DISKORS TAL-Q.T. IL-PAPA FRANĠISKU
LILL-PARTEĊIPANTI FIS-SIMPOŻJU TAL-'UNIONE INTERNAZIONALE DELLE BENEDETTINE

Sala tal-Konċistorju
Is-Sibt, 8 ta’ Settembru 2018

 

Padre Abate Primate, Suor Judith Ann, 
u intom ilkoll monaċi u sorijiet Benedettini
,

Merħba f'Ruma! Nirringrazzja lill-Padre Primat għall-kliem ta' introduzzjoni: għidtlu li t-Taljan tiegħu tjieb! Is-simpożju tagħkom huwa okkażjoni ta’ ġid għall-Benedittini tad-dinja kollha biex jgħixu flimkien ħin ta' talb u jirriflettu fuq il-modi diversi li bihom l-ispirtu ta' San Benedittu, wara elf u ħamis mitt sena, jibqa' jinħass u jaħdem fi żmienna. Jiena spiritwalment qrib tagħkom f'dawn il-jiem tal-laqgħa tagħkom.

Bħala tema intom għażiltu eżortazzjoni meħuda mill-kapitolu 53 tar-Regola ta' San Benedittu: "Li lkoll ikunu milqugħa bħal Kristu". Din l-espressjoni nisslet fl-Ordni Benedittin sejħa li tispikka ta' ospitalità, f’ubbidjenza għal dik il-kelma tal-Mulej Ġesù li tagħmel parti integranti tar-"regola ta' kondotta" tiegħu, kif imħabbra fl-Evanġelju ta' San Mattew: "kont barrani u lqajtuni" (25 , 35; ara l-Eżortazzjoni Apostolika Gaudete et exsultate, 102-103). Illum fid-dinja hawn ħafna nies li qegħdin ifittxu li jgħixu t-tenerezza, il-kompassjoni, il-ħniena u l-mod kif jilqagħna Kristu fil-ħajja tagħhom. Lilhom intom toffru rigal prezzjuż tax-xhieda tagħkom, meta tagħmlu lilkom infuskom strumenti tat-tenerezza ta' Alla għal dawk li huma fil-bżonn. Il-merħba tagħkom mogħtija lil nies ta' tradizzjonijiet reliġjużi differenti tgħin biex tmexxi 'l quddiem b’dilka spiritwali l-ekumeniżmu u d-djalogu interreliġjuż. Għal sekli sħaħ, il-postijiet Benedittini huma magħrufa bħala postijiet ta' merħba, talb u ospitalità ġeneruża. Nittama illi intom u tirriflettu flimkien fuq din it-tema u qsim ta’ esperjenzi, intom tkunu tistgħu twasslu biex ikun hemm modi varji li bihom tkunu tistgħu tkomplu, fil-monasteri tagħkom, din il-ħidma evanġelika tant meħtieġa.

Il-motto "Ora et labora" jpoġġi t-talb fiċ-ċentru tal-ħajja tagħkom. Iċ-ċelebrazzjoni ta’ kuljum tal-Quddiesa u tal-Liturġija tas-Sigħat tpoġġikom fil-qalba tal-ħajja ekkleżjali. Kuljum, it-talb tagħkom jagħni, biex ngħidu hekk, in-“nifs” tal-Knisja. Huwa talb ta’ tifħir, li bih tagħtu vuċi lill-umanità kollha u wkoll lill-ħolqien. Hija talba ta’ radd il-ħajr għall-benefiċċji ma jingħaddux u dejjem ġejjin tal-Mulej. Hija talba ta' supplika għat-tbatijiet u l-ansjetajiet tal-irġiel u n-nisa ta’ żmienna, speċjalment il-foqra. Hija talba ta' intercessjoni għal dawk li jsofru inġustizzji, gwerer u vjolenza, u jaraw id-dinjità tagħhom imkasbra. Intom ma tiltaqgħux fiżikament ma' dawn in-nies, imma intom ħuthom fil-fidi u fil-Ġisem ta' Kristu. Il-valur tat-talb tagħkom ma jistax jiġi kkalkulat, iżda ċertament huwa rigal l-iżjed prezzjuż. Alla jisma' dejjem it-talb tal-qlub umli u kollhom kompassjoni.Ngħidilkom grazzi wkoll għall-kura speċjali li għandkom għall-ambjent u għall-impenn tagħkom biex tippreservaw id-doni tad-dinja, sabiex kulħadd ikun jista’ jkollu sehem minnhom. Jiena naf li l-monaċi u s-sorijiet Benedittini fid-dinja huma amministraturi bravi ta’ dak li tana Alla. Bħala nisa, intom tħossu u tapprezzaw b'mod speċjali s-sbuħija u l-armonija tal-ħolqien. Il-monasteri tagħkom spiss jinstabu f'postijiet ta' sbuħija kbira fejn in-nies imorru biex jitolbu, isibu s-skiet u jikkontemplaw l-għeġubijiet tal-ħolqien. Inħeġġiġkom biex tkompli f'dan l-istil u f'dan is-servizz, sabiex ix-xogħlijiet ta' Alla jkunu jistgħu jkunu ammirati u jkellmu dwaru lil ħafna bnedmin.

Il-ħajja tagħkom fil-komunità tagħti xhieda tal-importanza tal-imħabba u r-rispett reċiproku. Fil-fatt, intom ġejjin minn postijiet u esperjenzi differenti, u intom stess differenti minn xulxin, għaldaqstant li persuna tilqa’ lill-oħra huwa l-ewwel sinjal li qed tagħtu f'dinja li ssibha bi kbira biex tgħix dan il-valur. Aħna lkoll ulied Alla u t-talb tagħkom, ix-xogħol tagħkom, l-ospitalità tagħkom, il-ġenerożità tagħkom, jikkonkorru biex juru fil-beraħ komunjoni f'diversità li tesprimi t-tama ta' Alla għad-dinja tagħna: unità magħmula minn paċi, u minn imħabba fraterna.

Għeżież sorijiet, jiena nakkumpanjakom bit-talb. Intom qegħdin iġġorru rigal prezzjuż għall-ħajja tal-Knisja bit-testimonjanza femminili ta' tjubija, fidi u ġenerożità, f'imitazzjoni tal-Omm Imqaddsa tal-Knisja, il-Verġni Marija. Intom ikoni tal-Knisja u tal-Madonna: tinsewhx dan. Ikoni. Min jara lilkom, jara l-Knisja Omm u ’l Madonna Omm Kristu. Għal dan infaħħru lill-Mulej u nirringrazzjawkom. Nitlobkom, jekk jogħġbkom, biex titolbu għalija u nbierek bil-qalb lilkom, il-komunitajiet tagħkom u dawk kollha li intom taqdu fl-isem Kristu. Grazzi!

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Louis Spiteri