli importanti li r-Rgħajja u l-familji jaħdmu id f’id, fi spirtu ta’ umiltà u djalogu sinċier, biex il-komunitajiet parrokkjali jsiru “familja ta’ familji”.  F’dan il-qasam, ixxettlu fi ħdan il-Knejjes lokali rispettivi tagħkom esperjenzi interessanti li jitolbu l-attenzjoni tagħkom u li fuqhom tistgħu tibnu kollaborazzjoni li tħalli l-frott.  Għarajjes li qed jgħixu b’serjetà kbira t-tħejjija għaż-żwieġ; koppji miżżewġa li jilqgħu l-ulied ta’ oħrajn f’affidament temporanju jew f’adozzjoni; gruppi ta’ familji li fil-parroċċi jew fil-movimenti jgħinu lil xulxin fil-mixja tal-ħajja u tal-fidi.  Ma jonqsux diversi esperjenzi ta’ pastorali tal-familji u ta’ impenn politiku u soċjali li jgħinu lill-familji, kemm dawk li qed jgħixu ħajja taż-żwieġ ordinarja, u kemm dawk milquta minn problemi jew tifrik.  Hu importanti li nagħmlu tagħna dawn l-esperjenzi sinifikattivi li huma preżenti fid-diversi oqsma tal-ħajja ta’ l-irġiel u n-nisa ta’ żmienna, u fuqhom nagħmlu d-dixxerniment opportun, biex imbagħad “indaħħluhom fix-xibka”, u hekk ninvolvu wkoll komunitajiet djoċesani oħra.

 

Il-kollaborazzjoni bejn Rgħajja u familji tasal ukoll fil-qasam ta’ l-edukazzjoni.  Diġà minnha nfisha, familja li twettaq tajjeb il-missjoni tagħha fil-konfront tal-membri tagħha hi skola ta’ umanità, ta’ fraternità ta’ mħabba, ta’ komunjoni, li tħejji ċittadini maturi u responsabbli.  Kollaborazzjoni miftuħa bejn realtajiet ekkleżjali u familja tiffavorixxi t-tkabbir ta’ spirtu ta’ ġustizzja, ta’ solidarjetà, ta’ paċi u anki ta’ kuraġġ fil-konvinzjonijiet tagħna.  Dan ifisser li rridu nwieżnu lill-ġenituri fir-responsabbiltà tagħhom li jedukaw lill-ulied, u nħarsu d-dritt essenzjali tagħhom li jagħtu lil uliedhom l-edukazzjoni li jaraw l-iktar xierqa.  Fil-fatt, il-ġenituri jibqgħu l-ewwel u l-ewlenin edukaturi ta’ wliedhom, u għalhekk għandhom id-dritt li jedukawhom skond il-konvinzjonijiet morali u reliġjużi tagħhom.  F’dan ir-rigward, nistgħu nfasslu direttivi pastorali komuni u kkordinati li għandna nieħdu, biex nippromovu u nwieżnu b’mod tajjeb lill-iskejjel Kattoliċi.

 

Għeżież ħuti, inħeġġiġkom tkomplu mexjin fil-impenn tagħkom favur il-komunjoni bejn id-diversi Knejjes ta’ l-Ewropa, biex hekk isseħħ kollaborazzjoni xierqa għal evanġelizzazzjoni li tħalli l-frott.  Nistedinkom anki tkunu “vuċi profetika” fi ħdan is-soċjetà, fuq kollox hemm fejn il-proċess ta’ sekularizzazzjoni li għaddej fil-kontinent Ewropew qed jipprova jwarrab dejjem iżjed fil-ġenb id-diskors fuq Alla.  Ħa tweżinkom f’din il-ħidma l-interċessjoni smewwija tal-Verġni Marija u tal-qaddisin Patruni ta’ l-Ewropa.  Nitlobkom titolbu għalija u nberikkom minn qalbi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard