Mari, Mari (l-għodwa t-tajba).

 

Küme tünngün ta niemün”. “Il-paċi magħkom” (Lq 24:36).

 

Nirringrazzja lil Alla li ħallieni nżur din il-parti sabiħa tal-kontinent tagħna, l-Araucanía: art imbierka mill-Ħallieq bil-fertilità ta’ għelieqi ħodor immensi, foresti mimlija b’awrikarji imponenti – il-ħames eloġju li għamlet Gabriela Mistral lil dan l-art Ċilena –,[1] il-vulkani maestużi tagħha miksija bis-silġ, l-għadajjar u xmajjar tagħha mimlija ħajja. Dan il-pajsaġġ jerfgħalna l-ħsieb lejn Alla u faċli naraw idejh f’kull ħlejqa. Ħafna ġenerazzjonijiet ta’ rġiel u nisa ħabbew u jħobbu din l-art bi gratitudni għajjura. U nixtieq nieqaf u nsellem b’mod speċjali lill-membri tal-poplu Mapuche, kif ukoll lill-popli indiġeni l-oħra li jgħixu f’dawn l-artijiet awstrali: Rapanui (il-Gżira tal-Għid), Aymara, Quechua u Atacama, u bosta oħrajn.

 

Din l-art, jekk inħarsu lejha bl-għajnejn tat-turisti, taffaxxinana, imma wara nibqgħu mexjin fi triqitna bħal qabel, bil-pajsaġġi sbieħ li nkunu rajna impressi f’moħħna; imma jekk nersqu qrib tal-ħamrija, nisimgħuha tgħanni: “L-arawku għandu wġigħ li ma nistax insikket, huma inġustizzji ta’ sekli li kulħadd jarahom isiru”.[2]

 

Hu f’dan il-kuntest ta’ radd il-ħajr għal din l-art u għall-poplu tagħha, imma anki ta’ tbatija u ta’ wġigħ, li qed niċċelebraw din l-Ewkaristija. U dan nagħmluh fuq dan l-ajrudrom ta’ Maqueue, fejn seħħu vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet umani. Noffru din iċ-ċelebrazzjoni għal dawk kollha li batew u mietu u għal dawk li, ta’ kuljum, iġorru fuq spallejhom il-piż ta’ tant inġustizzji. U aħna u niftakru f’dawn il-ħwejjeġ, ejjew nibqgħu għal mument fis-skiet, u naħsbu f’tant tbatija u tant inġustizzja. Is-sagrifiċċju ta’ Ġesù fuq is-salib jerfa’ fuqu d-dnubiet u l-uġigħ tal-popli kollha tagħna, tbatija li tiġi mifdija.

 

Fil-Vanġelu li għadna kemm smajna, Ġesù jitlob lill-Missier biex “ikunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw 17:21). F’siegħa kruċjali ta’ ħajtu jieqaf jitlob għall-għaqda. F’qalbu jaf li waħda mill-agħar theddidiet li jolqtu u se jolqtu lill-poplu tiegħu u lill-bnedmin kollha huma l-firda u t-tilwim, l-abbuż ta’ wieħed mill-ieħor. Kemm dmugħ imxerred! Illum irridu nagħmlu tagħna din it-talba ta’ Ġesù, irridu nidħlu miegħu f’dan il-ġnien tat-tbatija, bit-tbatijiet tagħna wkoll, biex nitolbu lill-Missier flimkien ma’ Ġesù: li anki aħna nkunu ħaġa waħda. Tħallix li l-ġlied u l-firda jirbħuna.

 

Din l-għaqda, li Ġesù talab tant għaliha, hi don li rridu nitolbuh b’insistenza għall-ġid ta’ artna u ta’ wliedha. U rridu noqogħdu attenti għal tentazzjonijiet li jistgħu jitfaċċaw u “jniġġsu minn għeruqu” dan id-don li Alla jrid jagħmlilna u li bih jistedinna biex inkunu protagonisti awtentiċi tal-istorja. Liema huma dawn it-tentazzjonijiet? Waħda hi dik tas-sinonimi falzi.

 

1. Is-sinonimi foloz

Waħda mit-tentazzjonijiet prinċipali li rridu naffrontaw hi dik li nifxlu l-għaqda mal-uniformità. Ġesù ma jitlobx lil Missieru li kollha nkunu ugwali, identiċi; għax l-għaqda ma titwelidx u lanqas sa titwieled min-newtralizzazzjoni jew billi nsikktu d-differenzi. L-għaqda mhix simulakru la ta’ integrazzjoni imposta u lanqas ta’ emarġinazzjoni armonizzatriċi. L-għana ta’ pajjiż jitwieled proprju mill-fatt li kull parti tkun taf taqsam għerfha mal-oħrajn. Ma hix u lanqas tista’ tkun uniformità li tifga u li normalment titwieled mis-supremazija u mill-qawwa ta’ min hu l-iktar f’saħħtu, u lanqas ma hi separazzjoni li tonqos milli tagħraf it-tajjeb tal-oħrajn. L-għaqda mitluba u offruta minn Ġesù tagħraf dak li kull poplu, kull kultura hi mistiedna ġġib lil din l-art imbierka. L-għaqda hi diversità rrikonċiljata għax ma tittollerax li f’isimha jiġu lleġittimizzati l-inġustizzji personali jew komunitarji. Għandna bżonn tal-għana li kull poplu jista’ joffri, u rridu nwarrbu għall-ġenb il-loġika ta’ min jemmen li hemm kulturi superjuri jew kulturi inferjuri. Chamal (mant) sabiħ jitlob nissieġa li jafu l-arti tat-tlaqqigħ f’armonija ta’ diversi materjali u lwien; li jafu jagħtu l-ħin lil kull ħaġa u lil kull fażi. Jista’ jiġi imitat b’mod industrijali, imma kulħadd jaf jagħraf li hu lbies ippakkjat sintetikament. L-arti tal-għaqda tesiġi u titlob nies veru tas-sengħa li jagħrfu jlaqqgħu f’armonija d-differenzi fil-“laboratorji” tal-irħula, tat-toroq, tal-pjazez u tad-diversi pajsaġġi. Mhix arti tal-iskrivanija l-għaqda, lanqas magħmula biss minn dokumenti, imma hi arti tas-smigħ u tal-għarfien. F’dan isib għeruqu l-ġmiel tagħha u anki r-reżistenza tagħha għaż-żmien li jgħaddi u għall-maltemp li jkollha tħabbat wiċċha miegħu.

 

L-għaqda li għandhom bżonn il-popli tagħna titlob minna li nisimgħu lil xulxin, imma fuq kollox li nagħrfu lil xulxin, li ma jfissirx biss li “niksbu tagħrif fuq l-oħrajn […] imma li nilqgħu dak li l-Ispirtu żera’ fihom bħala don għalina wkoll”.[3] Dan iqegħedna fit-triq tas-solidarjetà bħala mod kif ninsġu l-għaqda, bħala mod kif nibnu l-istorja; dik is-solidarjetà li twassalna biex ngħidu: għandna bżonn ta’ xulxin fid-differenzi tagħna sakemm din l-art tkompli tisbieħ. Hi l-unika arma li għandna kontra d-“deforestazzjoni” tat-tama. Għalhekk irridu nitolbu: Mulej, agħmilna bennejja tal-għaqda.

 

Tentazzjoni oħra tista’ tiġi mill-għarfien ta’ x’inhuma l-armi tal-għaqda.

 

2. L-armi tal-għaqda

L-għaqda, jekk irridu nibnuha billi nitilqu mill-għarfien u mis-solidarjetà, ma tistax taċċetta kull mezz, ikun li jkun, għal dan il-għan. Hemm żewġ xorta ta’ vjolenza li flok ma jmexxu ’l quddiem il-proċessi tal-għaqda u r-rikonċiljazzjoni, jispiċċaw isiru theddida għalihom. Qabelxejn, jeħtieġ noqogħdu attenti mill-elaborazzoni ta’ ftehim “sabiħ” li ma jasal qatt biex jitlaħħam. Kliem sabiħ, proġetti konklużi iva – u meħtieġa – imma li ma jsirux konkreti u għalhekk jispiċċaw biex “iħassru bil-minkeb dak li nkiteb bl-id”. Anki din hi vjolenza. Għaliex? Għax tiffrustra t-tama.

 

It-tieni nett, ma nistgħux ma nisħqux li kultura tal-għarfien reċiproku ma tistax tinbena fuq il-qafas tal-vjolenza u tal-qerda li fl-aħħar mill-aħħar jitolbu l-prezz tal-ħajjiet umani. Ma nistgħux nitolbu l-għarfien billi neqirdu lill-ieħor, għax dan, bħala l-uniku riżultat, jipproduċi biss vjolenza u firda ikbar. Il-vjolenza ssejjaħ il-vjolenza, il-qerda żżid il-qsim u l-firda. Il-vjolenza tispiċċa biex tiffalsifika mqar l-aktar kawża ġusta. Għalhekk ngħidu: “Le għall-vjolenza li teqred”, fl-ebda waħda miż-żewġ għamliet tagħha.

 

Dawn l-atteġġjamenti huma bħal lava tal-vulkan li kollox teqred, kollox taħraq, u tħalli warajha biss mewt u deżolazzjoni. Imma aħna ejjew infittxu u ma negħjewx infittxu d-djalogu għall-għaqda. Għalhekk ngħidu bil-qawwa kollha: Mulej, agħmilna bennejja tal-għaqda tiegħek.

 

Ilkoll kemm aħna li, f’ċertu sens, aħna nies li ġejna mill-art (Ġen 2:7), imsejħin ngħixu tajjeb (Küme Mongen), kif ifakkarna l-għerf ta’ missirijietna li għandu l-poplu Mapuche. Kemm triq fadlilna nimxu, kemm triq x’nitgħallmu! Küme Monge, xewqa profonda li toħroġ mhux biss mill-qlub tagħna, imma tidwi bħal karba, bħal għanja fil-ħolqien kollu. Għalhekk, ħuti, għal ulied din l-art, għal ulied uliedhom, ejjew ngħidu ma’ Ġesù lill-Missier: biex aħna wkoll inkunu ħaġa waħda: Mulej, agħmilna bennejja tal-għaqda.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard


 

[1] Ara Elogios de la tierra de Chile.

[2] Violeta Parra, Arauco tiene una pena.

[3] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 246.