LAIKOS.org

Segretarjat għal-Lajċi, Malta.

 

2

Stampa t-test kollu tal-intervista                                                                                                         Ara l-oriġinal fil-Corriere della Sera

“Jien bniedem normali li nħossni kuntent ngħix ta’ qassis”

Il-Papa Franġisku f’intervista minn Ferrucio de Bartoli tal-Corriere della Sera,

5 ta’ Marzu 2014

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 

 

Għaddiet sena minn dik is-sempliċi “Il-lejla t-tajba” li messet qalb id-dinja kollha. 

Il-medda ta’ tnax-il xahar hekk intensi – u mhux għall-ħajja tal-Knisja biss – bi tbatija żżomm fi ħdanha l-ħsad kbir ta’ ħwejjeġ ġodda u tant sinjali qawwija ta’ l-innovazzjoni pastorali ta’ Franġisku.  Qegħdin f’kamra ċkejkna f’Santa Marta.  Fiha tieqa waħda li tagħti għal fuq bitħa ċkejkna fuq ġewwa tal-bini mnejn tidher roqgħa żgħira tas-sema kaħlan.  Il-ġurnata hi sabiħa ħafna, donnha r-Rebbiegħa, pjuttost sħuna.  F’daqqa waħda minn bieb minnhom jitfaċċa l-Papa, kważi b’sorpriża, b’dehra trankwilla u ferrieħa fuq wiċċu.  Jitbissem malli jilmaħ tant recorders li ġurnalist qiegħed fuq il-mejdina bl-inkwiet li jista’ jinsa xi ħaġa milli jkun sema’!  “Jaħdmu?  Iva?  Tajjeb”.  L-evalwazzjoni ta’ sena sħiħa?  Le, l-evalwazzjonijiet ma jogħġbuhx.  “Nagħmilhom biss kull ħmistax, mal-konfessur tiegħi”.

 

 

 

Santità, int kultant iċċempel lil min jitolbok l-għajnuna.  U xi drabi ma jemmnukx.

Iva, ġratli.  Meta wieħed iċempel, dan jagħmlu għax jixtieq jitkellem, għandu xi mistoqsija x’jagħmel, parir x’jitlob.  Meta kont għadi saċerdot fi Buenos Aires, kien iżjed sempliċi nagħmilha.  U baqgħet drawwa tiegħi.  Servizz.  Inħossu ġo fija.  Naturalment, issa m’hux daqshekk faċli nagħmilha, meta hemm tant nies li jiktbuli.

 

U hemm xi persuna li kkuntattjatek, xi laqgħa li għadek tiftakar b’għożża partikulari?

Waħda mara armla, ta’ tmenin sena, li kienet tilfet lil binha.  Kitbitli.  U issa kull xahar inċemplilha naqra.  Tieħu gost.  Jien saċerdot.  U hekk nieħu gost ngħix.

 

 

 

 

Ir-relazzjonijiet tiegħek mal-predeċessur tiegħek.  Qatt tlabtu xi parir lil Benedittu XVI?

Iva.  Il-Papa Emeritu m’hux xi statwa f’mużew.  Hu istituzzjoni.  Ma konniex imdorrijin hekk.  Sittin jew sebgħin sena ilu, l-Isqof Emeritu ma kienx jeżisti.  Inħoloq wara l-Konċilju.  Il-lum hu istituzzjoni.  L-istess ħaġa għad trid tiġri fil-każ tal-Papa Emeritu.  Benedittu hu l-ewwel wieħed u forsi għad ikun hemm oħrajn.  Ma nafux.  Hu prudenti, umli, jibqa’ lura biex ma jiddisturbax.  Dwar dan tkellimna u flimkien iddeċidejna li jkun aħjar jekk jiltaqa’ man-nies, joħroġ u jieħu sehem fil-ħajja tal-Knisja.  Ġie hawn darba għat-tberik ta’ l-istatwa ta’ San Mikiel Arkanġlu, imbagħad għall-pranzu f’Santa Marta u, wara l-Milied, stedintu jieħu sehem fil-Konċistorju u hu aċċetta.  L-għerf tiegħu hu don minn Alla.  Kien hemm min riedu jirtira f’abbazija Benedittina ’l bogħod mill-Vatikan.  Jiena ġewni f’moħħi n-nanniet li bl-għerf tagħhom, bil-pariri tagħhom isaħħu l-familja u ma jixirqilhomx li jispiċċaw f’dar tax-xjuħ.

 

 

 

Il-mod ta’ kif int qed tmexxi lill-Knisja jidhrilna li hu dan: int tisma’ lil kulħadd u tiddeċiedi waħdek.  Ftit jew wisq bħall-Ġeneral tal-Ġiżwiti.  Il-Papa hu bniedem ta’ waħdu?

Iva u le.  Nifhem xi trid tgħidli.  Il-Papa m’hux waħdu fix-xogħol tiegħu għax miegħu għandu ħafna li jagħtuh il-pariri.  U kien ikun bniedem ta’ waħdu kieku jiddeċiedi mingħajr ma jisma’ jew jippretendi biss li qed jisma’.  Imma jiġi l-mument li fih ikollu jiddeċiedi, ipoġġi l-firma fuq il-karta, u hawn hu waħdu bis-sens tiegħu ta’ responsabbiltà.

 

Int ġibt miegħek il-ġdid, ikkritikajt ċerti mġibiet tal-kleru, heżżiżt il-Kurja.  Mhux mingħajr reżistenza u xi oppożizzjoni.  Il-Knisja diġà nbidlet kif xtaqtha int sena ilu?

Jien f’Marzu li għadda ma kelli l-ebda pjan għal bidla fil-Knisja.  Ma kontx qed nistenna dan it-trasferiment ta’ djoċesi, ħa ngħidu hekk.  Bdejt immexxi billi nipprova nqiegħed fil-prattika dak li kien ħareġ mid-dibattitu bejn il-kardinali fid-diversi kongregazzjonijiet li kienu ltaqgħu.  Fil-mod kif naġixxi nistenna lill-Mulej jispirani.  Ħa nagħtik eżempju.  Kien sar xi diskors dwar il-kura spiritwali tal-persuni li jaħdmu fil-Kurja, u bdejna nagħmlu l-irtiri spiritwali.  Kellha tingħata aktar importanza lill-Eżerċizzi Spiritwali ta’ kull sena: kulħadd għandu dritt jgħaddi ħamest ijiem fis-silenzju u l-meditazzjoni, waqt li qabel fil-Kurja kienu jisimgħlu tliet priedki kuljum u mbagħad ikomplu għaddejjin bix-xogħol.

 

 

Il-ħlewwa u l-ħniena huma l-essenza tal-messaġġ pastorali tiegħek…

U tal-Vanġelu.  Din hi l-qalba tal-Vanġelu.  Inkella ma nifhmuhx lil Ġesù Kristu, il-ħlewwa tal-Missier li jibagħtu biex jismagħna, biex ifejjaqna, biex jifdina.

 

Imma nftiehem dan il-messaġġ?  Int għidt li l-“Franġiskumanija” m’hix sa tibqa’ fit-tul.  Hemm xi ħaġa fl-immaġni pubblika tiegħek li ma togħġbokx?

Nieħu gost inkun qalb in-nies, ma’ min qed ibati, immur inżur il-parroċċi.  Ma jogħġbunix l-interpretazzjonijiet ideoloġiċi, ċerta mitoloġija tal-Papa Franġisku.  Meta, ngħidu aħna, jingħad li dan joħroġ mill-Vatikan bil-lejl biex imur jagħti x’jieklu lill-foqra li jorqdu f’Via Ottaviano.  Qatt ma ħabat ma’ moħħi.  Sigmund Freud, jekk ma niżbaljax, kien jgħid li f’kull idealizzazzjoni hemm aggressjoni.  Li tpinġi lill-Papa donnu kien xi Superman, speċi ta’ stilla, għalija hi offiża.  Il-Papa hu bniedem li jidħak, jibki, jorqod trankwill u għandu ħbieb bħal kulħadd.  Persuna normali.

 

 

 

 

Nostalġija għall-Arġentina tiegħek?

Il-verità hi li m’għandix nostalġija.  Nixtieq nista’ mmur nara lil oħti, li hi marida, l-aħħar waħda minna l-ħamsa.  Nixtieq nista’ naraha, imma dan ma jiġġustifikax vjaġġ lejn l-Arġentina: inċemplilha bit-telefon u dan hu biżżejjed.  Ma naħsibx li ħa mmur qabel l-2016, għax fl-Amerika Latina diġà kont, f’Rio.  Issa rrid immur l-Art Imqaddsa, l-Asja, imbagħad l-Afrika.

 

Għadek kemm ġeddidt il-passaport Arġentin.  Int dejjem tibqa’ Kap ta’ Stat.

Ġeddidtu għax kien ħa jiskadi.

 

 

 

 

 

Dejquk dawk l-akkużi ta’ Marksiżmu, fuq kollox Amerikani, wara l-pubblikazzjoni ta’ l-“Evangelii gaudium”?

Lanqas xejn.  Qatt ma qsamt fl-ideoloġija Marksista, għax m’hix minnha, imma ltqajt ma’ ħafna persuni bravi li jipprofessaw il-Marksiżmu.

 

L-iskandli li fnew il-ħajja tal-Knisja b’xorti tajba issa huma storja.  Dwar it-tema delikata ta’ l-abbużi tal-minorenni, sarlek appell ippubblikat fuq “Il Foglio” u ffirmat fost l-oħrajn mill-filosfi Besançon u Scruton, biex int issemma’ leħnek kontra l-fanatiżmi u l-kuxjenza ħażina tad-dinja sekularizzata li ftit li xejn tirrispetta t-tfal.

Irrid ngħid żewġ affarijiet.  Il-każi ta’ abbużi huma terribbli għax iħallu feriti qawwija ħafna.  Benedittu XVI kien kuraġġjuż ħafna u fetaħ it-triq.  Il-Knisja f’din it-triq għamlet ħafna.  Forsi iżjed minn kulħadd.  L-istatistika dwar il-fenomenu tal-vjolenza fuq it-tfal hi impressjonanti, imma turi wkoll b’mod ċar li l-parti l-kbira ta’ l-abbużi jseħħu f’ambjenti familjari jew ta’ l-ambjent tal-qrib.  Il-Knisja Kattolika forsi hi l-unika istituzzjoni pubblika li ħadet passi bi trasparenza u responsabbiltà.  Ħadd iżjed ma għamel aktar.  U safrattant il-Knisja biss ġiet attakkata.

 

 

 

Santità, int tgħid li “il-foqra jevanġelizzawna”.  Hemm xi osservaturi li l-attenzjoni għall-faqar, il-marka l-iżjed qawwija li qed iħalli l-messaġġ pastorali tiegħek, jarawha bħala stqarrija ta’ pawperiżmu [speċi ta’ eżaltazzjoni spiritwali tal-faqar].  Il-Vanġelu ma jikkundannax li wieħed ikollu l-ġid.  U Żakkew, li kien għani, għamel ħafna karità.

Il-Vanġelu jikkundanna l-kult tal-ġid.  Il-pawperiżmu hu waħda mill-interpetazzjonijiet kritiċi.  Fil-Medjuevu kien hemm ħafna kurrenti pawperistiċi.  San Franġisk b’ġenjalità kbira rnexxielu jqiegħed it-tema tal-faqar fil-kuntest tal-mixja evanġelika.  Ġesù jgħid li ma nistgħux naqdu żewġ sidien, Alla u l-Ġid Materjali.  U meta għad niġu ġġudikati fil-ġudizzju tal-aħħar (Mt 25), li jiswa hu kemm konna qrib tal-foqra.  Il-faqar ibegħidna mill-idolatrija, jiftaħ il-bibien għall-Providenza.  Żakkew jgħaddi nofs ġidu lill-foqra.  U lil min iżomm l-imħażen mimlija bl-egoiżmu tiegħu, il-Mulej fl-aħħar jagħtih il-kont f’idejh.  Dak li naħseb dwar il-faqar għidtu tajjeb fl-Evangelii gaudium.

 

Int għidt li fil-globalizzazzjoni, fuq kollox dik finanzjarja, hemm xi ftit mill-ħażen li qed jifni l-umanità.  Imma l-globalizzazzjoni refgħet miljuni ta’ nies mill-miżerja.  Tat tama, sentiment rari li mhux ta’ min jifxlu ma’ l-ottimiżmu.

Hu minnu, il-globalizzazzjoni salvat lil ħafna nies mill-faqar, imma kkundannat lil tant oħrajn għall-mewt bil-ġuħ, għax b’din is-sistema ekonomika hi ssir selettiva.  Il-globalizzazzjoni li għandha f’moħħha l-Knisja m’hix dik li tixbah lil globu, fejn kull punt hu mbiegħed bl-istess mod miċ-ċentru u li allura fiha l-popli jitilfu dak li hu speċifikament tagħhom, imma tixbah lil priżma, bid-diversi wċuħ tagħha, fejn allura kull poplu jżomm il-kultura, l-ilsien, ir-reliġjon, l-identità tiegħu.  Il-globalizzazzjoni “globali” li għandna l-lum, ekonomika u fuq kollox finanzjarja, qed tipproduċi ħsieb wieħed, ħsieb dgħajjef.  Fiċ-ċentru m’għadx hemm il-persuna umana, imma l-flus biss.

 

It-tema tal-familja hi ċentrali fil-ħidma tal-Kunsill tat-tmien kardinali.  Minn meta ħarġet l-eżortazzjoni “Familiaris consortio” ta’ Ġwanni Pawlu II inbidlu ħafna affarijiet.  Għandna quddiemna żewġ sinodi.  Qed nistennew ħafna affarijiet ġodda.  Dwar id-divorzjati int għidt li m’għandniex nikkundannawhom imma ngħinuhom.

Hi mixja twila li l-Knisja għandha quddiemha.  Proċess li l-Mulej iridu.  Tliet xhur wara l-elezzjoni tiegħi ħarġu t-temi għas-Sinodu, u pproponew li niddiskutu fuq x’effett qed iħalli Ġesù fuq il-bniedem tal-lum.  Imma fl-aħħar, wara żviluppi gradwali fil-ħsieb li ħadu ż-żmien tagħhom – li għalija kienu sinjali tar-rieda ta’ Alla – ġiet magħżula t-tema tal-familja li għaddejja minn kriżi serja ħafna.  Diffiċli tifformaha.  Ftit żgħażagħ jidħlu għaż-żwieġ.  Għandna ħafna familji separati fejn il-proġett ta’ ħajja komuni spiċċa falla.  L-ulied qed ibatu ħafna.  Aħna rridu nagħtu tweġiba.  Imma biex nagħmlu dan, jeħtieġ l-ewwel nirriflettu ħafna fil-fond. 

Dan hu li l-Konċistorju u s-Sinodu qed jagħmlu.  Irridu nevitaw li nibqgħu fuq il-qoxra.  It-tentazzjoni li kull problema nsolvuha bil-każistika hi żball, simplifakazzjoni ta’ ħwejjeġ wisq aktar profondi, kif kienu jagħmlu l-Fariżej, teoloġija wisq tal-qoxra.  Hu fid-dawl tar-riflessjoni profonda li nistgħu naffrontaw b’mod serju s-sitwazzjonijiet partikulari, anki dawk tad-divorzjati, bi profondità pastorali.

 

 

 

Għaliex id-diskors li għamel il-Kardinal Walter Kasper fl-aħħar Konċistorju (abbiss bejn duttrina fuq iż-żwieġ u l-familja u l-ħajja reali ta’ ħafna Nsara) qasmet daqshekk lill-kardinali?  Kif taħseb li l-Knisja wara dawn is-sentejn ta’ mixja iebsa tista’ tasal għal kunsens wiesa’ u seren?  Jekk id-duttrina hi sħiħa, għaliex hemm bżonn tad-dibattitu?

Il-Kardinal Kasper ta preżentazzjoni sabiħa u profonda, li dalwaqt tiġi ppubblikata bil-Ġermaniż, u affronta ħames punti; il-ħames wieħed kien tal-każijiet fejn ikun hemm it-tieni żwieġ.  L-inkwiet tiegħi kien ikun kieku fil-Konċistorju ma kellniex diskussjoni qawwija, għax ma kien ikun sewa għal xejn.  Il-kardinali kienu jafu li setgħu jgħidu dak li riedu, u ppreżentaw bosta fehmiet differenti, li huma ta’ għana kbir.  Mill-konfront fratern u miftuħ jistagħna l-ħsieb teoloġiku u pastorali.  Dan m’hix ħaġa li tbeżżagħni, anzi nfittixha.

 

 

 

Mhux daqshekk lura fiż-żmien konna mdorrijin nisimgħu bl-hekk imsejħa “valuri mhux negozjabbli”, fuq kollox fil-bijoetika u fil-morali sesswali.  Int ma qbadtx dan il-metodu.  Il-prinċipji duttrinali u morali ma nbidlux.  Din l-għażla tiegħek forsi għamiltha biex tindika stil b’bixra inqas ta’ preċetti u iżjed ta’ rispett lejn il-kuxjenza personali?

Qatt ma fhimtha l-espressjoni “valuri mhux negozjabbli”.  Il-valuri huma valuri u daqshekk, ma nistgħux ngħidu li fost is-subgħajn ta’ l-id hemm wieħed inqas bżonnjuż mill-oħrajn.  Għalhekk ma nifhimx f’liema sens jista’ jkun hemm valuri negozjabbli.  Dak li ridt ngħid dwar it-tema tal-ħajja, niżżiltu fl-eżortazzjoni Evangelii gaudium.

 

 

Ħafna pajjiżi qed jirregolaw l-unjonijiet ċivili.  Din hi triq li l-Knisja tista’ tifhem?  Imma sa liema punt?

Iż-żwieġ hu bejn raġel u mara.  L-Istati lajċisti jridu jiġġustifikaw l-unjonijiet ċivili biex jirregolaw għadd ta’ sitwazzjonijiet ta’ konvivenza, imqanqla mill-esiġenza li jirregolaw aspetti ekonomiċi bejn il-persuni, bħal ngħidu aħna biex jiżguraw l-assistenza sanitarja.  Qed nitkellmu dwar pattijiet ta’ konvivenza ta’ ħafna xorta, li lanqas naf nelenka d-diversi għamliet tagħhom.  Wieħed irid jara l-każi differenti u jivvalutahom fil-varjetà tagħhom.

 

Kif biħsiebek tippromovi r-rwol tal-mara fil-Knisja?

Anki hawn, il-każistika ma tgħinx.  Hu minnu li l-mara tista’ u għandha tkun iżjed preżenti hemm fejn qed jittieħdu d-deċiżjonijiet fil-Knisja.  Imma din jien insejħilha promozzjoni ta’ xejra funzjonali.  B’hekk biss ma tantx inkunu mxejna.  Pjuttost hemm bżonn naħsbu li l-Knisja hi grammatikalment femminili: hi femminili minn għeruqha.  It-teologu kbir Urs von Balthasar niżel ħafna fil-fond ta’ dan is-suġġett: hu l-prinċipju Marjan li flimkien ma’ dak Petrin jiggwida lill-Knisja.  Il-Verġni Marija hi iżjed importanti minn kull isqof u Appostlu.  L-approfondiment teoloġiku miexi.  Il-Kardinal Ryłko, flimkien mal-Kunsill tal-Lajċi, qed jaħdmu f’din id-direzzjoni flimkien ma’ ħafna nisa esperti f’għadd ta’ suġġetti.

 

 

Nofs seklu wara l-“Humanæ vitæ” ta’ Pawlu VI, il-Knisja għandha bżonn terġa’ tirrifletti fuq it-tema tal-kontroll tat-twelid?  Il-Kardinal Martini, wieħed minn ħutek fil-Kulleġġ tal-Kardinali, kien iżomm li wasal iż-żmien.

Kollox jiddipendi minn kif tiġi interpretata l-Humanæ vitæ.  L-istess Pawlu VI, fl-aħħar, jirrikkmanda lill-konfessuri biex juru ħniena kbira, attenzjoni lejn is-sitwazzjonijiet konkreti.  Imma d-dehen tiegħu kien profetiku, għax kellu l-kuraġġ li jeħodha kontra l-maġġoranza, jiddefendi d-dixxiplina morali, imur kontra l-kurrent, kontra n-neo-Malthusjaneżmu tal-preżent u tal-futur.  Il-kwistjoni m’hix li nibdlu d-duttrina, imma li ninżlu fil-fond u naraw li l-pastorali żżomm quddiem għajnejha s-sitwazzjonijiet differenti u dak li hu possibbli għal kull persuna.  Fuq dan ukoll sa nitkellmu tul is-Sinodu.

 

Ix-xjenza tevolvi u toħloq konfini ġodda għall-ħajja.  Jagħmel sens intawlu b’mod artifiċjali l-ħajja fi stat veġetattiv?  It-‘testment bijoloġiku’ jista’ jkun soluzzjoni?

Jien m’iniex speċjalista fl-argumenti bijoetiċi.  U wisq nibża’ li kull ħaġa li ngħid tista’ tinftiehem ħażin.  Id-duttrina tradizzjonali tal-Knisja tgħid li ħadd m’hu obbligat juża mezzi staordinarji meta jaf li persuna tkun daħlet f’fażi terminali.  Fil-pastorali tiegħi, f’każi bħal dawn, dejjem issuġġerejt il-kura paljattiva.  F’każi iżjed speċifiċi tajjeb li wieħed jirrikorri, jekk ikun hemm bżonn, għall-parir ta’ l-ispeċjalisti.

 

 

Il-vjaġġ li jmiss fl-Art Imqaddsa sa jwassal għal xi ftehim ta’ interkomunjoni ma’ l-Ortodossi li Pawlu VI, ħamsin sena ilu, kien kważi wasal biex jiffirma ma’ Atenagora?

Ilkoll kemm aħna fuq ix-xwiek biex naslu għal riżultati li “jagħlqu” l-kapitlu.  Imma t-triq għall-għaqda ma’ l-Ortodossi fuq kollox tfisser li nimxu u naħdmu flimkien.  Fi Buenos Aires kienu jiġu ħafna Ortodossi għall-korsijiet ta’ katekeżi.  Jien kont inqatta’ l-Milied u s-6 ta’ Jannar flimkien ma’ l-Isqfijiet tagħhom, li kultant kienu anki jitolbu parir lill-uffiċċji djoċesani tagħna.  Ma nafx hix minnha l-istorja li jirrakkuntaw fuq Atenagora, li kien ippropona lil Pawlu VI li jaħdmu id f’id u jibagħtu t-teologi kollha fuq gżira biex jiddiskutu bejniethom.  Din battuta, imma l-importanti hu li nimxu flimkien.  It-teoloġija Ortodossa hi għanja qatigħ.  U nemmen li huma bħalissa għandhom teologi kbar.  Il-viżjoni tagħhom ta’ Knisja u ta’ sinodalità hi mill-isbaħ.

 

Fi ftit snin oħra l-iktar qawwa dinjija b’saħħitha tkun iċ-Ċina, li magħha l-Vatikan m’għandu l-ebda relazzjoni.  Matteo Ricci kien Ġiżwita bħalek.

Aħna qrib taċ-Ċina.  Jien bgħatt ittra lill-President Xi Jinping wara l-elezzjoni tiegħu, li seħħet tlitt ijiem wara tiegħi.  U hu weġibni.  Relazzjonijiet hemm.  Hu poplu kbir li jiena għandi ngħożż bi mħabba.

 

Santità, għaliex ma titkellem qatt dwar l-Ewropa?  X’hemm li ma jikkonvinċikx fil-viżjoni Ewropea?

Tiftakar dak in-nhar li tkellimt fuq l-Asja?  X’għidt?  [Hawn il-kronista jittenta jagħti spjega billi jiġbor tifkiriet vagi, biex fl-aħħar jintebaħ li waqa’ f’nassa ħelwa].  Jien la qatt tkellimt dwar l-Asja, la dwar l-Afrika, lanqas dwar l-Ewropa.  Tkellimt biss dwar l-Amerika Latina meta kont il-Brażil u meta lqajt għandi l-Kummissjoni għall-Amerika Latina.  Għad ma kellix l-okkażjoni li nitkellem dwar l-Ewropa.  Għad tasal.

 

Xi ktieb qed taqra bħalissa?

Pietro e Maddalena ta’ Damiano Marzotto, dwar id-dimensjoni femminili tal-Knisja.  Hu ktieb sabiħ ħafna.

 

U mhux qed jirnexxielek tara xi film, passjoni oħra tiegħek?  “La grande bellezza” rebaħ l-Oscars.  Se tarah?

Ma nafx.  L-aħħar film li rajt kien La vita è bella ta’ Benigni.  U qabel kont erġajt rajt La strada ta’ Fellini.  Kapulavur.  Kien għoġobni wkoll Wajda

 

San Franġisk għadda żgħożija moħħ ir-riħ.  Nistaqsik: qatt innamrajt?

Fil-ktieb Il Gesuita nirrakkonta kif meta kelli sbatax-il sena, kelli għarusa.  U din insemmiha wkoll fil-ktieb Il Cielo e la Terra, il-volum li ħriġt flimkien ma’ Abraham Skorka.  Meta kont is-seminarju kien hemm tfajla li kont tlift rasi warajha għal ġimgħa.

 

U kif spiċċat, jekk tippermettili nistaqsik?

Kienu affarijiet taż-żgħożija.  Tkellimt dwarha mal-konfessur tiegħi [tbissima kbira].

 

Grazzi, Santità.

Grazzi lilek.

 

 

Sit Uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta                                                                                                                                                         http://www.laikos.org      

 Link