Għeżież ħuti,

Nieħu gost niltaqa’ magħkom, l-aktar għax f’dawn l-aħħar jiem iddiskutejtu tema ta’ importanza kbira għall-ħajja tal-Knisja fil-ħidma tagħha ta’ evanġelizzazzjoni u formazzjoni Nisranija: Katekeżi u Persuni b’Diżabilità. Nirringrazzja lill-E.T. Mons Fisichella għall-introduzzjoni tiegħu, lid-dikasteru li huwa jmexxi għas-servizz li jagħti, u lilkom ilkoll li taħdmu f’dan il-qasam.

Aħna nafu dwar l-iżvilupp kbir li sar f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin f’dak kollu li għandu x’jaqsam mad-diżabilità. Iż-żieda fl-għarfien tad-dinjità ta’ kull persuna, speċjalment ta’ persuni l-aktar dgħajfa, wasslet għat-teħid ta’ pożizzjonijiet kuraġġużi għall-inklużjoni ta’ dawk li jgħixu b’diversi forom ta’ diżabilità, biex ħadd ma jkollu għalfejn iħossu barrani f’daru stess. Madankollu, fuq livell kulturali, għadhom jeżistu espressjonijiet li jweġġgħu d-dinjità ta’ dawn il-persuni minħabba l-prevalenza ta’ kunċetti foloz tal-ħajja.

Viżjoni, li hija bosta drabi narċisistika u utilitarja, sfortunatament twassal biex ħafna jimmarġinalizzaw il-persuni b’diżabilità, mingħajr ma jaraw fihom il-ġid uman taħt diversi forom kif ukoll il-ġid spiritwali. Attitudni li tiċħad din is-sitwazzjoni, bħallikieku hi tostakula l-ferħ u r-realizzazzjoni tal-persuna, għadha qawwija ħafna fil-mentalità ta’ kulħadd. Dan jidher ċar mit-tendenza ewġenika li jinqerdu trabi mhux imwielda meta jidher li se jkun hemm xi forma ta’ diżabilità. Fir-realtà, aħna lkoll nafu ħafna nies li bil-fraġilità tagħhom, ukoll f’każi serji, irnexxielhom jgħixu ħajja mimlija skop, avolja b’xi tbatija. L-istess, bħalma min-naħa l-oħra, nafu b’nies li jidhru perfetti imma fl-istess ħin jinsabu ddisprati! Barra minn hekk, huwa żball qarrieqi u perikoluż li naħsbu li aħna m’aħniex vulnerabbli. Bħalma qaltli tifla li ltqajt magħha fil-vjaġġ li għamilt dan l-aħħar fil-Kolumbja: li l-vulnerabiltà hija parti mill-essenza tal-bniedem.

It-tweġiba hija l-imħabba: mhux dik falza, sentimentali żżejjed u li tqanqal ħniena, imma dik vera, soda u mibnija fuq ir-rispett. Tant li fiha aħna nħossuna milqugħin u maħbubin, inklużi fil-komunità u megħjuna biex inħarsu lejn il-ġejjieni b’fiduċja li twassal għall-iżvilupp veru tal-ħajja u nesperjenzaw ferħ dejjiemi. Dan nafuh, hu validu għal kulħadd, imma l-aktar element fraġli hija l-prova.

Il-fidi hija sieħba kbira fil-ħajja meta tħallina mmissu b’idejna l-preżenza tal-Missier li qatt ma jabbanduna l-kreaturi tiegħu fl-ebda kundizzjoni ta’ ħajjithom. Il-Knisja ma tistax tkun bla vuċi jew truxa fid-difiża u t-tisħiħ tal-persuni b’diżabilità. Il-Knisja trid tkun qrib il-familji, biex tgħinhom jegħlbu s-solitudni li bosta drabi jingħalqu fiha minħabba nuqqas ta’ attenzjoni u appoġġ. Din hi aktar u aktar valida fir-responsabiltà li għandha fil-ħolqien u l-formazzjoni tal-ħajja Nisranija. Ma nistgħux inħallu li fil-komunitajiet tagħna jkun hemm nuqqas ta’ komunikazzjoni bil-kelma u, fuq kollox, bil-ġesti biex niltaqgħu ma’ u nħaddnu persuni b’diżabilità. B’mod partikulari jeħtieġ li l-liturġija tal-Ħadd tkun inklusiva, biex b’hekk il-laqgħa ma’ Kristu Rxoxt u mal-istess komunità tkun tista’ tkun għajn ta’ tama u kuraġġ f’ħajja li mhix dejjem daqstant faċli.

Il-Katekeżi, b’mod speċjali, hija msejħa biex tiskopri u tesperimenta b’forom li jagħmlu sens biex kull persuna, bid-doni tagħha, bil-limitazzjonijiet u d-diżabilitajiet anke serji tagħha, tiltaqa’ mal-Mulej u b’fidi terħi ruħha f’idejh. L-ebda limitazzjoni fiżika jew mentali m’għandha tkun ostaklu għal din il-laqgħa, għax il-wiċċ ta’ Kristu jixgħel fl-intimità ta’ kull persuna.

Barra minn hekk, noqogħdu attenti, speċjalment aħna, il-ministri tal-grazzja ta’ Kristu, li ma naqgħux fin-nassa tal-ereżiji neo-Pelaġjani li ma nagħrfux il-qawwa tal-grazzja li tiġi mis-Sagramenti tal-inċepiment Kristjan. Ejjew nitgħallmu negħlbu l-iskumdità u l-biża’ li kultant jinħassu fejn jidħlu persuni b’diżabilità. Ejjew nitgħallmu nfittxu u anke noħolqu, b’intelliġenza, għodda xierqa biex ħadd ma jkun nieqes mill-appoġġ tal-grazzja. Ejjew inħarrġu – l-ewwel nett bl-eżempju! – katekisti li huma kapaċi li jakkumpanjaw dawn il-persuni biex ikunu jistgħu jikbru fil-fidi u jagħtu kontribut ġenwin u oriġinali lill-ħajja tal-Knisja. Fl-aħħar nett, nittama li fil-komunitajiet, persuni b’diżabilità jkunu jistgħu huma wkoll ikunu katekisti, anke bix-xhieda tagħhom, biex ixerrdu l-fidi b’mod aktar effettiv.

Nirringrazzjakom għall-ħidma tagħkom f’dawn il-ġranet u għas-servizz li tagħtu fi ħdan il-Knisja. Jalla l-Madonna tkun magħkom. Inberikkom b’qalbi kollha u nitlobkom, jekk jogħġobkom, biex ma tinsewx titolbu għalija. Grazzi.

 

Papa Franġisku

 

 

 

Miġjub għall-Malti minn Victor Formosa