Għeżież Ħuti,

Insellmilkom minn qiegħ qalbi fl-okkażjoni tal-Assemblea ġenerali tagħkom li hi msejħa biex tirrifletti fuq it-tema: “Assistenza lill-anzjan u l-kura palljativa” u nrodd ħajr lill-President għad-diskors ġentili li ndirizzali.  Nixtieq nirringrazzja b’mod speċjali lill-Kardinal Sgreccia li hu pijunier… Grazzi.

Il-kura palljativa hi espressjoni ta’ attitudni propja tal-bnedmin li jieħdu ħsieb xulxin, speċjalment ta’ min qed ibati.  Din il-kura turu li l-persuna umana hija dejjem prezzjuża anki meta tkun iġ[orr il-piż tal-anzjanità jew tal-mard.  Infatti, f’kull ċirkostanza, il-persuna hija ta’ siwi għaliha nfisha u għall-oħrajn u hi maħbuba minn Alla.  Għalhekk, meta ħajjitha ssir fraġli ħafna u tkun qed tersaq lejn it-tmiem tal-eżistenza tagħha fid-dinja, aħna nħossu r-responsabbiltà li ngħinuha u nakkumpanjawha bl-aħjar mod possibbli.

Il-Kmandament Bibliku li jitlobna nweġġgħu lill-ġenituri, fis-sens wiesa’ tiegħu ifakkarna li għandna nagħtu ġieħ lill-persuni anzjani kollha.  Ma’ dan il-Kmandament Alla jorbot wegħda doppja: «biex jitwalu jiemek» (Eż 20,12) u l-oħra - «biex int tkun hieni» (Dewt 5,16). ).  Il-fedeltà lejn ir-raba’ Kmandament taċċertana mhux biss mid-don tal-art imma wkoll mit-tgawdija tagħha.  Infatti l-għerf li bih nagħrfu l-valur tal-persuna anzjana u ntuha ġieħ, huwa l-istess għerf li jgħinna napprezzaw il-bosta doni li nirċievu ta’ kuljum mill-idejn providenti tal-Missier, li jhennuna.  Il-preċett jurina x’inhi r-relazzjoni pedagoġika fundamentali bejn il-ġenituri u l-ulied, bejn l-anzjani u ż-żgħażagħ f’dak li jolqot it-trażmissjoni tat-tagħlim reliġjuż u sapjenzjali tal-ġenerazzjonijiet futuri.  Il-ġieħ li jingħata lil dan it-tagħlim u lil min jgħaddih lill-oħrajn, hu minnu nnifsu għajn ta’ ħajja u barka.

Għall-kuntrarju, il-Bibbja ċċanfar bil-kbir lil min jittraskura jew jittratta ħażin lill-ġenituri (Eż 21,17; Lev 20,9).  L-istess ġudizzju għadu jgħodd illum meta l-ġenituri jsiru anzjani u tonqos l-utilità tagħhom u jiġu emarġinati sakemm jisfaw abbandunati; illum aħna mimlijin eżempji ta’ dan!

Il-Kelma t’Alla hi dejjem ħajja u nafu tajjeb li l-Kmandament hu ta’ attwalità urġenti għas-soċjetà kontemporanja li fiha taħkem il-loġika tal-utilità fuq dik tas-solidarjetà u l-gratwità, saħansitra fi ħdan l-istess familji.  Ejjew għalhekk nisimgħu b’qalb mansweta l-Kelma t’Alla li jtuna l-Kmandamenti li, niftakru dejjem, mhumiex rabtiet ta’ jasar imma kliem ta’ ħajja.

Illum, il-kelma “ġieħ” nistgħu nifhmuha wkoll bħala d-dmir li jkollna rispett assolut u li nieħdu ħsieb lil min, minħabba l-kundizzjoni fiżika jew soċjali tiegħu, jitħalla jmut jew inkella “jingħata l-mewt”.  Il-mediċina kollha għandha rwol speċjali fi ħdan is-soċjetà biex tkun xhieda tal-ġieħ li hu dovut lejn il-persuna anzjana u lejn kull kewn uman.  L-evidenza u l-effiċjenza m’għandhomx ikunu l-uniċi kriterji li jmexxu l-aġir tat-tobba, li anqas m’għandhom ikunu mxekklin mir-regoli tas-sitemi tas-saħħa u l-profitt ekonomiku.  L-Istat qatt ma jista’ jippretendi li għandu jagħmel profitt mill-mediċina.  Għall-kuntrarju, għas-soċjetà ebda dmir mhu akbar mit-tħaris tal-persuna umana.

Xogħolkom matul dawn il-jiem hu li tesploraw oqsma ġodda kif tiġi applikata l-kura palljativa.  S’issa din il-kura serviet ta’ akkumpanjament prezzjuż għall-morda bil-kanċer, imma llum hemm ħafna aktar mard, spiss marbut mal-anzjanità, li għandu karatteristika kronika progressiva li jista’ jikseb gwadann minn dan it-tip ta’ assistenza.  L-ewwel m’għandhom bżonn l-anzjani hu l-kura tal-familjari tagħhom – għax l-imħabba tagħhom ma tista’ qatt teħdilha postha lanqas l-aktar struttura effiċjenti jew l-attenzjoni tal-ħaddiema tas-saħħa l-aktar kompetneti u karitatevoli.  Meta ma jkunux jistgħu jieħdu ħsieb tagħhom infushom aktar, mirkubin mill-mard jew mill-mard terminali, l-anzjani jistgħu jgawdu minn assistenza verament umana u jirċievu għajnuna addattata għall-ħtiġijiet tagħhom, grazzi għall-kura palljativa li jingħataw integrata mis-sapport tal-kura li jtuhom il-familjari tagħhom.  Il-kura palljativa għandha l-għan li ttaffi t-tbatija fil-fażi finali tal-marda u fl-istess ħin, lill-pazjent tipprovdilu akkumpanjament uman addattat (Enċ Evangelium Vitae, 65).  Dan hu sapport importanti speċjalment għall-anzjani li, minħabba l-età, qed tonqsilhom dejjem aktar l-attenzjoni tal-mediċina li tfejjaq u spiss jisfaw abbandunati.  L-abbandun huwa l-akbar marda li jista’ jkollu l-anzjan u hu wkoll l-akbar inġustizzja li jista’ jsofri: dawk li għenuna nikbru m’għandhomx jisfaw abbandunati meta l-aktar ikollhom bżonn l-għajnuna tagħna, imħabbitna u t-tenerezza tagħna.

Għalhekk jien napprezza l-impenn xjentifiku u kulturali tagħkom biex taċċertaw li l-kura palljativa tkun tista’ tilħaq lil kull min jeħtieġha.  Ninkoraġġixxi lill-professjonisti u l-istudenti biex jispeċjaliżżaw f’dan it-tip ta’ assistenza li minkejja li mhux immirata biex issalva l-ħajja, il-valur tagħha mhux b’inqas minn kull kura oħra.  Il-kura palljativa twettaq xi ħaġa li hija importanti ħafna: tagħti valur lill-persuna.  Inħeġġeġ lil kull min, b’xi mod jew ieħor hu mpenjat fil-qasam tal-kura palljativa, biex jieħu l-impenn tiegħu b’attitudni li tikkonserva l-ispirtu ta’ servizz u jiftakar li kull għarfien mediku hu verament xjenza fit-tifsira l-aktar nobbli tagħha, biss, meta jkun ta’ għajnuna għall-ġid tal-bniedem, ġid li qatt ma jista’ jsir b’azzjonijiet kontra ħajtu u d-dinijità tiegħu.

Il-veru progress tal-mediċina u tas-soċjetà kollha kemm hi jitkejjel biss mill-ħila li jkun ta’ servizz għall-ħajja u d-dinjità tal-persuna marida.  Intenni l-appell ta’ San Ġwanni Pawlu II: «Irrispetta, iddefendi, ħobb u aqdi l-ħajja, kull ħajja umana! F’din it-triq biss issib il-ġustizzja, l-iżvilupp, il-libertà vera, il-paċi u l-hena! (ibid., 5)

Nawguralkom li tkomplu r-riċerka u l-istudju tagħkom biex ix-xogħol ta’ promozzjoni u difiża tal-ħajja jkun dejjem aktar effikaċi u għammiel.  Tkun ta’ għajnuna għalikom il-Verġni Marija, Omm il-ħajja u magħkom ikollkom dejjem il-barka tiegħi.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber