Ħuti, il-waranofsinhar it-tajjeb!

Xi xhur ilu ltqajna f’Ruma u jien għadni niftakar sewwa dik l-ewwel laqgħa tagħna.  Matul daż-żmien jien dejjem żammejtkom f’qalbi u fit-talb tiegħi.  Ninsab kuntent li qed nerġa’ narakom hawn biex niddiskuti magħkom il-mod kif tistgħu tgħelbu l-qagħda gravi ta’ inġustizzja li minnha jbatu l-imwarrbin fid-dinja kollha.  Grazzi, Sur President Evo Morales, għax int qed takkumpanja b’rieda soda din il-laqgħa.

Dakinhar f’Ruma kont smajt xi ħaġa sabiħa ħafna: fraternità, diskussjoni, għatx għall-ġustizzja.  Illum f’Santa Cruz de la Sierra, mill-ġdid qed nisma’ l-istess.  Grazzi għal dan kollu.  Sirt naf ukoll mingħand il-Kardinal Turkson, President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi, li ħafna membri tal-Knisja jħossuhom aktar qrib il-movimenti popolari.  Nifirħilkom ħafna!  Nara l-Knisja bil-bibien miftuħa għalikom ilkoll,  Knisja li tilgħab il-logħba, takkumpanja u tagħmel programmi fid-djoċesijiet kollha,f’ kull Kummissjoni tal-Ġustizzja u Paċi, kollaborazzjoni reali, dejjiema u impenjata mal-movimenti popolari.  Nistedinkom ilkoll, Isqfijiet, saċerdoti u lajċi, inklużi l-organiżżazzjonijiet soċjali li jinsabu fit-truf tal-ibliet u l-irħula, biex din il-laqgħa tidħlu aktar fil-fond tagħha.

Alla ppermetta li aħna nerġgħu niltaqgħu llum.  Il-Bibbja tfakkarna li Alla jisma’ l-għajta tal-poplu tiegħu u jien ukoll nixtieq ngħaqqad leħni ma’ tagħkom: il-famużi “tliet T”: art, dar u xogħol għal ħutna kollha.  Għedtu u ntennih: dawn huma drittijiet sagri.  Hu ta’ min, dejjem hu ta’ min jiġġieled għal dawn id-drittijiet.  Jalla l-għajta ta’ min hu mwarrab tinstama’ fl-Amerika Latina u fl-art kollha.

1. Qabel xejn, nibdew billi nagħrfu li għandna ħtieġa ta’ bidla. Irrid nagħmilha ċara, biex ma jkunx hemm min jifhem ħażin, li qed nitkellem dwar problemi komuni għall-Amerika Latina kollha u, b’mod ġenerali, għall-umanità kollha.  Problemi li għandhom għeruq globali u li llum ebda Stat m’għandu ħila jsolvihom waħdu.  Wara li ċċarajt dan nipproponi li nistaqsu lilna nfusna dawn il-mistoqsijiet:

- Nafu nagħrfu bis-serjetà, li l-affarijiet mhumiex sejrin sew f’dinja fejn hemm tant bdiewa mingħajr art, tant familji mingħajr dar, tant ħaddiema mingħajr drittijiet, tant persuni miġrugħin fid-dinjità tagħhom?

- Nagħrfu tajjeb li l-affarijiet mhumiex sejrin sew meta’ jfaqqgħu tant gwerrer bla sens u qed tiżdied il-vjolenza bejn l-aħwa fil-kwartieri fejn ngħixu?  Nafu nagħrfu li l-affarijiet mhumiex sejrin sew meta l-ħamrija, l-ilma, l-arja u l-essri kollha tal-ħolqien jinsabu taħt theddida ma taqta’ xejn?

Allura, jekk nagħrfu dan, ngħiduha bla xejn biża’: għandna bżonn u rridu bidla. Intom, bl-ittri tagħkom u fil-laqgħat ta’ bejnietna - għarraftuni dwar ħafna esklużjonijiet u dwar l-inġustizzji li hemm f’kull attività tax-xogħol, f’kull kwartier, f’kull territorju.  Dawn huma ta’ għadd kbir bħalma huma ta’ għadd kbir il-modi kif naffrontawhom.  Iżda, madankollu hemm rabta li ma tidhirx li tgħaqqad dawn l-esklużjonijiet kollha.  Nistgħu nagħrfuh dan?  Għax dawn mhumiex problemi iżolati.  Nistaqsi jekk għandniex ħila nagħrfu li dawn ir-realtajiet qerrieda humiex parti minn sistema li għandha firxa dinjija.  Nafu nagħrfu li din is-sistema imponiet il-loġika tal-profitt akkost ta’ kollox, mingħajr ma taħseb fl-esklużjoni soċjali jew fil-qerda tan-natura?

Jekk dan hu minnu, ninsisti ngħiduha mingħajr biża’: irridu bidla, bidla vera, bidla fl-istrutturi.  Dis-sistema falliet ma jifilħux għaliha l-bdiewa, il-ħaddiema, il-komunitajiet, il-villaġġi…..  U ma tiflaħhiex aktar l-Art, oħtna u ommna l-Art, kif kien jgħid San Franġisk.

Irridu bidla f’ħajjitna, fil-kwartieri tagħna, fis-salarju minimu, fir-realtà l-aktar qrib tagħna; u bidla wkoll li tmiss lid-dinja kollha għax illum fil-pjaneta kollox jiddependi minn xulxin u għalhekk jitlob tweġibiet globali għall-problemi lokali.  Il-globaliżżazzjoni tat-tama, li titwieled mill-Popli u tikber fost il-foqra, għandha tieħu post din il-globaliżazzjoni tal-esklużjoni u l-indifferenza!

Irrid nirrifletti flimkien magħkom dwar il-bidla li rridu u li hemm ħtieġa tagħha.  Tafu li reċentement ktibt dwar il-problemi tal-bdil fil-klima.  Imma did-darba rrid nitkellem dwar tibdil f’sens ieħor.  Bidla pożittiva, bidla li tagħmlilna l-ġid, bidla li nistgħu nsejħulha “tas-salvazzjoni”.  Għax għandna bżonnha.  Naf li intom qed tfittxu li tinbidlu u m’intkomx waħedkom: fil-laqgħat, fil-villaġġi, osservajt li hemm stennija, tiftix qawwi, xewqa ta’ bidla fil-popli kollha tad-dinja.  Anki fi ħdan dik il-minoranza, li qed tiċkien, li taħseb li qed tgawdi minn din is-sistema jsaltan sens ta’ nuqqas ta’ sodisfazzjon u, fuq kollox, swied il-qalb.  Ħafna qed jistennew bidla li teħlishom minn dan is-swied il-qalb individwalista li jagħmilhom ilsira.

Iż-żmien, ħuti, iż-żmien donnu riesaq lejn tmiemu; ma kienx biżżejjed niġġieldu bejnietna, imma wasalna biex neħduha qatta’ bla ħabel kontra d-dar tagħna.  Illum, il-komunità xjentifika taċċetta dak li l-umli ilhom jgħidu żmien twil: qed nikkawżaw danni li forsi ma nistgħux irreġġgħu lura lill-ekosistema.  Qed nikkastigaw l-art, il-komunitajiet, il-persuni b’mod kważi salvaġġ.  U wara tant uġigħ, tant imwiet u tant qerda, qed inxommu l-intiena ta’ dak li Bażilju ta’ Ċesareja – wieħed mill-ewwel teoloġi tal-Knisja – kien isejjaħlu “l-ħmieġ tax-xitan”.  U s-servizz għall-ġid komuni jieħu t-tieni post.  Meta l-kapital isir idolu u jmexxi l-għażliet tal-bnedmin, meta r-rgħejba għall-flus tikkontrolla s-sistema soċjo-ekonomika kollha kemm hi, tirvina s-soċjetà, tikkundanna l-bniedem, tagħmlu lsir, teqred il-fraternità bejn il-bnedmin, tkeskes poplu kontra ieħor u, kif qed naraw, thedded anki lil din id-dar komuni tagħna, oħtna u ommna l-art.

Ma rridx intawwal u noqgħod niddeskrivi l-effetti negattivi ta’ din id-dittatura sottili: intom tafuhom.  U mhux biżżejjed lanqas, insemmu l-kawżi strutturali tad-dramm soċjali u ambjentali ta’ żmienna.  Aħna qed inbatu minn djanjosi eċċessiva li ħafna drabi twassalna għall-pessimiżmu mimli tlablib jew inkella tgħaġinna fin-negattiv.  Quddiem il-kronaka sewda ta’ kuljum aħna konvinti li ma nistgħu nagħmlu xejn, imma nieħdu biss ħsieb tagħna nfusna u taċ-ċirku żgħir tal-familja u ta’ dawk li nħobbuhom.

X’nista’ nagħmel jien, li niġbor il-kartun, ingerfex qalb l-iskart, inġemma’, nirriċikla, quddiem problemi tant kbar, jekk naqla biss biżżejjed kemm niekol?  X’nista nagħmel jien, artiġjan, bejjiegħ tal-monti, bniedem tal-ġarr, ħaddiem eskluż, jekk lanqas biss għandi d-drittijiet ta’ ħaddiem?  X’nista’ nagħmel jien bidwi, indiġenu, sajjied li bilkemm nista’ nirreżisti l-prepotenza tal-impriżi l-kbar?  X’nista nagħmel jien mill-inħawi ta’ fejn noqgħod, mill-gorboġ tiegħi, mill-kwartier fejn ngħix, mir-razzett tiegħi meta ta’ kuljum jien diskriminat jew emarġinat?  X’jista’ jagħmel dan l-istudent, dan iż-żgħażugħ, dan il-militant, dan il-missjunarju li jterraq il-kwartieri u l-postijiet b’qalb mimlija ħolm, imma kważi mingħajr soluzzjoni għall-probemi tiegħu?  Tistgħu tagħmlu ħafna.  Tistgħu tagħmlu ħafna!  Intom, li intom l-aktar umli, tistgħu u qed tagħmlu ħafna. Nażżarda ngħid li l-futur tal-umanità, fil-biċċa l-kbira tiegħu jinsab f’idejkom, fil-ħila tagħkom li torganiżżaw u tmexxu ‘l quddiem alternattivi kreattivi fit-tfittxija li tagħmlu kuljum għat-“tliet t”, ftehemna? – xogħol, dar, art – u wkoll bil-parteċipazzjoni attiva tagħkom fil-proċessi l-kbar tat-tibdil, tibdil nazzjonali, tibdil reġjonali u tibdil globali.  Tnaqqsux l-importanza tagħkom!

 

2. Intom titfgħu ż-żerriegħa tal-bidla.  Hawn fil-Bolivja smajt frażi li togħġobni ħafna: “process ta’ tibdil”.  Il-bidla mifhuma mhux bħala xi ħaġa li f’ħakka t’għajn tiġi għax imposta minn din jew dik l-għażla politika jew inkella għax twaqqfet din jew dik l-istruttura soċjali.  Nafu b’għafsa ta’ qalb, li t-tibdil strutturali li ma jkunx marbut ma’ konverżjoni sinċiera tal-atteġġjamenti u tal-qalb, illum jew għada tispiċċa mxekkla mill-burokrazija, korrotta, u tgħib.  Jeħtieġ bidla fil-qalb.  Għalhekk togħġobni ħafna t-tixbiha mal-proċess, il-proċessi mgħonija bil-ħerqa li wieħed jiżra’, isaqqi bil-kalma dak li l-oħrajn jaraw iwarrad, il-proċess ineħħi l-ansjetà li nokkupaw il-pultruni kollha disponibbli tal-poter biex naraw ir-riżultati immedjati.  L-għażla hi li niġġeneraw proċessi u mhux nokkupaw il-pultruni.  Kull wieħed u waħda minna m’aħna xejn aktar ħlief parti minn dil-ġabra kumplessa u varjata li maż-żmien dejjem ħadmet id f’id: nies li jitqabdu għal xi ħaġa ta’ tifsir, għal-għan, biex jgħixu bid-dinjità, biex jgħixu ”tajjeb”, b’das-sens ta’ dinjità.

Intom, min-naħa tal-movimenti popolari, għandkom fuq spallejkom id-dmirijiet ta’ dejjem, xprunati mill-imħabba fraterna li tirribella kontra l-inġustizzja soċjali.  Meta naraw wiċċ dawk li qed ibatu, wiċċ il-bidwi mhedded, il-ħaddiem imwarrab, l-indiġenu mgħakkes, il-familja bla dar, il-migrant ippersegwitat, iż-żgħażugħ bla xogħol, it-tifel/tifla sfruttati, l-omm  li tilfet lil binha fi ġlieda bl-armi għax il-kwartier maħkum mit-traffikar tad-droga, il-missier li tilef lil bintu għax spiċċat vittma tal-iskjavitù; meta niftakru “f’dawk l-uċuħ u f’dawk l-ismijiet”, inħossu msarinna jingħalqu quddiem tant tbatija u nħossuna mqanqlin.  Għax “aħna rajna u smajna” mhux l-istatistika kiesħa, imma l-feriti tal-umanità li qed tbati, il-ġrieħi tagħna, laħamna.  Dan hu ferm differenti mit-teoriji astratti jew “mir-rabja eleganti”.  Dan jolqotna, iqanqlilna d-dmugħ u nibdew infittxu lill-ieħor biex naħdmu flimkien.  Din l-emozzjoni li ssir azzjoni komunitarja ma tinftiehemx bir-raġuni biss: għandha xi ħaġa aktar li n-nies biss jifhmuha u li tagħti mistika partikolari lill-movimenti popolari awtentiċi. 

Intom tgħixu kull jum tagħkom mgħobbijin, qalb il-kumplikazzjonijiet tal-ħajja umana.  Kellimtuni dwar il-kawżi tagħkom, seħibtuni fit-taqbid tagħkom sa minn mindu kont għadni fi Buenos Aires u ta’ dan nirringrazzjakom.  Intom, għeżież ħuti, ħafna drabi taħdmu fuq livell limitat, li jkun qribkom, fir-realtajiet inġusti li jiddettawlkom.  Madankollu intom ma tirrassenjawx ruħkom, toffru reżistenza attiva lis-sistema tal-idolatriji li teskludi, tumilja u toqtol.  Rajtkom taħdmu bla heda għall-art u għall-agrikoltura tal-bdiewa, għat-territorji u l-komunitajiet tagħkom, għad-dinjità tal-ekonominja tal-poplu, għall-integrazzjoni urbana tal-kwartieri tagħkom u ż-żoni tal-abitazzjonijiet ġodda, biex tibnu djar b’idejkom stess u tiżviluppaw l-infrastruttura tal-kwartieri tagħkom, u tant attivitajiet oħra komunitarji bl-għan li tkun affermata xi ħaġa fundamentalment u innegabblment meħtieġa bħalma huwa d-dritt tat-“tliet t”: art, dar, xogħol.

 

Din ir-rabta tagħkom mal-kwartieri, mal-art, max-xogħol, mat-trejdjunjins, il-mod kif intom tagħrfu lil xulxin f’xulxin, din il-qrubija minn jum għal ieħor, bil-miżerji tiegħu – għax hemmm qiegħdin, jeżistu – u l-eroiżi ta’ kuljum, hu dak li jippermetti li tħarrġu l-mandat tal-imħabba mhux billi tibdew mill-ideat u l-kunċetti, iżda mil-laqgħa ġenwina bejn il-persuni, għax għandna bżonn inwaqqfu din il-kultura tal-laqgħa, għax aħna ma nħobbux la l-kunċetti u lanqas l-ideat, ħadd ma jħobb kunċett, idea, l-imħabba hi lejn il-persuni.  Meta tingħata, tingħata awtentikament biex tħobb lill-irġiel, lin-nisa, lit-tfal, lill-anzjani u lill-komunitajiet: uċuħ, uċuħ u ismijiet li jimlew il-qalb.  Minn dik iż-żerriegħa tat-tama miżrugħa bil-paċenzja fil-periferiji minsijin mill-pjaneta, minn dawn ir-rimjiet ta’ tenerezza li jitqabdu biex jibqgħu jgħixu, fid-dlam tal-esklużjoni, għad jikbru siġar kbar, jitilgħu boskijiet sfiqa bit-tama li jagħtu l-ossiġenu lil din id-dinja.

Qed nara bil-ferħ li intom taħdmu fid-dimensjoni tal-qrubija, tieħdu ħsieb ir-rimja; imma, fl-istess waqt, b’viżjoni aktar wiesa, tieħdu ħsieb il-bosk.  Taħdmu bil-perspettiva li ma tħarisx biss lejn ir-realtajiet tas-setturi li kull wieħed u waħda minnkom jirrappreżenta u li magħhom intom magħġunin, imma tfittxu ssolvu l-problemi ġenerali tal-faqar, tan-nuqqas ta’ ugwaljanza u tal-esklużjoni, mill-għeruq.

Nifirħilkom għal dan.  Huwa indispensabbli li, flimkien mad-drittijiet li intom għandkom jedd għalihom leġittimament, mal-popli u l-organiżżazzjonijiet soċjali tagħhom tibnu alternattiva umana għall-globaliżżazzjoni li teskludi.  Intom tiżirgħu l-bidla.  Il-Mulej itikom il-kuraġġ, il-ferħ, il-perseveranza u l-ħerqa biex tkomplu tiżirgħu.  Ibqgħu żguri li llum jew għada naraw il-frott.  Lil dawk li jmexxu ngħidilhom: kunu kreattivi u titilfu qatt ir-rabta tagħkom mal-qrubija, għax missier il-gideb jaf jaħtaf kliem nobbli, jipproponi modi intellettwali u jieħu pożi ideoloġiċi, imma jekk intom tibnu fuq pedament sod, fuq il-ħtiġijiet reali u fuq l-esperjenza ħajja ta’ ħutkom, tal-bdiewa u l-indiġeni, tal-ħaddiema mwarrbin u tal-familji emarġinati, żgur li ma tiżbaljawx.

Il-Knisja ma tistax u lanqas għandha tkun maqtugħa minn dan il-proċess tat-tħabbir tal-Evanġelju.  Madwar id-dinja, bosta saċerdoti u operaturi pastorali jwettqu ħidma enormi billi jakkumpanjaw u jmexxu ‘l quddiem lil min hu mwarrab.  Dax-xogħol isir b’kollaborazzjoni mal-koperattivi, billi tissapportjaw inizjattivi imprenditorjali, bil-bini tad-djar, bil-ħidma bla heda f’kull qasam.  Il-kollaborazzjoni ta’ rispett lejn il-movimenti popolari tista’ ssaħħaħ dawn l-isforzi fl-oqsma tas-saħħa, tal-isports u tal-edukazzjoni.  Jien konvint li saħħaħ ukoll il-proċessi tat-tibdil.

Inżommu dejjem f’qalbna lill-Verġni Marija, tfajla umli minn villaġġ ċkejken mitluf fil-trufijiet ta’ imperu kbir, omm mingħajr saqaf li għarfet tibdel għar tal-annimali u tagħmlu d-dar ta’ Ġesù bi ftit ħrieqi u muntanja tenerezza.  Marija hi sinjal ta’ tama għan-nies li jsofru l-uġigħ tal-ħlas sakemm twarrad il-ġustizzja.  Nitlob lill-Verġni Marija, tant meqjuma mill-poplu Bolivjan, biex tagħmel din il-laqgħa tagħna l-ħmira tat-tibdil.

 

3. Fl-aħħar irrid li naħsbu ftit dwar xi ħidmiet importanti għal dan il-mument storiku, għax aħna rridu tibdil pożittiv għall-ġid ta’ ħutna kollha, dan nafuh.  Irridu bidla li tistgħanina, bi sforz kollettiv, biż-żgħażagħ, bil-movimenti popolari u bil-forzi soċjali l-oħra, u anki dan nafuh.  Imma mhux faċli li tispjega x’inhuma l-ingredjenti tat-tibdil, nistgħu ngħidu li dan hu programm soċjali li jkun mera ta’ dal-proġett ta’ fraternità u ġustizzja li qed nittamaw fih.  Mhux faċli tispjega.  F’das-sens tistennewx li dal-Papa se jtikom riċetta.  La l-Papa u lanqas il-Knisja m’għandhom il-monopolju tal-interpretazzjoni tar-realtà soċjali u lanqas is-soluzzjonijiet għall-problemi tal-lum.  Nażżarda ngħid li ma teżisti ebda riċetta.  L-istorja jagħmluha l-ġenerazzjonijiet li jiġu waħda wara l-oħra fil-qafas tal-popli li qiegħdin f’mixja u li jfittxu t-triq tagħhom bir-rispett lejn il-valuri li Alla qiegħed fil-qlub.  Madankollu nixtieq nipproponi tliet biċċiet xogħol kbar li jeħtieġu l-appoġġ determinanti tal-kollettiv tal-movimenti popolari kollha:

 

3.1 L-ewwel biċċa xogħol hi dik li l-ekonomija tkun għas-servizz tal-popli: il-bnedmin u n-natura m’għandhomx ikunu qaddejja tal-flus.  Ngħidu LE għal ekonomija tal-esklużjoni u l-inugwaljanza fejn il-flus jikkmandaw minflok jaqdu.  Din l-ekonomija toqtol.  Din l-ekonomija twarrab.  Din l-ekonomija teqred lil Ommna l-Art.  L-ekonomija m’għandhiex tkun mekkaniżmu ta’ ħażna, imma l-amministrazzjoni tad-dar komuni tagħna.  Dan ifisser li nħarsu bl-għira d-dar u nqassmu kif jixraq il-ġid bejn kulħadd.  L-għan tagħha mhux biss l-ikel u jew “għajnuna għal għejxien dekoruż”.   U lanqas, anki jekk dan ikun pass tajjeb ‘il quddiem, il-garanzija tat-“tliet t” li intom qed titqabdu għalihom.  Ekonomija verament komunitarja, ngħid: ekonomija ta’ ispirazzjoni Nisranija, trid tiggarantixxi d-dinjità tal-popli, «riżq mingħajr it-twarrib ta’ ebda ġid» (Ġwanni XXIII, Enċiklika Mater et Magistra – 15 ta’ Mejju 1961 – 3: AAS 53 (1961), 402).  Din il-frażi kien qalha l-Papa Ġwanni XXIII ħamsin sena ilu.  Ġesù jgħidilna fl-Evanġelju, li min jagħti tazza ilma lil min ikun bil-għatx, dan ikun jgħoddlu fis-Saltna tas-sema.  Dan jiġbor fih “it-tliet t”, imma wkoll l-aċċess għall-istruzzjoni, għas-saħħa, għall-innovazzjoni, għall-manifestazzjonijiet artistiċi u kulturali, għall-komunikazzjoni, għall-isports u għar-rikreazzjoni.  Ekonomija ġusta għandha toħloq kundizzjonijiet flokhom biex kull persuna tkun tista’ tgawdi tfulija mingħajr nuqqasijiet, tiżviluppa t-talenti tagħha fi żmien iż-żgħożija, tahdem bid-dritt kollu tul is-snin attivi u jkollha pensjoni dinjituża fl-anzjanità.  Tkun ekonomija li permezz tagħha l-bniedem, f’armonija man-natura, ifassal is-sistema sħiħa tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni biex il-ħiliet u l-ħtiġijiet ta’ kull persuna jsibu l-espressjoni denja tagħhom fid-dimensjoni soċjali.  Intom, u anki popli oħrajn, f’din l-aspirazzjoni tiġbru metodu sabiħ u sempliċi: “għajxien tajjeb” li mhux l-istess bħal meta ngħidu “tgħaddiha tajjeb”.

Din l-ekonomija mhux biss hi mixtieqa u meħtieġa, imma possibbli wkoll.  Mhix utopija jew fantasija.  Hija perspettiva realistika għall-aħħar.  Nistgħu nagħmluha.  Ir-riżorsi disponibbli fid-dinja, frott il-ħidma inter-ġenerazzjonali tal-popli u tar-rigali tal-ħolqien, huma aktar minn biżżejjed biex ikun hemmm «żvilupp integrali ta’ kull bniedem u tal-bniedem sħiħ» (Pawlu VI Enċiklika  Populorum Progressio – 26 ta’ Marzu 1967, 14: AAS 59, 1967, 246).  Imma l-problema hija oħra.  Teżisti sistema b’għanijiet oħra.  Sistema li minbarra li tħaffef b’mod irresponsabbli ir-ritmi tal-produzzjoni, minbarra li fl-industrija u fl-agrikoltura żżid metodi li jagħmlu ħsara lill-Ommna l-Art f’isem “il-produttività, qed tkompli tiċħad lil miljuni kbar minn ħutna d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali l-aktar elementari.  Dis-sistema hija attentat fuq il-proġett ta’ Ġesù, tmur kontra l-Aħbar it-Tajba li ġabilna Ġesù.

It-tqassim ekwu tal-frott tal-art u ta’ xogħol il-bniedem mhumiex sempliċi filantropija.  Hu dmir morali.  Għall-Insara l-impenn hu aktar gravi: hu kmandament.  Ifisser li lill-foqra u lill-popli jingħatalhom lura dak li hu tagħhom.  Id-destinazzjoni universali tal-ġid mhux xi ftit kliem sabiħ tad-duttrina soċjali tal-Knisja.  Hija realtà li tiġi qabel il-propjetà privata.   Il-propjetà, l-aktar meta din tmiss ir-riżorsi naturali, trid dejjem tkun ta’ qadi għall-bżonnijiet tal-popli.  U dawn il-ħtiġijiet ma jieqfux biss mal-konsum.  Mhux biżżejjed li nħallu ftit qtar jaqa’ meta l-foqra jgħollu t-tazza li qatt mhi se timtela waħedha.  Il-pjanijiet tal-assistenza li huma tajbin waqt ċerti emerġenzi, għandhom iservu biss bħala tweġiba li jgħaddi żmienha, tal-okkażjoni.  Dawn qatt ma jistgħu jieħdu post “l-inklużjoni vera” dik li tagħti xogħol dinjituż, ħieles, kreattiv, parteċipattiv u solidali.

F’din il-mixja, il-movimenti popolari għandhom rwol essenzjali, mhux biss li jesiġu u jitolbu lura imma fundamentalment li joħolqu, li jkunu kreattivi.  Intom poeti soċjali: ħallieqa tax-xogħol, bennejja tad-djar, produtturi tal-affarijiet tal-ikel, fuq kollox għal dawk li s-suq dinji jwarrabhom. Rajt mill-qrib ċerti esperjenzi li fihom il-ħaddiema miġburin f’koperattiva u f’għamliet oħra ta’ organiżżazzjoni komunitarja rnexxilhom joħolqu x-xogħol fejn kien hemm biss l-iskart tal-ekonomija tal-idolatriji.  U qed nara li wħud minnhom qiegħdin hawn.  L-impriżi li reġgħu tqajjmu fuq saqajhom, is-swieq liberi u l-koperattivi ta’ dawk li jiġbru l-kartun huma eżempji ta’ din l-ekonomija popolari li tinbet mill-esklużjoni, u naqra naqra, bit-tabtija u l-paċenzja tikseb għamliet solidali li jagħtu d-dinjità.  Kemm hu differenti dan mill-fatt li dawk li jkunu mwarrbin mis-suq formali jisfaw sfruttati qieshom ilsira!

Il-gvernijiet li jieħdu fuq spallejhom id-dmir li l-ekonomija jqegħeduha għas-servizz tan-nies, għandhom jinsistu biex isaħħu, itejbu, jikordinaw u jkabbru dawn l-għamliet ta’ ekonomija popolari u produzzjoni komunitarja

Dan ifisser titjib fil-proċessi tax-xogħol, twaqqif ta’ infrastrutturi addattati u garanzija tad-drittijiet kollha lill-ħaddiema ta’ dan is-settur alternattiv.  Meta stat u organiżżazzjonijiet tax-xogħol jieħdu f’idejhom flimkien il-missjoni “tat-tliet t” jitqiegħdu fis-seħħ prinċipji ta’ solidarjetà u sussidjarjetà li jagħtu lok għall-bini tal-ġid komuni fil-qafas ta’ demokrazija sħiħa u parteċipattiva.

 

3.2 It-tieni biċċa xogħol hi li ngħaqqdu l-popli tagħna flimkien fil-mixja lejn il-paċi u l-ġustizzja.

 

Il-popli tad-dinja jridu jkunu huma l-awturi tad-destin tagħhom.  Iridu jimxu l-mixja tagħhom lejn il-ġustizzja, fil-paċi.  Ma jridux protezzjoni jew indħil li bih min hu b’saħħtu jgħakkes lil min hu dgħajjef.  Iridu li l-lingwa, il-kultura, il-proċessi soċjali u t-tradizzjonijiet reliġjużi tagħhom ikunu rispettati.  Ebda setgħa, hi x’inhi, m’għandha dritt tiċħad it-tħaddim sħiħ tas-sovranità fil-pajjiżi foqra u meta dawn is-setgħat jindaħlu, naraw li jinħolqu għamliet ġodda ta’ kolonjaliżmu li jikkompromettu bis-sħiħ il-possibiltà tal-paċi u tal-ġustizzja, għax il-paċi «ma tinbeniex biss fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, imma wkoll fuq id-drittijiet tal-popli, partikolarment id-dritt tal-indipendenza» (Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi, Kompendju tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja, 157).

Il-popli tal-Amerika Latina, kisbu l-indipendenza politika bi tbatija kbira u, minn dak iż-żmien, għadhom għal kważi mitejn sena sħaħ, jibnu storja drammatika u mimlija kuntradizzjonijiet fit-tfittxija biex jiksbu indipendenza sħiħa.

F’dawn l-aħħar snin, wara tant nuqqas ta’ ftehim, ħafna pajjiżi tal-Amerika Latina raw tikber fosthom il-fraternità bejn il-popli.  Il-gvernijiet tar-reġjun għaqqdu l-forzi tagħhom biex jiksbu rispett lejn is-sovranità tagħhom, dik ta’ kull pajjiż individwali u dik tar-reġjun fil-firxa kollha tiegħu, li b’mod tant sabiħ, l-antenati tagħna jsejħulha “l’Patrija l-Kbira”.  Nitlobkom ħuti tal-movimenti popolari, li tieħdu ħsieb tkattru din l-umanità.  Hu meħtieġ li żżommu l-għaqda quddiem kull attentat ta’ firda biex ir-reġjun jikber fil-paċi u l-ġustizzja.

Minkejja dal-progress, għad hemm fatturi li jdgħajfu l-iżvilupp uman ekwu u jillimtaw is-sovranità tal-pajjiżi “tal-Patrija l-kbira” u ta’ reġjunijiet oħra tal-pjaneta.  Il-kolonjaliżmu l-ġdid għandu ħafna uċuħ.  Ximindaqqiet ikun il-poter anonimu tal-idolu “flus”, korporazzjonijiet, self li xi drabi jissejjaħ “kummerċ ħieles” u l-impoiżizzjoni ta’ regoli ta’ “awsterità” li dejjem jispiċċaw biex lill-ħaddiema u lill-foqra jġegħluhom jissikkaw iċ-ċintorin.  L-Isqfijiet Latino-Amerikani jikkundannaw dan mingħajr tlaqliq fid-dokument ta’ Aparecida, meta jaffermaw li «l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-impriżi trans-nazzjonali jissaħħu tant li jġibu l-ekonomiji lokali jiddependu minnhom, u fuq kolllox, idgħajfu lill-Istati li qed jidher dejjem aktar ċar li mhux qed ikollhom ħila jiżviluppaw proġetti biex jaqdu lill-popolazzjonijiet tagħhom (V Konferenza Ġenerali tal-Episkopat Latino-Amerikan, -2007- Dokument finali, 66).  F’okkażjonijiet oħra, l-iskuża ”nobbli” tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, it-traffikar tad-droga u t-terroriżmu - mard gravi ta’ żmienna li jeħtieġ intervent internazzjonali koordinat sew – naraw li lill-Istati qed jimponulhom miżuri li xejn m’għandhom x’jaqsmu mas-soluzzjoni ta’ dawn il-problemi u spiss qed jgħarrqu l-affarijiet.  Bl-istess mod il-konċentrazzjoni tal-monopolji fil-qasam tal-mezzi tal-komunikazzjoni li jipprova jimponi mudelli ta’ konsum li m’huma xejn ħlief distrazzjoni jew li jimponu ċerta uniformità kulturali, mhu xejn aktar ħlief strateġija oħra li juża l-kolonjaliżmu l-ġdid.   Dan hu l-kolonjaliżmu ideoloġiku.  Kif jgħidu l-Isqfijiet tal-Afrika, ħafna drabi qed nippretendu li nibdlu l-pajjiżi fqar u nagħmluhom «biċċa minn mekkaniżmu, parti minn ingranaġġ ġgantesk» (Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni Appostolika Ecclesia in Africa – 14 ta’ Settembru1995 - , 52; AAS 88 1996, 32-33); cfr Enċ. Sollecitudo Rei Socialis – 30 ta’ Diċmebru 1987, 22: AAS80 – 1988, 539).

Jeħtieġ li nsiru konxji li ebda waħda mill-problemi gravi tal-umanità ma tista’ tinstabilha soluzzjoni mingħajr l-azzjoni kordinata bejn l-Istati u l-popli fuq livell internazzjonali.  Kull att ta’ firxa kbira li jsir f’xi parti tal-pjaneta jkollu effetti fuq kollox, f’termini ekonomiċi, ekoloġiċi, soċjali u kulturali.  Saħansitra anki l-kriminalità u l-vjolenza saru globaliżżati.  Għalhekk, ebda gvern ma jista’ jaħdem għal rasu maqtugħ mir-responsabbiltà komuni.  Jekk irridu verament bidla għall-pożittiv, irridu naċċettaw bl-umiltà li aħna niddependu minn xulxin, li tfisser inter-dipendenza sana.  Iżda interazzjoni ma tfissirx impożizzjoni, mhix subordinazzjoni ta’ wħud biex jinqdew l-interessi tal-oħrajn.  Il-kolonjaliżmu, antik u ġdid, li jirriduċi lill-pajjiżi foqra bħala sempliċi fornituri tal-materja prima u tax-xogħol tal-id imħallas bil-loqom, jiġġenera vjolenza, faqar, migrazzjoni sfurzata u l-ħażin kollu li qed naraw taħt għajnejna…. propju għaliex meta l-periferija nużawha biex taqdi liċ-ċentru nkunu qed niċħdulha d-dritt tal-iżvilupp integrali. U din, ħuti, hija inġustizzja, u l-inġustizzja tiġġenera l-vjolenza li ebda puluzija, suldat jew servizz sigriet ma jista’ jwaqqaf.

Għalhekk ngħidu LE għal għamliet qodma jew ġodda ta’ kolonjaliżmu.  Ngħidu IVA għal-laqgħa bejn il-popli u l-kulturi.  Imberkin dawk li jaħdmu għall-paċi.  Hawn irrid nieqaf ftit dwar kwistjoni importanti.  Għax xi ħadd jista’ jgħid, bi dritt, “meta l-Papa jitkellem dwar il-kolonjaliżmu jinsa’ ċerti azzjonijiet tal-Knisja”.  Ngħidilkom, b’qalb tqila: f’isem Alla saru ħafna dnubiet gravi kontra l-popli li ġejjin mill-Amerika.  Dan għarfuh il-predeċessuri tiegħi, qalitu ċ-CELAM, il-Kunsill Episkopali Latino-Amerikan u rrid ngħidu jien ukoll.  Bħal San Ġwanni Pawlu II, nitlob li «l-Knisja tinżel għarkuptejha quddiem Alla u titlob maħfra għad-dnubiet tal-passat u tal-preżent ta’ uliedha» (Bolla Incarnationis Mysterium – 29 ta’ Novembru 1998, 11: AAS 91 – 1999, 140).  U nixtieq ngħidilkom, u rrid inkun ċar ħafna kif kien San Ġwanni Pawlu II: nitlob skuża bl-umiltà mhux biss għall-offiżi tal-Knisja tiegħi, imma wkoll għall-krimini kontra l-popolazzjonijiet indiġeni li seħħew waqt dik li tissejjaħ il-Kisba tal-Amerika.  U flimkien ma’ din it-talba għall-maħfra, biex inkunu ġusti, irrid infakkar ukoll l-eluf ta’ saċerdoti u isqfijiet, li bis-saħħa tagħhom kollha qiegħdu l-qawwa tas-Salib kontra l-loġika tas-sejf.  Kien hemm id-dnub, kien hemm id-dnub u bl-abbundanza, imma ma tlabniex maħfra, u hu għalhekk li qed nitolbu maħfra issa, u qed nitlob maħfra, imma hemm, fejn kien hemm id-dnub, fejn kien hemm id-dnub bl-abbundanza, tkattret fuq li tkattret il-grazzja permezz ta’ dawn il-bnedmin li ddefendew il-ġustizzja tal-popli oriġinarji. Nitlob ukoll lilkom ilkoll, li temmnu jew li ma temmnux, biex tiftakru f’tant isqfijiet, saċerdoti u lajċi li pprietkaw u għadhom jipprietkaw l-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesù bil-kuraġġ u l-manswetudni, bir-rispett u  l-paċi – għidt isqfijiet, saċerdoti u lajċi; imma ma rridx ninsa lis-sorijiet, li bla ma jidhru, jduru mal-kwartieri foqra biex iwaslu l-messaġġ tal-paċi u tal-ġid -, li waqt li kienu f’dil-ħajja ħallew opri li jqanqlu ta’ promozzjoni umana u ta’ mħabba, bosta drabi spalla ma’ spalla mal-popli indiġeni jew billi akkumpanjaw il-movimenti popolari anki sal-martirju.  Il-Knisja, ulieda rġiel u nisa, huma parti mill-identità tal-popli tal-Amerika Latina.  Identità li kemm hawn kif ukoll f’pajjiżi oħra, ċerti poteri huma determinati li jeqirduha, xi drabi għaliex il-fidi tagħna hi rivoluzzjonarja, għax il-fidi tagħna tisfida t-tirannija tal-idolu flus.  Illum naraw bi twerwir kif fil-Lvant Nofsani u f’inħawi oħra tad-dinja qed ikunu persegwitati, ittorturti, assassinati ħafna minn ħutna minħabba l-fidi tagħhom f’Ġesù.  Irridu nikkundannaw anki dan: f’din it-tielet gwerra dinjija miġġielda “bil-biċċa” li qed naraw għaddejja, hemm xorta ta’ – irrid nuża kelma qawwija – ġenoċidju li għandu jieqaf.

Lill-aħwa tal-moviment indiġenu Latinoamerikan ħalluni nesprimi l-akbar imħabba u nifirħilkom talli qed tfittxu l-għaqda bejn il-popli tagħkom u bejn il-kulturi; għaqda li jien inħobb insejħilha “ta’ ħafna faċċati”: għamla ta’ konvivenza li fiha kull naħa żomm l-identità tagħha imma f’xirka tibni pluralità nieqsa mill-periklu, anzi li ssaħħaħ l-għaqda.  It-tfittxija għal dan il-multikulturaliżmu, li jgħaqqad flimkien l-affermazzjoni mill-ġdid tad-drittijiet tal-popli oriġinarji mar-respett lejn l-integrità territrojali tal-Istati, jagħnina u jsaħħaħna lkoll.

 

3.3. It-tielet biċċa xogħol, forsi l-aktar waħda importanti li għandna nidħlu għaliha llum hi dik li niddefendu lil Ommna l-Art.

Id-dar komuni tagħna lkoll hija sakkeġġjata, meqruda, umiljata mingħajr ħadd ma jinstab ħati ta’ dak li qed isir.  Li aħna nkunu ġwejjef u ma niddefenduhiex huwa dnub kbir.  It-tama bla temma tagħna dejjem tikber hekk kif naraw isiru waħda wara l-oħra, laqgħat internazzjonali tal-għola livell li qatt ma jagħtu ebda riżultat importanti.  Hemm imperattiv etiku ċar, preċiż u li ma nistgħux nipposponuh aktar biex isir xi ħaġa, imma din tibqa’ ma ssirx.  Ma nistgħux nibqgħu nippermettu li ċerti interessi – li huma globali iżda mhux universali – jibqgħu jimponu ruħhom, u jikkamandaw lill-Istati u lill-organiżżazzjonijiet internazzjonali waqt li jkomplu jeqridu l-ħolqien.  Il-popli u l-movimenti tagħhom huma msejħin biex isemmgħu leħinhom, biex jiċċaqalqu, jesiġu – bil-paċi imma b’rieda soda – li jidħlu fis-seħħ mingħajr telf ta’ żmien provvedimenti xierqa.  Nitlobkom f’isem Alla, biex tiddefendu lil Ommna l-Art.  Dwar dan tkellimt kif kelli nitkellem fl-ittra Enċiklika Laudato si’, li jidhirli li se tingħatalkom fl-aħħar tal-laqgħa.

 

4. Biex intemm, irrid intenni mill-ġdid: il-futur tal-umanità ma jinsabx biss f’idejn il-mexxejja l-kbar, f’idejn il-qawwiet il-kbar, f’idejn l-èlite.  Jinsab aktar minn kollox f’idejn il-popli; fil-ħila tagħhom li jorganiżżaw ruħhom u anki fl-idejn ta’ dawk li jsaqqu bl-umiltà u l-konvinzjoni dan il-proċess ta’ tibdil.  Jien se nkun magħkom.  U kull wieħed u waħda intennu flimkien minn qalbna: ebda familja mingħajr dar, ebda bidwi mingħajr art, ebda ħaddiem mingħajr drittijiet, ebda poplu mingħajr sovranità, ebda persuna mingħajr dinjità, ebda tfiel/tifla mingħajr tfulija, ebda żgħażugħ mingħajr opportunità, ebda anzjan mingħajr xjuħija meqjuma.  Komplu tqabdu f’isem dan kollu, u, jekk jogħġobkom, ħudu ħsieb ħafna ta’ Ommna l-Art.  Emmnuni, inkun sinċier u ngħidha minn qalbi: nitlob għalikom, nitlob magħkom u nixtieq nitlob lil Alla Missierna li jakkumpanjakom u jberikkom, jimlikom bl-imħabba tiegħu u jiddefendikom fil-mixja, jagħtikom bl-abbundanza dik il-qawwa li żżommna weqfin: din il-qawwa hija t-tama.  Hija ħaġa importanti: it-tama ma tqarraqx!  U, jekk jogħġobkom, nitlobkom titolbu għalija.  U jekk xi ħadd minnkom ma jistax jitlob, bir-rispett kollu, nitolbu li jaħseb fija fit-tajjeb u jibgħatli “mewġa tajba”.  Grazzi!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber