Greg Burke:

Grazzi, Santità, qabel kull ħaġa oħra, grazzi. Int għażilt żewġ pajjiżi interessanti biex iżżur, żewġ pajjiżi differenti ħafna imma b’xi ħaġa komuni, għax f’kull wieħed miż-żewġ pajjiżi hemm Knisja żgħira, imma attiva, mimlija ferħ, mimlija żgħażagħ u mimlija bi spirtu ta’ servizz lis-soċjetà kollha. Bla dubju ta’ xejn aħna rajna ħafna, tgħallimna ħafna, imma jinteressana wkoll [inkunu nafu] x’rajt int u x’tgħallimt int.

 

Il-Papa Franġisku:

Il-lejla t-tajba, jekk naħsbu bil-ħin ta’ hawn, jew il-waranofsinhar it-tajjeb, jekk naħsbu bil-ħin ta’ Ruma. Grazzi ħafna tal-ħidma tagħkom. Kif qal Greg, huma żewġ pajjiżi interessanti ħafna b’kulturi tradizzjonali ħafna, profondi, għonja. Għalhekk nemmen li l-ħidma tagħkom kienet intensa ħafna. Grazzi ħafna.

 

Sagrario Ruiz de Apodaca (Radio Nacional de España):

Il-lejla t-tajba, Santità. Grazzi. Bil-permess tal-kollegi Taljani tiegħi, se nagħmel il-mistoqsija bl-Ispanjol, għax għadni ma nafdax fit-Taljan tiegħi, imma jekk int trid twieġeb bit-Taljan, tajjeb għal kulħadd. Il-kriżi tar-Rohingya iffokalizzat parti kbira minn dan il-vjaġġ fl-Asja. Int ilbieraħ semmejthom b’isimhom, fl-aħħar, fil-Bangladesh. Baqa’ jiddispjaċik li m’għamiltx l-istess fil-Myanmar, li ma semmejthomx b’dan it-terminu Rohingya”? U x’ħassejt ilbieraħ meta tlabthom maħfra?

 

Il-Papa Franġisku:

Ilbieraħ ma kinitx l-ewwel darba. Bosta drabi fil-pubbliku, fi Pjazza San Pietru, fl-Angelus jew fl-udjenzi, semmejthom…

 

Sagrario Ruiz de Apodaca:

Imma f’dan il-vjaġġ…

 

Il-Papa Franġisku:

Iva, imma rrid nisħaq li diġà kien magħruf x’kont naħseb u x’kont ngħid. Imma l-mistoqsija tiegħek hi interessanti ħafna għax iġġibni nirrifletti fuq kif qed infittex li nikkomunika. Għalija, l-iktar ħaġa importanti hi li l-messaġġ jasal, u allura li nfittex li ngħid l-affarijiet pass wara l-ieħor u nisma’ t-tweġibiet, sakemm jasal il-messaġġ. Ngħidu aħna, eżempju mill-ħajja ta’ kuljum: tifel, tifla fil-kriżi tal-adolexxenza jista’ jgħid dak li jaħseb, isabbat il-bieb f’wiċċ xi ħadd u l-messaġġ ma jasalx, jingħalaq fih innifsu. Lili jinteressani li dan il-messaġġ jasal. Għalhekk, rajt li, kieku fid-diskors uffiċjali [f’Myanmar] kelli ngħid dik il-kelma, kont inkun qed insabbat il-bieb fil-wiċċ. Imma ddeskrivejt is-sitwazzjonijiet, id-drittijiet ta’ ċittadinanza, “ħadd eskluż”, biex fil-kollokji privati stajt imbagħad immur pass lil hemm. Jien ħriġt sodisfatt ħafna bil-kollokji li kelli, għax hu minnu, ma kellix – ħa ngħidu hekk – il-pjaċir li nsabbat il-bieb f’wiċċ xi ħadd, pubblikament, nikkundanna, le, imma kelli s-sodisfazzjon li niddjaloga, li ngħin lill-ieħor jitkellem, li ngħid tiegħi u hekk il-messaġġ wasal. U tant wasal, li kompla u kompla u spiċċa lbieraħ b’dak. U dan hu importanti ħafna, fil-komunikazzjoni: il-preokkupazzjoni li l-messaġġ jasal. Tant drabi, il-kundanni, anki fil-midja – ma rrid noffendi lil ħadd –, b’xi doża ta’ aggressività, jagħlqu d-djalogu, jagħlqu l-bieb u l-messaġġ ma jasalx. U intom, li intom speċjalisti f’li taraw li l-messaġġi jaslu, dan tifhmuh tajjeb.

 

Int qed tistaqsini x’ħassejt ilbieraħ. Dan ma kienx ipprogrammat, hekk. Kont naf li kelli niltaqa’ mar-Rohingya. La kont naf fejn u lanqas kif, imma din kienet kundizzjoni tal-vjaġġ, għalija, u konna qed nippreparaw mod kif. Wara ħafna arranġamenti, anki mal-Gvern, mal-Caritas, il-Gvern ta permess għall-vjaġġ ta’ dawn li ġew ilbieraħ. Għax dan seħħ permezz tal-Gvern, li jipproteġihom u jagħtihom ospitalità, u din hi ħaġa kbira: dak li qed jagħmel għalihom il-Bangladesh hu ħaġa kbira, hu eżempju ta’ akkoljenza. Pajjiż ċkejken, fqir, li laqa’ seba’ mitt rifuġjat… Jiġuni f’moħħi l-pajjiżi li jagħlqu l-bibien tagħhom… Għandna għax inkunu grati għall-eżempju li tawna. Il-Gvern għar-relazzjonijiet internazzjonali tiegħu mal-Myanmar irid jaħdem bil-permessi, id-djalogu… Għax qegħdin f’kampijiet tar-rifuġjati, kundizzjoni speċjali. Imma fl-aħħar ġew. Kienu mbeżżgħin, ma kinux jafu… Xi ħadd kien qalilhom: “Intom kemm issellmu lill-Papa, tiftħux ħalqkom” – xi ħadd mhux mill-Gvern tal-Bangladesh – persuni li kienu qed jieħdu ħsieb il-kuntatti… F’ħin minnhom, wara d-djalogu interreliġjuż, it-talba interreliġjuża, din ħejjiet il-qalb tagħna lkoll, konna ħafna iktar miftuħin reliġjożament. Jiena, tal-inqas, hekk kont qed inħossni. U wasal il-mument li fih huma kellhom jersqu biex isellmuli. Ringiela wara xulxin – dan ma għoġobnix, li kienu wieħed wara l-ieħor – ; imma riedu jkeċċuhom kemm jista’ jkun malajr minn fuq il-palk. U jien hemm irrabjajt u għajjatt ftit – għax jien midneb – u għidt kemm-il darba l-kelma “rispett”, rispett. Waqqafthom, u huma baqgħu hemm. Imbagħad, wara li smajthom wieħed wieħed bl-interpretu li kien jitkellem il-lingwa tagħhom, bdejt inħoss xi ħaġa ġo fija: “Imma jien ma nistax inħallihom jitilqu mingħajr ma llissen kelma”, u tlabt għall-mikrofonu. U bdejt nitkellem… Ma niftakarx x’għidt. Naf li f’ħin minnhom tlabt maħfra. Naħseb darbtejn, ma niftakarx. Imma l-mistoqsija tiegħek hi “x’ħassejt”: dak il-ħin bkejt. Għamilt mod li ma nurix. Huma wkoll kienu qed jibku. U mbagħad, ftakart li konna f’laqgħa interreliġjuża, imma l-mexxejja tat-tradizzjonijiet reliġjużi l-oħra kienu mbiegħda. [Allura għidt:] “Le, ejjew intom ukoll: dawn huma r-Rohingya tagħna lkoll”. U huma sellmulhom. Ma kontx naf x’naqbad ngħid iżjed għax ħarist lejhom u sellimtilhom… U ħsibt: “Kollha tkellimna, il-mexxejja reliġjużi. Imma wieħed minnkom, jagħmel talba, wieħed mill-grupp tagħkom…”. U naħseb li kien Imam, “kjeriku” tar-reliġjon tagħhom, li għamel dik it-talba, u anki huma talbu hemm, magħna. U, meta rajt din il-mixja kollha, ħassejt li l-messaġġ kien wasal. Ma nafx weġibtx għall-mistoqsija tiegħek. Parti kienet ipprogrammata, imma l-parti l-kbira ħarġet spontanjament. Imbagħad, illum, kien hemm – qaluli – programm magħmul minn wieħed minnkom – ma nafx hux hawn jew le – it-TG1: programm twil, twil… min għamlu, taf?

 

Greg Burke:

Għadu l-Bangladesh, TG1.

 

Il-Papa Franġisku:

Li mbagħad reġgħu xandruh fuq TG4… Jien ma rajtux, imma xi wħud milli hawn hawn, rawh. Riflessjoni: il-messaġġ mhux hawn biss wasal. Intom rajtu llum il-qoxra tal-ġurnali: kulħadd fehmu l-messaġġ. U jien ma smajt l-ebda kritika. Forsi għad ikun hemm, imma jien għadni ma smajtx.

 

George Abraham Kallivayalil, “Deepika Daily”:

Santità, nittama li l-vjaġġ tiegħek fl-Asja, il-messaġġ liż-żewġ pajjiżi, kien suċċess kbir. Aħna nafu li f’din l-istess okkażjoni int xtaqt tmur l-Indja. X’kienet sewwasew ir-raġuni li għaliha f’dan il-vjaġġ l-ipoteżi tal-Indja waqgħet? Miljuni ta’ persuni fl-Indja, fosthom il-fidili tagħna, għadhom jawguraw u jittamaw li l-Papa jżur l-Indja s-sena d-dieħla: nistgħu nistennewk fl-Indja fl-2018?

 

Il-Papa Franġisku:

Iva, l-ewwel pjan kien li nżur l-Indja u l-Bangladesh; imma mbagħad il-proċeduri twalu, iż-żmien kien qed jagħfas u għażilt dawn iż-żewġ pajjiżi. Żammejna l-Bangladesh, imma miegħu l-Myanmar. Kien providenzjali, għax biex iżżur l-Indja trid vjaġġ wieħed: trid tmur fin-nofsinhar, fiċ-ċentru, fil-lvant, fil-punent, fit-tramuntana…, minħabba fid-diversi kulturi tal-Indja. Nittama li nkun nista’ nagħmlu fl-2018, jekk nibqgħu mal-ħajjin! Imma l-idea kienet tal-Indja u l-Bangladesh. Imbagħad iż-żmien għafas fuqna biex nagħmlu din l-għażla. Grazzi.

 

Etienne Loraillère, Kto (televiżjoni Kattolika Franċiża):

Santità, hemm mistoqsija tal-grupp tal-ġurnalisti ta’ Franza. Xi wħud jappoġġjaw id-djalogu interreliġjuż u l-evanġelizzazzjoni. Matul dan il-vjaġġ, int tkellimt fuq id-djalogu għall-bini tal-paċi. Imma x’inhi l-prijorità: nevanġelizzaw jew niddjalogaw għall-paċi? Għax tevanġelizza jfisser twassal għall-konverżjonijiet li jipprovokaw tensjonijiet u xi drabi kunflitti bejn min jemmen; allura, x’inhi l-prijorità tiegħek: tevanġelizza jew tiddjaloga?

 

Il-Papa Franġisku:

Grazzi. L-ewwel distinzjoni: tevanġelizza ma jfissirx tagħmel proselitiżmu. Il-Knisja tikber mhux bil-proselitiżmu, imma bl-attrazzjoni, jiġifieri bix-xhieda. Dan qalu l-Papa Benedittu XVI. Kif tkun l-evanġelizzazzjoni? Tfisser li tgħix il-Vanġelu, li tagħti xhieda ta’ kif tgħix il-Vanġelu: tagħti xhieda tal-Beatitudnijiet, tagħti xhieda ta’ Mattew 25, tagħti xhieda tas-Samaritan it-Tajjeb, tagħti xhieda tal-maħfra sebgħa għal sebgħin darba. U f’din ix-xhieda, l-Ispirtu s-Santu jaħdem u jseħħu l-konverżjonijiet. Imma aħna ma tantx aħna entużjasti li nagħmlu dritt il-konverżjonijiet. Jekk jiġu, jistennew: nitkellmu…, it-tradizzjoni tagħkom…, hekk li konverżjoni tkun it-tweġiba għal xi ħaġa li l-Ispirtu s-Santu ċaqlaq fil-qalb tiegħi quddiem ix-xhieda tan-Nisrani. Fil-pranzu li kelli maż-żgħażagħ fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ fi Krakovja – xi ħmistax-il żagħżugħ u żagħżugħa mid-dinja kollha – wieħed minnhom għamilli din il-mistoqsija: “X’għandi ngħid lil sieħbi tal-università, ħabib, bravu, imma li hu ateu? X’għandi ngħidlu biex nibdillu fehemtu, biex nikkonvertih?”. It-tweġiba kienet din: “L-aħħar ħaġa li għandek tagħmel hu tgħidlu xi ħaġa. Int għix il-Vanġelu tiegħek, u jekk hu jistaqsik għaliex tagħmel dan, tista’ tfissirlu għaliex tagħmlu. U ħalli lill-Ispirtu s-Santu jiġbdu hu lejh”. Din hi l-qawwa u l-ħlewwa tal-Ispirtu s-Santu fil-konverżjonijiet. Mhux li tikkonvinċi mentalment b’ħafna apoloġetika, raġunijiet… le. Hu l-Ispirtu li jġib il-konverżjoni. Aħna xhieda tal-Ispirtu, xhieda tal-Vanġelu. “Xhud” hi kelma li fil-Grieg taqra “martri”: il-martirju ta’ kull ġurnata, il-martirju anki tad-demm, meta jasal… Il-mistoqsija tiegħek: x’inhi prijorità, il-paċi jew il-konverżjoni? Imma, meta ngħixu b’xhieda u rispett, il-paċi tiġi. Il-paċi f’dan il-qasam tibda titkisser meta jibda l-proselitiżmu, u hemm tant għamliet ta’ proselitiżmu, imma dan mhux evanġeliku. Ma nafx weġibtekx.

 

Joshua McElwee, National Catholic Reporter:

Grazzi ħafna, Santità, u sa nibdel għalkollox is-suġġett. Fil-Gwerra l-Bierda, il-Papa San Ġwanni Pawlu II qal li l-politika dinjija ta’ detterent nukleari kienet iġġudikata bħala moralment aċċettabbli. Ix-xahar l-ieħor, f’konferenza fuq id-diżarmament, int għidt li l-istess pussess tal-armi nukleari hu ħaġa kundannabbli. Xi nbidel fid-dinja li wasslek biex tagħmel din il-bidla fil-ħsieb? Xi rwol kellhom l-insulti u t-theddid bejn il-President Trump u Kim Jong-un fid-deċiżjonijiet tiegħek? U int x’tgħidilhom lill-politiċi li ma jridux jitilqu minn idejhom l-ħażniet nukleari u lanqas inaqqsuhom?

 

Il-Papa Franġisku:

Nippreferi li l-ewwel isiru l-mistoqsijiet fuq il-vjaġġ, qed ngħid lil kulħadd. Imma ħa nagħmel eċċezzjoni għax dan ġa għamel il-mistoqsija.

 

Xi nbidel? Inbidlet l-irrazzjonalità. Tiġini f’moħħi l-Enċiklika Laudato sì, il-ħarsien tal-ħolqien. Miż-żmien li fih il-Papa San Ġwanni Pawlu II qal hekk sal-lum għaddew tant snin… Kemm? Għandek id-data?

 

Joshua McElwee, NCR:

1982.

 

Il-Papa Franġisku:

34 sena. Fid-dinja nukleari, f’34 sena, morna lil hemm, lil hemm, lil hemm. Illum qbiżna l-limiti. Dan nistgħu niddiskutuh, din hi l-opinjni tiegħi, imma l-opinjoni konvinta tiegħi: jiena konvint minn dan. Qbiżna l-limitu ta’ x’inhu leċitu li jkollna u nużaw l-armi nukleari. Għaliex? Għax illum, bil-ħażna nukleari hekk sofistikata, qed nirriskjaw il-qerda tal-umanità, jew tal-inqas ta’ parti kbira mill-umanità. Għalhekk qed norbot mal-Laudato sì. Xi nbidel? Dan. Kemm żdiedu l-armamenti nukleari. U nbidel ukoll… Huma [armamenti] sofistikati u anki kiefra, li kapaċi wkoll jeqirdu l-persuni mingħajr ma jmissu mal-istrutturi… Qbiżna l-limiti, u ladarba qbiżna l-limiti jien nistaqsi lili nnifsi – mhux bħala Maġisteru Pontifiċju, imma l-mistoqsija li jagħmel Papa –: illum hu leċitu nżommu l-ħażniet nukleari, hekk kif inhuma, u llum, biex insalvaw il-ħolqien, insalvaw l-umanità, forsi m’hemmx bżonn nagħmlu pass lura? Ħa nerġa’ għal ħaġa li kont għidt, li hi ta’ Guardini, mhix tiegħi. Hemm żewġ għamliet ta’ “inkultura”: l-ewwel l-inkultura li Alla tana biex nagħmlu l-kultura, bix-xogħol, bl-investigazzjoni [ir-riċerka] u nimxu, nagħmlu kultura. Naħsbu fix-xjenzi mediċi, tant progress, tant kultura, fil-mekkanika, u tant ħwejjeġ. U l-bniedem għandu l-missjoni li jibda mill-inkultura li rċieva biex jagħmel kultura. Imma naslu f’punt fejn il-bniedem għandu f’idejh, b’din il-kultura, il-ħila li jagħmel inkultura oħra: naħsbu f’Hiroshima u Nagasaki. U dan sittin, sebgħin sena ilu. Il-qerda. U dan jiġri wkoll meta fl-enerġija atomika ma jirnexxilniex ikollna l-kontroll kollu: aħsbu fl-inċidenti tal-Ukrajna. Għalhekk, lura għall-armi, li qegħdin biex wieħed jirbaħ billi jeqred, jien ngħid li qbiżna l-limitu ta’ x’inhu leċitu.

 

Greg Burke:

Grazzi, Santità. Issa għamluli sinjali li l-mistoqsijiet sa jinbidlu mill-vjaġġ għal oħrajn, għalhekk jekk trid tgħid xi ħaġa fuq il-vjaġġ…

 

Il-Papa Franġisku:

Nixtieq kieku xi oħra fuq il-vjaġġ, għax inkella jaħsbu li ma tantx kien interessanti, le?

 

Delia Gallagher, CNN:

Santità, ma nafx kemm tista’ twieġeb, imma jien kurjuża ħafna fuq il-laqgħa tiegħek mal-Ġeneral Hein, għax jien tgħallimt ħafna fuq din is-sitwazzjoni, kemm ilni hawn, u fhimt li barra Aung San Suu Kyi, hemm anki dan il-militari li hu importanti ħafna fil-kriżi, li int iltqajt miegħu personalment. X’tip ta’ laqgħa kienet u kif għamilt biex tkellimt miegħu?

 

Il-Papa Franġisku:

Intelliġenti, il-mistoqsija, sabiħa. Jien nagħżel bejn żewġ tipi ta’ laqgħat. Il-laqgħat fejn jien mort niltaqa’ man-nies u l-laqgħat li fihom ilqajt in-nies. Fil-każ ta’ dan il-Ġeneral, hu talab li jkellimni: jien ilqajtu. Jien ma nagħlaq qatt bibien. Int titlobni li nitkellmu? Ejja. Meta titkellem ma titlef xejn, dejjem tiggwadanja. Kienet konverżazzjoni sabiħa. Ma nistax ngħid, għax kienet privata, imma ma nnegozjajtx veritajiet, niżgurak. Imma għamiltha b’mod li hu fehem xi ftit li triq, kif kienet fiż-żminijiet koroh, imġedda llum, ma nistgħux nimxuha. Kienet laqgħa sabiħa, ċivili; u anki hemm, il-messaġġ wasal.

 

Gerry O’Connell, “America Magazine”:

Grazzi, Santità. Tiegħi hi xi ftit jew wisq żvilupp tal-mistoqsija ta’ Delia. Int iltqajt ma’ Aung San Suu Kyi, il-President, il-militari, il-monaku li hu xi ftit diffikultuż…; u mbagħad mort il-Bangladesh, iltqajt anki mal-Prim Ministru, il-President…; il-mexxejja Islamiċi hemm u l-mexxejja Buddisti fil-Myanmar. Il-mistoqsija tiegħi hi: int x’se tieħu miegħek minn dan kollu? X’inhi l-analiżi tiegħek ta’ dawn il-laqgħat kollha? X’prospettivi għall-futur fi żvilupp aħjar għal dawn iż-żewġ pajjiżi, meta tqis ukoll is-sitwazzjoni tar-Rohingya?

 

Il-Papa Franġisku:

Mhux sa tkun ħaġa faċli, biex nimxu ’l quddiem fi żvilupp kostruttiv, u mhux sa jkun faċli għal xi ħadd li jrid imur pass lura. Wasalna f’punt fejn iridu jiġu studjati l-affarijiet. Xi ħadd – ma nafx dan hux minnu – qalli li l-Istat tar-Rakhine hu sinjur ħafna fil-ħaġar prezzjuż u li forsi jista’ jkun hemm interessi li hi art xi ftit diżabitata biex tinħadem. Imma ma nafx hux minnu, dawn huma ipoteżijiet li jsiru; anki fuq l-Afrika jingħadu ħafna… Imma nemmen li wasalna f’punt fejn mhux sa jkun faċli nibqgħu mejxin, fis-sens pożittiv, u mhux sa jkun faċli mmorru lura, għax il-kuxjenza, illum, tal-umanità… il-fatt, u lura għar-Rohingya, li l-Ġnus Magħquda qalu li r-Rohingya llum huma l-minoranza reliġjuża u etnika l-iżjed ippersegwitata fid-dinja, dan hu punt li hu piż fuq min irid jerġa’ lura. Qegħdin f’punt fejn, bid-djalogu, nistgħu nibdew, pass u wara pass ieħor, forsi nofs pass lura u tnejn ’il quddiem, imma hekk isiru l-ħwejjeġ tal-bnedmin: b’rieda tajba, bid-djalogu, qatt bil-vjolenza, qatt bil-gwerra. Mhux faċli. Imma hu punt ta’ bidla: isir, dan il-punt ta’ bidla, għat-tajjeb, jew isir, dan il-punt ta’ bidla, biex nerġgħu lura? Aħ iva, it-tama jien ma nitlifhiex, għax, sinċerament, jekk il-Mulej ippermetta dan li għexna lbieraħ u li għexna b’mod iżjed riservat, barra ż-żewġ diskorsi [uffiċjali lill-Awtoritajiet], il-Mulej jippermetti xi ħaġa biex iwiegħed oħra. Jien għandi t-tama Nisranija: ma tista’ qatt tgħid…

 

Valentina Alazraki, “Televisa”:

Dwar il-vjaġġ, kienet mistoqsija li ridna nagħmlulek qabel u mbagħad ma saritx. Aħna nixtiequ nafu: Papa li dejjem jitkellem fuq il-maħruba, ir-rifuġjati, l-immigranti…; int xtaqt mort fil-kamp tar-rifuġjati tar-Rohingya? U għaliex ma mortx?

 

Il-Papa Franġisku:

Veru, xtaqt immur. Imma ma kienx possibbli. Ġew studjati l-affarijiet, ma kienx possibbli. Għal bosta fatturi, anki l-ħin, anki d-distanza, imma anki fatturi oħra. Imma l-kamp tar-rifuġjati “ġie hu”, f’rappreżentanzi. Kont nieħu pjaċir, dan hu minnu, imma ma kienx possibbli.

 

Enzo Romeo, Rai:

Santità, grazzi. Ridt nistaqsik żewġ affarijiet, ta’ malajr. Waħda fuq il-globalizzazzjoni, għax rajna, fuq kollox fil-Bangladesh – u din hi r-raġuni għall-mistoqsija marbuta mal-vjaġġ – li hu pajjiż li qed ifittex li joħroġ mill-faqar, imma b’sistemi li għalina jidhru tassew peżanti. Rajna r-Rana Plaza, dan il-post fejn ċediet il-binja li kienet tintuża għall-industriji tad-drappijiet: 1,100 persuna mejta, ħamest elef feruti, għal €60 kuljum kienu jaħdmu. Fir-ristorant tagħna, biex tieħu platt jew tiekol pizza, ridt tħallas €50. Din tidher ħaġa ma titwemminx. Skont int, minn dak li rajt u ħassejt, possibbli joħorġu minn dan il-mekkaniżmu? U l-ħaġa l-oħra hi din, li kollha ħsibnieha: fuq il-kwistjoni tar-Rohingya, deher li kien hemm ir-rieda ta’ intervent anki min-naħa tal-gruppi Jiħadisti, l-al Qaeda, l-Isis, li – donnu – kienu qed ifittxu li jiddefendu lil dan il-poplu, il-libertà ta’ dan il-poplu. Interessanti li l-kap tal-Kristjanità deher iżjed ħabib, b’xi mod, minn dawn il-gruppi estremisti: tajba din is-sensazzjoni?

 

Il-Papa Franġisku:

Ħa nitlaq mit-tieni waħda. Kien hemm gruppi terroristiċi li kienu qed ifittxu li japprofittaw mis-sitwazzjoni tar-Rohingya, li huma nies tal-paċi. Anki aħna l-Kattoliċi approfittajna. Il-militari jiġġustifikaw l-interventi tagħhom favur dawn il-gruppi. Jien ma għażiltx li nitkellem ma’ dawn in-nies, għażilt li nitkellem mal-vittmi ta’ dawn in-nies. Għax il-vittmi kienu l-poplu Rohingya, li minn naħa bata dik id-diskriminazzjoni u min-naħa l-oħra kien difiż mit-terroristi. Imma msejkna li huma! Il-Gvern tal-Bangladesh għandu kampanja qawwija ħafna – hekk qaluli l-ministri – ta’ xejn tollerenza għat-terroriżmu, u mhux biss minħabba f’din il-kwistjoni, imma biex jevita wkoll oħrajn. Dawn li daħlu mal-Isis, anki jekk huma Rohingya, huma grupp fundamentalista estremista ċkejken ħafna. Imma hekk jagħmlu l-estremisti: jiġġustifikaw l-intervent tagħhom li qered tajbin u ħżiena.

 

Greg Burke:

U l-globalizzazzjoni, l-ewwel mistoqsija…

 

Enzo Romeo, Rai:

…li qed ifittex il-globalizzazzjoni, imma għal prezz għoli ħafna, b’dawn in-nies sfruttati għal ftit flus…

 

Il-Papa Franġisku:

Hi waħda mill-aktar problemi serji. Tkellimt dwar dan fil-laqgħat personali. Huma jafu b’dan, jafu wkoll li l-libertà sa ċertu punt hi kundizzjonata, mhux biss mill-militari imma mit-trusts kbar internazzjonali. U qed jiffukaw fuq l-edukazzjoni, u nemmen li kienet għażla tajba. Hemm pjanijiet edukattivi… Urewni l-perċentwali tal-aħħar snin, kif pjuttost niżlet in-non-edukazzjoni. Din hi l-għażla tagħhom, u jalla tmur tajjeb, għax huma jsostnu li bl-edukazzjoni l-pajjiż se jmur ’il quddiem.

 

Jean-Marie Guénois, Le Figaro:

Il-lejla t-tajba. Illum, mela, Birmania, il-pajjiż mnejn ġej… Qabel dan, int mort il-Korea, il-Filippini, is-Sri Lanka… qed tagħti l-impressjoni li qed iddur madwar iċ-Ċina… Mela, żewġ mistoqsijiet fuq iċ-Ċina. Qed tħejji għal vjaġġ fiċ-Ċina? U t-tieni mistoqsija: x’tgħallimt minn dan il-vjaġġ fuq il-mentalità Asjatika u anki fid-dawl ta’ dan il-proġett fuq iċ-Ċina? X’lezzjoni ħadt?

 

Il-Papa Franġisku:

Nitolbok tirrepeti: x’tgħallimt f’dan il-vjaġġ dwar…?

 

Jean-Marie Guénois :

…dwar dan il-proġett fuq iċ-Ċina. Liema huma l-affarijiet li int tgħallimt fuq l-Asja, din id-darba? Għax qed tagħtina l-impressjoni li qed iddur madwar iċ-Ċina, imma ċ-Ċina hi dejjem magħluqa, għalissa…

 

Il-Papa Franġisku:

…“indeffes imnieħri” fiċ-Ċina… Illum is-Sinjura Kunsilliera tal-Istat tal-Myanmar marret Beijing: wieħed jista’ jara li hemm djalogi għaddejjin… Beijing għandu influwenza kbira fuq ir-reġjun, għax naturali: il-Myanmar ma nafx kemm kilometri ta’ fruntiera għandu hemm; anki fil-quddies kien hemm Ċiniżi li ġew… Nemmen li f’dawn il-pajjiżi ta’ madwar iċ-Ċina, anki l-Laos, il-Kambogja, għandhom bżonn ta’ relazzjonijiet tajba, huma qrib. U din jien insibha ħaġa ta’ għerf kbir, politikament kostruttiva jekk tista’ tibqa’ sejra ’l quddiem. Imma, hu minnu li ċ-Ċina llum hi qawwa dinjija: jekk narawha minn dan il-lat, tista’ tibdlilna l-panorama. Imma huma l-politologi li jistgħu jispjegawlna: jien ma nistax, ma nafx. Imma jidhirli naturali li jkollhom relazzjoni tajba.

 

Ma jien nipprepara l-ebda vjaġġ għaċ-Ċina, serrħu raskom, għall-mument m’iniex nipprepra. Imma lura għall-Korea, meta qaluli li konna għaddejjin bl-ajruplan minn fuq territorju Ċiniż, u jekk ridtx ngħid xi ħaġa, [għidt] li xtaqt ħafna nżur iċ-Ċina. Nixtieq, mhux xi sigriet dan. It-trattattivi maċ-Ċina huma ta’ livell kulturali għoli: bħalissa, ngħidu aħna, f’dawn il-jiem, hemm wirja tal-Mużew tal-Vatikan fiċ-Ċina, imbagħad se jkun hemm waħda – jew kien hemm, ma nafx – tal-Mużewijiet Ċiniżi fil-Vatikan… Ir-relazzjonijiet kulturali, xjentifiċi, il-professuri, saċerdoti li jgħallmu fl-Università Statali Ċiniża, hemm diversi… Din ħaġa. Imbagħad hemm id-djalogu politiku, fuq kollox għall-Knisja Ċiniża, b’dik l-istorja tal-Knisja patrijottika u tal-Knisja klandestina, li trid timxi pass pass, b’delikatezza, kif qed isir. Bil-mod. Nemmen li f’dawn il-jiem, illum jew għada, f’Beijing se tibda seduta tal-Kummissjoni mħallta. U dan, bis-sabar kollu. Imma l-bibien tal-qalb huma miftuħa. U nemmen li jagħmel tajjeb lil kulħadd, vjaġġ fiċ-Ċina. Jien nixtieq nagħmlu…

 

James Longman, “Abc News”:

Skużani, imma ma nitkellimx bit-Taljan. Grazzi tal-possibbiltà li tajtni li nkun fuq l-ajruplan tiegħek: għalija l-ewwel darba. Nixtieq nistaqsik innotajtx kemm kritika saret lil Aung San Suu Kyi. U x’taħseb mill-kritika li saritlek għax ma esprimejtx ruħek b’mod espliċitu fuq il-kwistjoni tar-Rhingya?

 

Il-Papa Franġisku:

Smajt dan kollu, smajt anki l-kritika, smajt il-kritika li ma mortx fil-provinċja tar-Rakhine. Imbagħad, int mort: mort nofs ġurnata, ftit jew wisq. Fil-Myanmar diffiċli tivvaluta kritika bla ma tistaqsi: dan possibbli tagħmlu? Jew: kif jista’ jsir? B’dan ma rridx ngħid li ma kienx żball li ma mortx; imma fil-Myanmar is-sitwazzjoni politika… Hu Nazzjon li qed jikber, politikament qed jikber; hu Nazzjon fi transizzjoni li għandu tant valuri kulturali fl-istorja tiegħu, imma politikament hu fi transizzjoni. U għalhekk, il-possibbiltajiet trid tivvalutahom minn din l-ottika. F’dan il-mument ta’ transizzjoni, kien ikun possibbli jew le nagħmlu dan jew dik? U naraw jekk kienx żball jew kienx possibbli. Mhux biss għas-Sinjura Kunsilliera tal-Istat, anki għall-President, għad-Deputati, għall-Parlament… Fil-Myanmar dejjem trid iżżomm quddiem għajnejk il-binja tal-pajjiż. U hemm tagħmel dak li għidt fil-bidu: żewġ passi ’l quddiem, wieħed lura, tnejn ’il quddiem, wieħed lura… l-istorja tgħallimhulna dan. Ma nafx inwieġeb mod ieħor, bil-ftit għarfien li għandi fuq il-post. U jien ma rridx naqa’ f’dak li kien jagħmel filosfu Arġentin, li kien ikun mistieden jagħti l-konferenzi f’pajjiżi tal-Asja: jagħmel hemm ġimgħa, u meta jerġa’ lura kien jikteb ktieb fuq ir-realtà ta’ dak il-pajjiż. Inkunu prużuntuż.

 

Phil Pullella, Reuters:

Iva, nixtieq nerġa’ lura għall-vjaġġ, jekk possibbli. Il-laqgħa mal-Ġeneral kienet oriġinarjament prevista, naħseb, għall-Ħamis filgħodu, u jekk ma niżbaljax, mal-Ġenerali; imma int l-ewwel kellek tiltaqa’ ma’ Aung San Suu Kyi. Meta l-Ġeneral talab li jarak qabel, jiġifieri dakinhar tal-wasla tiegħek, skont int kien mod kif jgħidlek: “Hawn nikkmanda jien, int l-ewwel trid tilqa’ lili”? U f’dak il-mument, int forsi ħassejtek, ma nafx, li hu jew huma riedu jinqdew bik?

 

Il-Papa Franġisku:

Fhimtek. It-talba saret għax hu ried imur iċ-Ċina, u meta jiġru dawn l-affarijiet, jekk jien inkun nista’ nċaqlaq xi appuntament, hekk nagħmel. L-intenzjonijiet, ma nafhomx. Imma lili jinteressani d-djalogu. Djalogu mitlub minnhom u li huma ġew għandi: ma kinitx prevista ż-żjara tiegħi. U nemmen li kien iżjed importanti d-djalogu mis-suspett li kien proprju dak li qed tgħid int: “Aħna nikkmandaw, aħna l-ewwel”.

 

Phil Pullella:

Nista’ nistaqsi – int għidt li ma tistax tgħid x’għidt waqt il-laqgħat privati – imma nista’ nistaqsi tal-inqas jekk tul dik il-laqgħa użajtx il-kelma “Rohingya”, mal-Ġeneral?

 

Il-Papa Franġisku:

Jien użajt il-kliem biex nasal għall-messaġġ u meta rajt li l-messaġġ ġie milqugħ, issograjt ngħid dak kollu li ridt ngħidt. Intelligenti pauca.

 

Ġurnalista:

Il-lejla t-tajba, Santità. Għandi mistoqsija: ilbieraħ, meta konna mal-qassisin li ħadu l-voti, ħsibt fuq jekk jibżgħux ikunu saċerdoti Kattoliċi f’dan il-mument tal-ħajja Kattolika f’dan il-pajjiż, u jekk staqsewx lilek, lill-Qdusija Tiegħek, x’għandhom jagħmlu meta jasal fuqhom il-biża’ u ma jkunux jafu x’ħa jagħmlu.

 

Il-Papa Franġisku:

Jien għandi d-drawwa, dejjem, ħames minuti qabel l-ordinazzjoni, li nkellimhom fil-privat. Deherli li kienu sereni, trankwilli, jafu x’inhu jagħmlu, konxji tal-missjoni, foqra, normali. Mistoqsija li għamiltilhom kienet: “Tilagħbu futbol?” – “Iva!”, kollha. Dan importanti. Mistoqsija teoloġika! Imma dan il-biża’ ma ħassejtux. Huma jafu li jridu jkunu qrib ħafna tal-poplu tagħhom; iħossuhom li għandhom ikunu marbuta mal-poplu, u ħadt pjaċir b’dan, ħadt pjaċir b’dan. Imbagħad tkellimt ma’ dawk li jiffurmawhom, xi isqof, li qalli: qabel ma jidħlu s-seminarju, isir il-preseminarju b’mod li jitgħallmu ħafna affarijiet, drawwiet, li jitgħallmu anki perfettament l-Ingliż. Dan, biex insemmu ħaġa prattika: jekk ma jafux l-Ingliż, jibdewh is-seminarju, imbagħad l-ordinazzjoni ma tkunx ta’ 23, 24 imma ta’ 28, 29 sena, xi ftit jew wisq. Donnhom tfal għax huma jidhru kollha żgħażagħ, kollha, anki l-kbar. Jien rajthom ċerti minnhom infushom. Imma dan iva, kellhom: li huma qrib tal-poplu tagħhom. Dan iva. U jħossuha ħafna din il-ħaġa! Għax kull wieħed minnhom ġej minn xi etnija, u għalihom din ħaġa importanti. Grazzi.

 

Nirringrazzjakom, għax qed jgħiduli li għaddielna l-ħin. Grazzi tal-mistoqsijiet, grazzi għal dak kollu li għamiltu.

 

U x’jaħseb il-Papa dwar il-vjaġġ tiegħu? Lili l-vjaġġ jagħmilli tajjeb meta jirnexxieli niltaqa’ mal-poplu tal-pajjiż, il-poplu ta’ Alla. Meta jirnexxieli nkellimhom, jew niltaqa’ magħhom, jew insellmilhom: niltaqa’ man-nies. Tkellimna fuq il-laqgħat mal-politiċi… Iva, veru, iridu jsiru dawk; mas-saċerdoti, mal-isqfijiet… imma man-nies, dan, il-poplu. Il-poplu li hu sewwasew il-qalba ta’ pajjiż. Il-poplu. U meta nsib dan, meta jirnexxieli nsibu, allura nkun kuntent. Nirringrazzjakom ħafna tal-għajnuna tagħkom: grazzi ħafna.

 

U grazzi wkoll tal-mistoqsijiet, ta’ dak li tgħallimt mill-mistoqsijiet tagħkom. Grazzi. L-ikla t-tajba.

 

Greg Burke:

Grazzi, Santità. Il-mistrieħ it-tajjeb.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard