Mgr Kevin Joseph Farrell, Isqof
Irlandiż ta' Dallas fl-Istati
Uniti, kien maħtur mill-Papa
Franġisku biex imexxi id-Dikasteru
l-ġdid għal-Lajċi, għall-Familja
u l-Ħajja.
Bil-motu
propju. Sedula Mater,
mogħti fil-Vatikan fil-15 ta'
Awwissu 2016 u li huwa miġjub
għall-Malti f'din il-paġna,
kienu magħquda flimkien
il-Kunsill Pontifiċju
għall-Familja, li kien imexxi
minn Mgr Vincenzo Paglia u
Kunsill Pontifiċju għal-Lajċi li
kien immexxi mill-Kardinal
Stanislaw Rylko. |
ITTRA APPOSTOLIKA
[“SEDULA
MATER”]
F’GĦAMLA TA’ “MOTU PROPJU”
TAL-QDUSIJA TIEGĦU
FRANĠISKU
għat-twaqqif tad-Dikasteru
għal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja
Il-Knisja, omm l-aktar għażiża,
matul il-medda tas-seklu dejjem
ħadet ħsieb u tat kas tal-lajċi,
il-familja u l-ħajja, u hekk
uriet l-imħabba tal-Feddej ħanin
lejn il-bnedmin kollha. Aħna
stess, minħabba fl-uffiċċju
tagħna ta’ Ragħaj tal-merħla
tal-Mulej, rajna li nħabirku
f’waqtu biex l-għana ta’ Kristu
Ġesù jixtered kif imiss u b’ġid
għall-fidili kollha.
Għalhekk, b’reqqa liema bħalha
qed naraw li d-Dikasteri
tal-Kurja Rumana jiġu adattati
għax-xejriet ta’ żmienna u
għall-ħtiġijiet tal-Knisja
universali. B’mod partikulari,
ħsiebna jmur fuq il-lajċi,
il-familja u l-ħajja, li
nixtiequ noffrulhom tweżin u
għajnuna, biex ikunu xhieda
ħabrieka tal-Vanġelu fi żmienna
u espressjoni tat-tjieba
tal-Feddej.
Għalhekk, wara li wżinna kull
ħaġa bir-reqqa kollha,
bl-awtorità Appostolika tagħna
qed inwaqqfu d-Dikasteru
għal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja,
li jkun irregolat minn Statuti
apposta. Il-kompetenzi u
l-funzjonijiet li sa issa kienu
tal-Kunsill Pontifiċju
għal-Lajċi u tal-Kunsill
Pontifiċju għall-Familja, mill-1
ta’ Settembru li ġej sa jiġu
mgħoddija f’idejn dan
id-Dikasteru, u hekk jieqfu
jeżistu għalkollox l-imsemmija
Kunsilli Pontifiċji.
Dak li hu stabbilit hawn
nixtiequ li jkollu valur issa u
’l quddiem, minkejja kull ħaġa
kuntrarja.
F’Ruma, f’San Pietru, taħt
il-ħatem tas-Sajjied, 15 ta’
Awwissu 2016, fis-Solennità
tat-Tlugħ fis-Sema tal-Verġni
Mqaddsa Marija, fil-Ġublew
tal-Ħniena, fir-raba’ sena
tal-Pontifikat tagħna.
Franġisku
|