Għeżież ħbieb,

Nagħtikom merħba minn qiegħ qalbi u rrodilkom ħajr għall-kliem ta’ kortesija li ndirizzajtuli.  Il-predeċessuri tiegħi Ġwanni Pawlu II u Benedittu XVI kienu diġà ltaqgħu ma’ delegazzjonijiet tal-organiżżazzjoni tagħkom li għandha relazzjoni mas-Santa Sede sa minn żmien il-Konċilju Vatikan II.  Jien grat li dawn il-kuntatti baqgħu jissaħħu dejjem: l-istess kif enfasiżżajtu intkom, il-laqgħat ta’ bejnietna huma xhieda oħra, minbarra tal-impenn komuni, ukoll tal-qawwa benefika tar-rikonċiljazzjoni, li tfejjaq u tittrasforma r-relazzjonijiet.  Għal dan niżżu ħajr ‘l Alla li żgur jifraħ meta jara l-ħbiberija sinċiera u s-sentimenti fraterni li llum jeżistu bejn l-Għebrej u l-Kattoliċi;  b’hekk mas-Salmista  nistgħu ntennu: «Kemm hi ħaġa sabiħa u sewwa li l-aħwa jgħixu flimkien! (....) Għax hemm il-Mulej jagħti l-barka, hemm jagħti l-ħajja ta’ dejjem» (salm 133, 1.3).

Jekk il-kultura tal-laqgħa u tar-rikonċiljazzjoni jiġġeneraw il-ħajja u jipproduċu t-tama, in-non-kultura tal-mibgħeda tiżra’ l-mewt u taħsad id-disperazzjoni.  Is-sena li għaddiet mort fil-kamp tal-konċentrament ta’ Auschwitz-Birkenau.  M’hemmx kliem u ħsibijiet addattati quddiem orruri bħal dawn ta’ krudeltà u dnub; hemm it-talb, sabiex Alla jkollu ħniena u biex traġedji bħal dawn ma jirrepetux ruħhom.  Għaldaqstant inkomplu ngħinu lil xulxin, kif kien awgura San Ġwanni Pawlu II «nibqgħu nġeddu t-tifkira ħalli taqdi r-rwol tagħha fil-proċess ta’ bini ta’ futur li fih l-inġustizzja li ma titfissirx tax-Shoah qatt ma tista’ terġa’ tkun possibbli» (Ittra ta’ introduzzjoni għad-dokument Aħna niftakru: riflessjoni fuq is-Shoah, 12 ta’ Marzu, 1998): futur ta’ rispett awtentiku għall-ħajja u għad-dinjità ta’ kull poplu u kull ħlejqa umana.

Sfortunatament, l-atteġġjament anti-semitiku, li jien nikkundanna mill-ġdid, f’kull għamla tiegħu, li hu kuntrarju għall-kull prinċipju Nisrani u ta’ kull viżjoni li hi denja tal-bniedem, illum għadu mxerred ħafna.  Intenni li «l-Knisja Kattolika tħoss id-dmir partikolari li tagħmel dak kollu li tista’, flimkien ma’ ħbiebna l-Għebrej, biex tikkumbatti t-tendenzi anti-semitiċi» (Kummissjoni għar-relazzjonijiet reliġjużi mal-Għebrajiżmu,  Għaliex id-doni u sejħa t’Alla huma irrevokabbli, 47).

Illum aktar mil-passat, it-taqbida kontra l-anti-semitiżmu tista’ tgawdi mill-frott ta’ strumenti effikaċi bħalma huma l-informazzjoni u l-formazzjoni.  Rigward dan, nirringrazzjakom għall-ħidma tagħkom u għax it-taqbida tagħkom kontra d-diffamzzjoni u l-impenn tagħkom biex tedukaw hu akkumpanjat mill-promozzjoni tar-rispett lejn kulħadd u l-ħarsien tal-aktar dgħajfa.  Il-ħarsien tat-teżor sagru ta’ kull ħajja umana, mill-konċepiment sat-tmiem, bil-protezzjoni tad-dinjità, hi l-aħjar triq biex nilqgħu għal kull għamla ta’ vjolenza.  Quddiem il-ħafna vjolenza li d-dinja hi mfawra biha, aħna msejħin biex nagħmlu aktar non-vjolenza, li ma tfissirx li nibqgħu passivi, imma li nippromwovu attivitajiet ta’ ġid.  Infatti, jekk hu meħtieġ li nqaċċtu l-ħaxixa tal-ħażen, huwa ta’ urġenza akbar li niżirgħu t-tajjeb: nikkultivaw il-ġustizzja, inkabbru l-konkordja, insostnu l-integrazzjoni mingħajr heda: b’hekk biss inkunu nistgħu naħsdu l-frott tal-paċi.  Jien inħeġġiġkom biex tagħmlu dan bil-konvinzjoni li jekk inkunu disposti li noffru l-mezzi għal ħajja denja, nippromwovu l-kultura u niffavorixxu l-libertà tal-kult, anki billi nipproteġu ‘l min jemmen u lir-reliġjonijiet minn kull manifestazzjoni ta’ vjolenza u strumetaliżżazzjoni, dawn huma l-aħjar mediċina biex il-mibgħeda ma tgħollix rasha.

Jiena grat lejkom ukoll minħabba d-djalogu li, f’livelli differenti, intom qed tkomplu tagħmlu mal-Knisja Kattolika.  Fuq l-impenn komuni u fuq il-mixja ta’ ħbiberija u fiduċja fraterna li qed nagħmlu flimkien nitlob il-barka tal-Omnipotenti: fit-tjubija tiegħu Hu jakkumpanjana u jgħinna biex inwasslu lill-oħrajn il-frott tat-tajjeb.  Shalom alechem!

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber