Nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Lulju fil-għodu l-Papa Franġisku, profondament grat għall-onorifiċenzi li tah il-President ta’ l-Istat plurinazzjonali tal-Bolivja, ħalliehom, b’rikonoxximent tal-qalb kbira u d-devozzjoni tal-poplu Bolivjan, lill-Verġni ta’ Copacabana, biex, meta tħares lejhom, hi tieħu ħsieb bi ħlewwa kbira ta’ omm lil dan il-poplu maħbub u tħares ukoll lilu.  Matul il-Quddiesa, iċċelebrata fil-kappella tar-residenza privata ta’ l-Arċisqof emeritu ta’ Santa Cruz de la Sierra, il-Papa għaddielu ż-żewġ onorifiċenzi u lissen dawn il-kelmtejn.

 

Is-Sur President tan-Nazzjon, f’ġest ta’ kordjalità, għoġbu joffrili żewġ onorifiċenzi f’isem il-poplu Bolivjan.  Nirringrazzja lill-poplu Bolivjan għar-rispett tiegħu u għal din il-ħlewwa tas-Sur President, u nixtieq inħalli dawn iż-żewġ onorifiċenzi lill-Patruna tal-Bolivja, Omm ta’ dan in-Nazzjon nobbli, biex Hi tiftakar dejjem fil-poplu tagħha u mill-Bolivja, mis-Santwarju tagħha, fejn nixtieq li jibqgħu, tiftakar ukoll fis-Suċċessur ta’ Pietru u fil-Knisja kollha, u mill-Bolivja tieħu ħsieb tagħhom.

 

Il-Papa mbagħad għamel din it-talba.

 

Omm il-Feddej, Omm tagħna, int, Sultana tal-Bolivja, mill-għoli tas-Santwarju tiegħek f’Capocabana, agħti widen għat-talbiet u l-ħtiġijiet ta’ wliedek, speċjalment ta’ l-aktar foqra u mwarrbin, u ħarishom.

 

Ilqa’ bħala turija ta’ rispett mill-qalb tal-Bolivja u ta’ l-imħabba tiegħi ta’ iben is-simboli ta’ l-imħabba u tal-qrubija li – f’isem il-Poplu Bolivjan – tani b’rispett kordjali u ġeneruż is-Sinjur President Evo Morales Ayma, fl-okkażjoni ta’ dan il-Vjaġġ Appostoliku, li jiena fdajt f’idejn l-interċessjoni qawwija tiegħek.

 

Nitolbok li dawn l-onorifiċenzi, li qed inħalli hawn fil-Bolivja f’riġlejk, u li jfakkru fin-nobbiltà tat-titjira tal-Condor fis-smewwiet ta’ l-Ande u fis-sagrifiċċju qatt minsi ta’ Patri Luis Espinal sj, ikunu emblemi ta’ l-imħabba dejjiema u tal-gratitudni perseveranti tal-Poplu Bolivjan għall-ħlewwa żelanti u qawwija tiegħek.

 

F’dan il-mument nafda fil-qalb tiegħek it-talbiet tiegħi għall-ħtiġijiet kollha ta’ wliedek li jiena rċivejt f’dawn il-jiem: nitolbok tismagħhom; agħtihom l-inkuraġġiment u l-ħarsien tiegħek u uri lill-Bolivja kollha l-ħlewwa tiegħek ta’ mara u ta’ Omm Alla, li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem.  Amen.

 

LOsservatore Romano, Edizione quotidiana n. 156 tat-12/07/2015.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard