VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL-BULGARIJA U L-MAĊEDONJA TA’ FUQ

[5-7 TA’ MEJJU 2019]

 

LAQGĦA GĦALL-PAĊI PPRESEDUTA MILL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

FIL-PREŻENZA TAL-ESPONENTI TAD-DIVERSI KONFESSJONIJIET RELIĠJUŻI FIL-BULGARIJA

TALBA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

 

Pjazza Nezavisimost (Sofija)

It-Tnejn 6 ta’ Mejju 2019

 

KELMTEJN TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA WARA T-TALBA GĦALL-PAĊI

 

Għeżież ħuti,

 

Għadna kemm tlabna għall-paċi bi kliem imnebbaħ minn San Franġisk ta’ Assisi, namrat kbir ta’ Alla Ħallieq u Missier ta’ kulħadd. Imħabba li hu ta xhieda tagħha bl-istess passjoni u rispett sinċier lejn il-ħolqien u lejn kull persuna li kien jiltaqa’ magħha tul il-mixja tiegħu. Imħabba li bidlet il-ħarsa tiegħu u mlietu bl-għarfien li f’kull persuna hemm “xaqq ta’ dawl li ġej miċ-ċertezza personali li, lil hemm minn kollox, aħna maħbuba bi mħabba bla qies” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 6). Imħabba li wasslitu biex ikun veru bennej tal-paċi. Kull wieħed u waħda minna wkoll, fuq il-passi tiegħu, hu msejjaħ isir bennej, li b’“sengħa” jinseġ il-paċi. Paċi li jeħtieġ nitolbuha u li għaliha għandna nħabirku, don u dmir, rigal u sforz kostanti u ta’ kuljum biex nibnu kultura li fiha anki l-paċi tkun dritt fundamentali. Paċi attiva u “mqawwija” kontra x-xejriet kollha ta’ egoiżmu u ta’ indifferenza li jqiegħdu l-interessi msejkna ta’ xi wħud qabel id-dinjità invjolabbli ta’ kull persuna. Il-paċi tesiġi u titlob li nagħmlu mid-djalogu triq, mill-kollaborazzjoni komuni l-imġiba tagħna, mill-għarfien reċiproku l-metodu u l-kriterju (ara Dokument tal-fratellanza umana, Abu Dhabi, 4 ta’ Frar 2019) biex niltaqgħu f’dak li jgħaqqadna, nirrispettaw lil xulxin f’dak li jifridna, u nagħmlu l-qalb biex inħarsu lejn il-futur bħala lok ta’ opportunità u ta’ dinjità, speċjalment għall-ġenerazzjonijiet li għad jiġu.

 

Aħna llejla qegħdin hawn biex nitolbu quddiem dawn il-fjakkli li ġabu t-tfal tagħna. Jissimbolizzaw in-nar tal-imħabba li tkebbes fina u li għandu jsir fanal ta’ ħniena, ta’ mħabba u ta’ paċi fl-ambjenti fejn ngħixu. Fanal li nixtequh idawwal id-dinja kollha. Bin-nar tal-imħabba aħna rridu ndewbu s-silġ tal-gwerer. Qed ngħixu dan l-avveniment b’riżq il-paċi fuq it-tifrik tal-antika Serdika, f’Sofija, qalba tal-Bulgarija. Minn hawn nistgħu naraw l-imkejjen tal-kult ta’ diversi Knejjes u Konfessjonijiet reliġjużi: Santa Nedelja ta’ ħutna l-Ortodossi, San Ġużepp tagħna l-Kattoliċi, is-sinagoga ta’ ħutna l-kbar il-Lhud, il-moskea ta’ ħutna l-Musulmani u, qribna, il-knisja tal-Armeni.

 

F’dan il-post, għal sekli sħaħ, ġew wiċċ imb wiċċ ma’ xulxin il-Bulgari ta’ Sofija ġejjin minn diversi gruppi kulturali u reliġjużi, biex jiltaqgħu u jiddiskutu. Jalla dan il-post simboliku jirrappreżenta xhieda ta’ paċi. F’dan il-mument, l-ilħna tagħna jingħaqdu u b’ton wieħed jesprimu x-xewqa ħerqana għall-paċi: ħa tixtered il-paċi fuq l-art kollha! Fil-familji tagħna, f’kull wieħed u waħda minna, u speċjalment f’dawk il-postijiet fejn ħafna ilħna sfaw imsikkta mill-gwerra, fgati mill-indifferenza u injorati minħabba l-kompliċità qerrieda ta’ gruppi b’interessi partikulari. Ħa jikkopera kulħadd għat-twettiq ta’ din ix-xewqa: l-esponenti tar-reliġjonijiet, tal-politika, tal-kultura. Kulħadd fejn jinsab, huwa u jwettaq id-dmir li jmissu, jista’ jgħid: “Mulej, agħmilni strument tal-paċi tiegħek”. Dan hu l-awgurju li titwettaq il-ħolma tal-Papa San Ġwanni XXIII, ta’ art fejn il-paċi tħossha f’darha. Ejjew nimxu skont ix-xewqa tiegħu u b’ħajjitna ngħidu: Pacem in terris! Paċi fl-art lill-bnedmin kollha maħbuba mill-Mulej.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard