Quddiem Ġesù mislub jidwi għalina wkoll il-kliem tiegħu: “Għandi l-għatx” (Ġw 19:28). L-għatx, iżjed mill-ġuħ, hu l-ikbar bżonn tal-bniedem, imma hu wkoll l-ikbar miżerja tiegħu. Hekk nikkontemplaw il-misteru ta’ Alla l-Għoli, li fil-ħniena tiegħu sar fqir fost il-bnedmin.

 

Għal xiex hu għatxan il-Mulej? Bla dubju, għall-ilma, element essenzjali għall-ħajja. Imma fuq kollox hu għatxan għall-imħabba, element mhux b’inqas essenzjali biex wieħed jgħix. Hu għatxan biex jagħtina l-ilma ħaj ta’ mħabbtu, imma anki biex jirċievi l-imħabba tagħna. Il-profeta Ġeremija wera kemm imħabbitna togħġob lil Alla: “Ftakart fil-ħlewwa ta’ żgħożitek, fl-imħabba tal-għerusija tiegħek” (Ġer 2:2). Imma ta leħen ukoll lit-tbatija divina, meta l-bniedem, ingrat, telaq din l-imħabba, meta – donnu qed jgħidilna l-Mulej illum ukoll – “telqu lili, l-għajn tal-ilma ġieri, biex ħaffru bjar għalihom, bjar miksura li ma jżommux ilma” (Ġer 2:13). Din hi t-traġedja tal-“qalb niexfa”, tal-imħabba mhux maħbuba, traġedja li tiġġedded fil-Vanġelu, meta għall-għatx ta’ Ġesù l-bniedem iwieġeb bil-ħall, li hu nbid li ħżien. Kif profetikament ilmenta s-salmista: “Sqewni l-ħall meta kont bil-għatx” (Salm 69:22).

 

“L-Imħabba mhix maħbuba”: skont xi rakkonti din kienet ir-realtà li tant ħabbtet lil San Franġisk ta’ Assisi. Għall-imħabba ta’ Kristu batut, hu ma kienx jistħi jibki u jokrob b’leħen għoli (ara Fonti Franġiskani, n. 1413). Din l-istess realtà għandha tkun għal qalbna meta nikkontemplaw lil Alla mislub, għatxan għall-imħabba. Madre Teresa ta’ Calcutta riedet li fil-kappelli ta’ kull komunità tagħha, qrib tal-Kurċifiss, ikun hemm miktub “Għandi l-għatx”. It-tweġiba tagħha kienet li l-għatx għall-imħabba li għandu Ġesù fuq is-salib taqtagħhulu permezz tal-qadi lill-iżjed foqra. Il-Mulej fil-fatt itaffi l-għatx tiegħu bl-imħabba ħanina tagħna, jitfarraġ meta, f’ismu, immilu lejn il-miżerji tal-oħrajn. F’jum il-Ħaqq isejjaħ “henjin” lil dawk li taw jixrob lil min kien bil-għatx, li offrew imħabba konkreta lil min kien fil-bżonn: “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).

 

Kliem Ġesù jisfidana, jitlobna nagħmlu wisa’ biex nilqgħu fil-qalb tagħna u nagħtu tweġiba b’ħajjitna. Fl-“Għandi l-għatx” tiegħu nistgħu nisimgħu leħen min qed ibati, il-karba moħbija tal-innoċenti ċkejknin imċaħħda mid-dawl ta’ din id-dinja, it-talba kollha ħrara tal-foqra u ta’ dawk li l-aktar jeħtieġu l-paċi. Qed jittallbu l-paċi l-vittmi tal-gwerer, li jniġġsu lill-popli bil-mibegħda u l-Art bl-armi; qed jittallbu l-paċi ħutna li qed jgħixu taħt it-theddia tal-bombi u huma mġiegħla jħallu djarhom u jemigraw lejn postijiet li ma jafux, imneżżgħin minn kollox. Dawn kollha huma aħwa tal-Kurċifiss, iċ-ċkejknin tas-Saltna tiegħu, membri midruba u niexfa tal-ġisem tiegħu. Għandhom l-għatx. Imma spiss, bħal Ġesù, jagħtuhom il-ħall morr tar-rifjut. Min qed jismagħhom? Min jindenja jweġibhom? Spiss huma jħabbtu wiċċhom mas-skiet li jtarrax tal-indifferenza, l-egoiżmu ta’ min jiddejjaq minnhom, il-bruda ta’ min jitfi l-karba tagħhom bl-istess ħeffa li biha jaqleb minn stazzjon tat-televiżjoni għall-ieħor.

 

Quddiem Kristu mislub, “il-qawwa ta’ Alla u l-għerf ta’ Alla” (1 Kor 1:24), aħna l-Insara msejħin nikkontemplaw il-misteru tal-Imħabba mhux maħbuba u nsawbu l-ħniena fuq id-dinja. Fuq is-salib, is-siġra tal-ħajja, il-ħażen inbidel fi tjieba; anki aħna, dixxipli tal-Kurċifiss, aħna msejħin inkunu “siġar tal-ħajja”, li jixorbu t-tinġis tal-indifferenza u jroddu lid-dinja l-ossiġnu tal-imħabba. Minn ġenb Kristu fuq is-salib ħareġ ilma, simbolu tal-Ispirtu li jagħti l-ħajja (ara Ġw 19:34); hekk minna l-fidili tiegħu toħroġ il-ħniena għal dawk kollha li llum huma bil-għatx.

 

Bħal Marija taħt is-salib, ħa jagħtina l-Mulej li nkunu magħquda miegħu u qrib ta’ min qed ibati. Nersqu qrib ta’ dawk li llum qed jgħixu msallbin u nieħdu mill-Mislub Irxoxt il-qawwa li nħobbu, biex hekk jistgħu jikbru iżjed l-armonija u l-komunjoni bejnietna. “Hu s-sliem tagħna” (Efes 2:14), hu li ġie jħabbar il-paċi lil tal-qrib u tal-bogħod (ara Efes 2:17). Ħa jżommna lkoll ħaġa waħda fl-imħabba u jxerikna fl-għaqda, li fiha aħna mexjin, biex insiru dak li hu jixtieq: “ħaġa waħda” (Ġw 17:21).

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard