Għeżież ħuti,

 

Nitlobkom tiskużawni li m’iniex ħa nitkellem bil-wieqfa, imma dan l-aħħar kelli l-influwenza u ma tantx inħossni f’sikti.  Bil-permess tagħkom, ħa nkellimkom bil-qiegħda.

 

Inħossni kuntent li nista’ nagħtikom l-awguri l-iżjed kordjali ta’ Milied qaddis u Sena ġdida mimlija hena, li ngħaddihom ukoll lill-kollaboraturi kollha, lir-Rappreżentanti Pontifiċji, u b’mod partikulari lil dawk li, matul is-sena li għaddiet, temmew is-servizz tagħhom minħabba li qabżu l-età.  Niftakru wkoll fil-persuni li ġew imsejħa għal quddiem il-Mulej.  Lejkom ilkoll u l-familjari tagħkom imorru l-ħsieb u l-gratitudni tiegħi.

 

Fl-ewwel laqgħa tiegħi magħkom, fl-2013, ridt nisħaq fuq żewġ aspetti importanti u inseparabbli tal-ħidma fil-Kurja: il-professjonalità u s-servizz, u wrejt bħala mudell li ta’ min jimitah il-figura ta’ San Ġużepp.  Is-sena l-oħra, imbagħad, biex nitħejjew għas-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, affrontajna xi tentazzjonijiet u “mardiet” – il-“lista tal-mardiet tal-Kurja”; il-lum nixtieq nitkellem fuq l-“antibijotiċi tal-Kurja” – li jafu jolqtu lil kull Nisrani, kull Kurja, komunità, kongregazzjoni, parroċċa u moviment ekkleżjali.  Mardiet li jitolbu prevenzjoni, għassa, kura u, sfortunatament, f’xi każijiet, interventi iebsin u fit-tul.

 

Xi wħud mill-ħafna mardiet dehru matul din is-sena, u kkawżaw mhux ftit uġigħ lill-ġisem kollu u ferew ħafna erwieħ, anki bl-iskandlu.

 

Hu dmir tagħna naffermaw li dan kien – u sa jibqa’ dejjem – oġġett ta’ riflessjoni sinċiera u miżuri deċiżivi.  Ir-riforma sa tibqa’ sejra b’determinazzjoni, ċarezza tal-ħsieb u fermezza, għax Ecclesia semper reformanda.

 

Madankollu, il-mard u saħansitra l-iskandli ma jistgħux jaħbu l-effiċjenza tas-servizzi, li l-Kurja Rumana b’ħafna ħidma, b’responsabbiltà, b’impenn u dedikazzjoni qed tagħti lill-Papa u lill-Knisja kollha, u dan hu faraġ tassew.  Sant’Injazju għallem li “hu propju xogħol l-ispirtu ħażin li jdejjaq, inikket, iġib diffikultà u jikkonfondi b’raġunijiet foloz, biex ma jħalliniex nibqgħu mexjin ’il quddiem; imma l-ispirtu t-tajjeb jimla bil-kuraġġ u l-enerġija, jagħti faraġ u dmugħ, tnebbiħ u serenità, inaqqas u jneħħi kull diffikultà, biex nibqgħu mexjin fit-triq it-tajba”.[1]

 

Tkun inġustizzja kbira kieku ma kellix nesprimi gratitudni kbira u ninkuraġġixxi, kif inħossni fid-dmir nagħmel, lill-persuni kollha sani u onesti li jaħdmu b’dedikazzjoni, devozzjoni, fedeltà u professjonalità, u joffru lill-Knisja u lis-Suċċessur ta’ Pietru l-faraġ tas-solidarjetà u l-ubbidjenza tagħhom, kif ukoll tat-talb ġeneruż tagħhom.

 

Iktar minn hekk, ir-reżistenzi, it-taħbit u l-waqgħat tal-persuni u l-ministri huma wkoll lezzjonijiet u okkażjonijiet biex wieħed jikber, u qatt qtigħ il-qalb.  Huma opportunitajiet biex nerġgħu lura għall-essenzjal, li jfisser li nagħmlu l-kontijiet ma’ l-għarfien li għandna tagħna nfusna, ta’ Alla, tal-proxxmu, tas-sensus Ecclesiæ u tas-sensus fidei.

 

Il-lum nixtieq inkellimkom fuq kif nerġgħu lura għall-essenzjal, meta aħna fil-bidu tal-pellegrinaġġ tas-Sena Mqaddsa tal-Ħniena, miftuħa mill-Knisja ftit tal-jiem ilu, u li hi għaliha u għalina lkoll sejħa qawwija għall-gratitudni, għall-konverżjoni, għat-tiġdid, għall-penitenza u għar-rikonċiljazzjoni.

 

Fir-realtà, il-Milied hu l-festa tal-Ħniena bla tarf ta’ Alla.  Jgħidilna Santu Wistin ta’ Ippona: “Seta’ kien hemm ħniena ikbar lejna msejkna minn dik li wasslet lill-Ħallieq tas-Sema biex jinżel mis-Sema u lill-Ħallieq ta’ l-art biex jilbes ġisem tal-bnedmin?  Dik l-istess ħniena wasslet lil Sid id-dinja biex jilbes in-natura ta’ lsir, hekk li hu li hu ħobż tah il-ġuħ, hu li jaqta’ l-għatx kellu l-għatx, hu li hu l-qawwa sar dgħajjef, hu li hu s-salvazzjoni safa miġruħ, hu li hu l-ħajja seta’ jmut.  U dan kollu biex jaqta’ l-ġuħ tagħna, itaffi n-nixfa tagħna, iqawwi d-dgħufija tagħna, ineħħi l-ħażen tagħna, ikebbes l-imħabba tagħna”.[2]

 

Mela, fil-kuntest ta’ din is-Sena tal-Ħniena u tat-tħejjija għall-Milied imqaddes, li issa jinsab fuq l-għatba, nixtieq nippreżentalkom sussidju prattiku biex tistgħu tgħixu b’mod effikaċi dan iż-żmien ta’ grazzja.  Hi “lista tal-virtujiet meħtieġa”, mhux eżawrjenti, għal min jagħti servizz fil-Kurja u għal dawk kollha li jridu li l-konsagrazzjoni jew il-qadi tagħhom fil-Knisja jħallu l-frott.

 

Nistieden lill-Kapijiet tad-Dikasteri u lis-Superjuri biex jinżlu iktar fil-fond tagħha, ħalli jagħnuha u jikkompletawha.  Hu elenku li joħroġ propju minn analiżi akrostika tal-kelma “misericordia” – Patri Ricci, fiċ-Ċina, hekk kien jagħmel – biex tkun hi l-gwida u l-fanal tagħna.

 

1. Missjonarjetà u pastoralità.  Il-missjonarjetà hi dak li jagħmel, u juri, lill-Kurja fertili u għammiela; hi l-prova ta’ l-effikaċja, ta’ l-effiċjenza u ta’ l-awtentiċità tal-ħidma tagħna.  Il-fidi hi don, imma l-kejl tal-fidi tagħna jidher ukoll minn kemm aħna kapaċi nikkomunikawha.[3]  Kull imgħammed hu missjunarju tal-Bxara t-tajba qabel xejn b’ħajtu, bil-ħidma tiegħu u bix-xhieda hienja u konvinta tiegħu.  Il-pastoralità sana hi virtù indispensabbli speċjalment għal kull saċerdot.  Hu l-impenn ta’ kuljum li nimxu wara r-Ragħaj it-tajjeb, li jieħu ħsieb tan-nagħġiet tiegħu u jagħti ħajtu biex isalva l-ħajja ta’ l-oħrajn.  Hu l-kejl tal-ħidma tagħna fil-Kurja u bħala saċerdoti.  Mingħajr dawn iż-żewġ ġwenħajn ma nkunu nistgħu qatt intiru u lanqas nilħqu l-beatitudni tal-“qaddej fidil” (ara Mt 25:14-30).

 

2. Idonjetà u għaqal.  L-idonjetà titlob l-isforz personali li niksbu r-rekwiżiti meħtieġa u mitluba biex neżerċitaw bl-aħjar mod il-ħidmiet u l-attivitajiet tagħna, bl-intellett u l-intuwizzjoni.  Din tmur kontra r-rakkomandazzjonijiet u l-ħlas minn taħt.  L-għaqal ta’ min moħħu jilħaqlu hu l-prontezza tal-ħsieb li jifhem u jaffronta s-sitwazzjonijiet b’għerf u kreattività.  Idonjetà u għaqal jirrappreżentaw ukoll it-tweġiba umana lill-grazzja divina, meta kull wieħed minna jsegwi dak il-vers famuż: “Nagħmel kollox bħallikieku Alla ma kienx jeżisti u, wara, inħalli kollox f’idejn Alla bħallikieku jien ma kontx neżisti”.  Hi l-imġiba tad-dixxiplu li jdur ta’ kuljum għand il-Mulej b’dawn il-kelmiet tat-Talba Universali mill-aktar sabiħa attribwita lill-Papa Klement XI: “Mexxini bl-għerf tiegħek, żommi bil-ġustizzja tiegħek, wettaqni bit-tjieba tiegħek, ħarisni bil-qawwa tiegħek.  Noffrilek, o Mulej: il-ħsibijiet, biex ikunu fuqek; il-kelmiet, biex ikunu tiegħek; l-għemejjel, biex ikunu kif trid int; it-tribulazzjonijiet, biex ikunu għalik”.[4]

 

3. Spiritwalità u umanità.  L-ispiritwalità hi l-kolonna li żżomm wieqaf kull servizz fil-Knisja u fil-ħajja Nisranija.  Hi li titma’ l-ħidma kollha tagħna, iżżommha wieqfa u tħarisha mid-dgħufija umana u mit-tentazzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum.  L-umanità hi dik li tlaħħam il-veriċità tal-fidi tagħna.  Min jiċħad l-umanità tiegħu jkun jiċħad kollox.  L-umanità hi dak li jagħmilna differenti mill-magni u mir-robots li ma jisimgħux u ma jħossux.  Meta nibdew inħossuha iebsa nibku bis-serjetà jew nidħku b’passjoni – huma żewġ sinjali – allura tkun bdiet it-triq tan-niżla tagħna u l-proċess tagħna ta’ bidla minn “bnedmin” għal xi ħaġa oħra.  L-umanità tfisser li nkunu kapaċi nimxu bi ħlewwa u familjarità u tjieba ma’ kulħadd (ara Fil 4:5).  Spiritwalità u umanità, anki jekk huma kwalitajiet ġo fina, huma wkoll potenzjalitajiet li rridu nwettqu b’mod sħiħ, irridu nilħqu kontinwament u nuru ta’ kuljum.

 

4. Eżemplarità u fedeltà.  Il-Beatu Pawlu VI jfakkar lill-Kurja – fl-1963 – “il-vokazzjoni tagħha għall-eżemplarità”.[5]  Eżemplarità biex nevitaw l-iskandli li jfieru l-erwieħ u jheddu l-kredibbiltà tax-xhieda tagħna.  Fedeltà lejn il-konsagrazzjoni tagħna, il-vokazzjoni tagħna, waqt li niftakru dejjem fi kliem Kristu: “Min hu fidil f’ħaġa tassew żgħira, hu fidil ukoll fil-ħafna; min hu diżonest f’ħaġa tassew żgħira, hu diżonest ukoll fil-ħafna” (Lq 16:10) u Min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li jemmnu fija, ikun aħjar għalih li jdendlulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin minn dawk li jdawru l-ħmir, u jgħarrquh f’qiegħ ta’ baħar.  Ħażin għaliha d-dinja minħabba l-iskandli!  Għax jeħtieġ li l-iskandli jsiru, imma ħażin għalih dak il-bniedem li minħabba fih isiru l-iskandli” (Mt 18:6-7).

 

5. Razzjonalità u amabbiltà Ir-razzjonalità qiegħda hemm biex nevitaw l-eċċessi emottivi u l-amabbiltà biex nevitaw l-eċċessi tal-burokrazija u tal-programmazzjonijiet u l-pjanifikazzjonijiet.  Huma meħtieġa għall-bilanċ tal-personalità: “L-għadu”, u skużawni, imma qed nikkwota għal darb’oħra lil Sant’Injazju – “josserva tajjeb jekk ruħ hix vulgari jew delikata; jekk hi delikata, jagħmel mod li jagħmilha delikata żżejjed, biex imbagħad iktar iħabbatha u jħawwadha”.[6]  Kull eċċess hu sinjal ta’ xi żbilanċ, kemm l-eċċess fir-razzjonalità, kemm fl-amabbiltà.

 

6. Innokwità u determinazzjoni. L-innokwità [ma tagħmilx ħsara u toffendi] tagħmilna kawti fil-ġudizzju li nagħmlu, kapaċi noqogħdu lura minn azzjonijiet impulsivi u mgħaġġla.  Hi l-ħila li noħorġu l-aħjar minna nfusna, mill-oħrajn u mis-sitwazzjonijiet billi naġixxu b’attenzjoni u komprensjoni.  Tfisser li nagħmlu lill-oħrajn dak li rridu li jsir magħna (ara Mt 7:12 u Lq 6:31).  Id-determinazzjoni hi li naġixxu b’rieda soda, b’viżjoni ċara u b’ubbidjenza lejn Alla, u biss għal-liġi suprema tas-salus animarum (ara CIC, kan. 1725).

 

7. Karità u verità.  Żewġ virtujiet indissolubbli ta’ l-eżistenza Nisranija: “nagħmlu s-sewwa fl-imħabba u ngħixu l-imħabba fil-verità” (ara Efes 4:15).[7]  Sal-punt li l-imħabba bla verità ssir ideoloġija tal-boniżmu distruttiv u l-verità bla mħabba ssir “ġudizzjariżmu” għama.

 

8. Onestà u maturità.  L-onestà hi r-rettitudni, il-koerenza u l-aġir b’sinċerità assoluta magħna nfusna u ma’ Alla.  Min hu onest ma jaġixxix rettament biss taħt il-ħarsa ta’ min qed jissorveljah jew tas-superjur; l-onest ma jibżax li jinqabad, għax qatt ma jqarraq b’min jafda fih.  L-onest qatt ma joqgħod jordna lill-persuni jew jagħmel tiegħu l-affarijiet li ġew fdati f’idejh biex jamministrahom, bħall-“qaddej il-ħażin” (Mt 24:48).  L-onestà hi l-bażi li fuqha jistrieħu l-kwalitajiet l-oħra kollha.  Il-maturità hi li nfittxu li nilħqu l-armonija bejn il-ħiliet fiżiċi, psikiċi u spiritwali tagħna.  Hi l-mira u l-eżitu ta’ proċess ta’ żvilupp li ma jintemm qatt u li ma jiddipendix mill-età li għandna.

 

9. Rispettożità u umiltà.  Ir-rispettożità hi l-kwalità ta’ l-erwieħ nobbli u delikati; tal-persuni li jfittxu dejjem juru rispett awtentiku lejn l-oħrajn, lejn ir-rwol tagħhom, lejn is-superjuri u lejn dawk dipendenti minnhom, lejn il-prattiċi, lejn il-karti, lejn is-sigriet u lejn ir-riservatezza; il-persuni li jafu jisimgħu b’attenzjoni u jitkellmu b’edukazzjoni.  L-umiltà, min-naħa tagħha, hi l-virtù tal-qaddisin u tal-persuni mimlija b’Alla, li aktar ma jikbru fl-importanza aktar jikber fihom l-għarfien li m’huma xejn u li ma jistgħu jagħmlu xejn mingħajr il-grazzja ta’ Alla (ara Ġw 15:8).

 

10. Dovizzjożità” – jien għandi l-vizzju tan-neoloġiżmi – u attenzjoni.  Iktar ma nafdaw f’Alla u fil-providenza tiegħu, aktar aħna dovizzjużi f’ruħna u akar aħna miftuħa biex nagħtu, għax nafu li aktar ma tagħti, aktar tirċievi.  Fir-realtà, ma jiswa xejn li niftħu l-Bibien Imqaddsa kollha tal-bażiliċi kollha tad-dinja jekk il-bieb tal-qalb tagħna hu magħluq għall-imħabba, jekk idejna huma magħluqa biex jagħtu, jekk djarna huma magħluqa biex jilqgħu fihom, u jekk il-knejjes tagħna huma magħluqa biex jilqgħu.  L-attenzjoni hi li nagħtu każ tad-dettalji u noffru l-aħjar tagħna nfusna u qatt ma ninsew noqogħdu għassa tal-vizzji u n-nuqqasijiet tagħna.  San Vinċenz de Paul hekk kien jitlob: “Mulej, għinni nintebaħ dritt: b’dawk li qegħdin maġenbi, b’dawk li huma mħassbin u mifxula, b’dawk li qed ibatu bla ma juru, b’dawk li jħossuhom waħedhom bla ma jixtiequ”.

 

11. Impavidità u prontezza.  Ma tkunx beżżiegħ ifisser ma tħallix id-diffikultajiet ibeżżgħuk, bħal Danjel fil-ħofra ta’ l-iljuni, bħal David quddiem Gulija; ifisser taġixxi b’kuraġġ u determinazzjoni u bla distakk “bħal suldat tajjeb” (2 Tim 2:3-4); ifisser tagħraf tmidd l-ewwel pass bla ma toqgħod lura, bħal Abram u bħal Marija.  Il-prontezza, min-naħa l-oħra, hi li tagħraf taġixxi b’libertà u ħeffa bla ma tintrabat mal-ħwejjeġ materjali li jgħaddu.  Jgħid is-salm: “Mqar jekk joktor l-għana, torbtux qalbkom miegħu” (Salm 61:11).  Tkun pront ifisser tkun dejjem miexi, bla ma qatt ittaqqal iżżejjed lilek innifsek għax tiġbor ħwejjeġ inutli u tingħalaq fil-proġetti tiegħek, u bla ma tħalli l-ambizzjoni titla’ fuq rasek.

 

12. U fl-aħħar nett affidabbiltà u sobrjetà.  Affidabbli hu min jaf jirrispetta l-impenji li għandu jagħmel b’serjetà u kredibbiltà, meta hu osservat imma fuq kollox meta jsib ruħu waħdu; hu dak li jxerred madwaru sens ta’ trankwillità għax qatt ma jittradixxi l-fiduċja li poġġew fih.  Is-sobrjetà – l-aħħar virtù f’dan l-elenku mhux għax m’hix importanti – hi l-ħila li nwarrbu dak li hu tal-qoxra u nirreżistu l-loġika konsumistika dominanti.  Is-sobrjetà hi prudenza, sempliċità, essenzjalità, ekwilibriju u temperanza.  Is-sobrjeta hi li nħarsu lejn id-dinja bl-għajnejn ta’ Alla u bil-ħarsa tal-foqra u min-naħa tal-foqra.  Is-sobrjetà hi stil ta’ ħajja[8] li juri l-primat ta’ l-ieħor bħala prinċipju ġerarkiku u jesprimi l-ħajja bħala attenzjoni u servizz għall-oħrajn.  Min hu sobrju hu persuna koerenti u essenzjali f’kollox, għax jaf inaqqas, jirkupra, jirriċikla, isewwi u jgħix bis-sens tal-qies.

 

Għeżież ħuti,

 

Il-ħniena m’hix sentiment li jgħaddi, imma l-ġabra fl-qosor tal-Bxara t-Tajba, hi l-għażla ta’ min irid ikollu s-sentimenti tal-Qalb ta’ Ġesù,[9] ta’ min irid jimxi bis-serjetà wara l-Mulej li jitlobna: “Ħennu bħalma ħanin hu Missierkom” (Lq 6:36; ara Mt 5:48).  Jafferma Patri Ermes Ronchi: “Ħniena: skandlu għall-ġustizzja, ġennata għall-intelliġenza, faraġ għalina midjuna.  Id-dejn ta’ ħajjitna, id-dejn li aħna maħbuba jitħallas biss bil-ħniena”.

 

Mela, ħa tkun il-ħniena li tmexxi l-passi tagħna, li tnebbaħ ir-riformi tagħna, li ddawwal id-deċiżjonijiet tagħna.  Ħa tkun hi l-kolonna li fuqha żżomm il-ħidma kollha tagħna.  Ħa tgħallima meta għandna nimxu u meta għandna nagħmlu pass lura.  Ħa tgħinna hi naqraw iċ-ċkunija ta’ l-għemejjel tagħna fil-pjan kbir tas-salvazzjoni ta’ Alla u fil-maestożità u misterjożità ta’ l-opra tiegħu.

 

Biex tgħinna nifhmu dan, ejjew nitgħaxxqu bit-talba stupenda li komunement tiġi attribwita lill-Beatu Oscar Arnulfo Romero, imma li tlissnet l-ewwel darba mill-Kardinal John Dearden:

 

Xi drabi jiswielna ta’ ġid li mmiddu pass lura u naraw mill-bogħod.

Is-Saltna mhux biss tmur lil hemm mill-isforzi tagħna,

tmur lil hemm ukoll mill-viżjonijiet tagħna.

Fil-ħajja tagħna jirnexxielna nwettqu biss parti ċkejkna

minn dik il-ħidma ta’ l-għaġeb li hi l-opra ta’ Alla.

Xejn minn dak kollu li nagħmlu m’hu sħiħ.

Qisna qed ngħidu li s-Saltna qiegħda iktar lil hemm minna nfusna.

L-ebda affermazzjoni ma tgħid dak kollu li jista’ jingħad.

L-ebda talba ma tesprimi għal kollox il-fidi.

L-ebda kredu ma jwassal għall-perfezzjoni.

L-ebda viżta pastorali ma ġġib magħha s-soluzzjonijiet kollha.

L-ebda programm ma jwettaq b’mod sħiħ il-missjoni tal-Knisja.

L-ebda destinazzjoni jew objettiv ma jilħqu l-milja.

Qed nitkellmu fuq dan:

aħna niżirgħu ż-żerriegħa li xi darba għad titwieled.

Aħna nsaqqu żerriegħa diġà miżrugħa,

u nafu li għad ikun hemm oħrajn jieħdu ħsiebha.

Inqiegħdu l-qafas ta’ xi ħaġa li għad tiżviluppa.

Inqiegħdu l-ħmira li tkattar il-ħiliet tagħna.

Ma nistgħux nagħmlu kollox,

imma li nibdewh, jagħtina sens ta’ liberazzjoni.

Jagħtina l-qawwa li nagħmlu xi ħaġa u nagħmluha tajjeb.

Tista’ tibqa’ inkompleta, imma hi bidu, il-pass ta’ mixja.

Opportunità biex il-grazzja ta’ Alla tidħol

u tagħmel il-bqija hi.

Jista’ jagħti l-każ li qatt m’aħna sa narawha titwettaq b’mod sħiħ,

imma din hi d-differenza bejn il-kapumastru u l-ħaddiem ta’ l-id.

Aħna ħaddiema ta’ l-id, mhux kapumastri,

qaddejja, mhux messiji.

Aħna profeti ta’ futur li m’huwiex tagħna.

 

U b’dawn il-ħsibijiet, b’dawn is-sentimenti, nawguralkom Milied tajjeb u qaddis, u nitlobkom titolbu għalija.  Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 

 

Riferenzi

[1] Eżerċizzi Spiritwali, 315.

[2] Serm. 207, 1: PL 38, 1042.

[3] “Il-missjunarjetà m’hijiex kwistjoni ta’ territorju ġeografiku, imma hija kwistjoni ta’ popli u kulturi u ta’ persuni individwali, għaliex propju l-‘konfini’ tal-fidi ma jaqsmux biss il-postijiet u t-tradizzjonijiet tal-bnedmin, imma l-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna.  Il-Konċilju Vatikan II saħaq b’mod speċjali fuq kif ix-xogħol missjunarju, l-impenn biex jitwessgħu l-konfini tal-fidi, huwa impenn kemm ta’ kull min hu mgħammed u kemm tal-komunitajiet Insara kollha” (Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Missjonijiet 2013, 2).

[4] Missale Romanum, ed. 2002.

[5] Diskors lill-Kurja Rumana, 21 ta’ Settembru 1963: AAS 55 (1963), 793-800.

[6] Injazju ta’ Loyola, Eżerċizzi Spiritwali, 349.

[7] L-imħabba fil-verità, li tagħha Ġesù Kristu sar xhud bil­-ħajja tiegħu fuq l-art, u fuq kollox, bil-mewt u l-qawmien, hija l-qawwa ewlenija li tqanqal l-iżvilupp veru ta’ kull persuna u ta’ l-umanità sħiħa […]  Hija qawwa li tibda minn Alla, Imħabba eterna u Verità assoluta” (Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate, 29 ta’ Ġunju 2009, ‎‎1: AAS 101 [2009], 641).  Għalhekk hemm bżonn “li l-imħabba tissieħeb mal-verità mhux biss fid-direzzjoni, kif semmieha San Pawl, tal-‘veritas in caritate’ (Efes 4:15), iżda wkoll f’dik, bil-maqlub u kumplimentari, tal-‘caritas in veritate’.  Il-verità għandha titfittex, tinsab u titfisser fl-‘ekonomija’ tal-karità, iżda mbagħad l-imħabba għandha tiftiehem, tingħata valur u tingħax fid-dawl tal-verità” (ibid., 2).

[8] Stil ta’ ħajja mmarkat mis-sobrjetà jrodd lura lill-bniedem “imġiba ħielsa minn kull interess personali u mill-egoiżmu, nieqes minn atteġġjament estetiku u li jikseb mid-dehra ta’ l-għaġeb tal-ħajja u mill-ġmiel li jwassal lill-bniedem biex jara fil-ħwejjeġ li jidhru l-kelma ta’ Alla li ma jidhirx, li ħalaqhom” (Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Centesimus annus, 37); ara AA.VV., Nuovi stili di vita nel tempo della globalizzazione, Fondaz. Apostolicam actuositatem, Roma 2002.

[9] Ġwanni Pawlu IIAngelus tad-9 ta’ Lulju 1989: “L-espressjoni ‘Qalb ta’ Ġesù’ minnufih tfakkarna fl-umanità ta’ Kristu, u tagħfas fuq l-għana tas-sentimenti, il-kompassjoni lejn il-morda; l-għożża għall-foqra; il-ħniena mal-midinbin; il-ħlewwa mat-tfal; il-qawwa fil-kundanna ta’ l-ipokrizija, tal-kburija, tal-vjolenza; il-manswetudni quddiem min ħadha kontrih; iż-żelu għall-glorja tal-Missier u l-ferħ għall-pjanijiet tiegħu ta’ grazzja, misterjużi u providenti… tfakkarna mbagħad fid-diqa ta’ Kristu għat-tradiment ta’ Ġuda, in-niket tas-solitudni, il-biża’ quddiem il-mewt, l-abbandun filjali u ubbidjenti f’idejn Missieru.  U tkellimna fuq kollox fuq l-imħabba li tgelgel bla waqfien mill-ġewwieni tiegħu: imħabba dejjiema lejn il-Missier u mħabba bla limiti lejn il-bniedem”.