Inġbarna hawn, irġiel u nisa ta’ reliġjonijiet differenti, bħala pellegrini, fil-belt ta’ San Franġisk. Hawn, fl-1986, tletin sena ilu, fuq stedina tal-Papa Ġwanni Pawlu II, inġabru Rappreżentanti relġjużi mid-dinja kollha, għall-ewwel darba b’mod hekk parteċipat u solenni, biex jaffermaw ir-rabta essenzjali bejn il-ġid kbir tal-paċi u atteġġjament reliġjuż awtentiku. Minn dik il-ġrajja storika, beda pellegrinaġġ twil li għadda minn ħafna bliet tad-dinja u involva tant persuni ta’ fidi fid-djalogu u fit-talb għall-paċi; għaqqad bla ma fixkel, ta ħajja lil ħbiberiji b’saħħithom bejn ir-reliġjonijiet u għen biex jintemmu mhux kunflitt wieħed jew tnejn. Dan hu l-ispirtu li jmexxina: niltaqgħu fid-djalogu, neħduha kontra kull xorta ta’ vjolenza u abbuż tar-reliġjon li jiġġustifikaw il-gwerra u t-terroriżmu. Madankollu, fis-snin l-imgħoddija, b’xorti ħażina tant popli xorta sfaw midruba mill-gwerra. Mhux dejjem fhimna li l-gwerra ġġib id-dinja għall-agħar, u tħalli warajha tant tbatija u mibegħda. Bil-gwerra, kulħadd hu tellief, imqar ir-rebbieħa.

 

Ressaqna t-talba tagħna quddiem Alla, biex irodd is-sliem lid-dinja. Nafu li jeħtieġ nitolbu l-ħin kollu għall-paċi, għax it-talb iħares lid-dinja u jdawwalha. Isem Alla huwa l-paċi. Min f’isem Alla jiġġustifika t-terroriżmu, il-vjolenza u l-gwerra, ma jkunx jimxi fit-triq tiegħu: il-gwerra f’isem ir-reliġjon issir gwerra lill-istess reliġjon. Għalhekk b’konvinzjoni qawwija ntennu li l-vjolenza u t-terroriżmu huma kontra l-ispirtu veru tar-reliġjon.

 

Tajna widen għal leħen il-foqra, it-tfal, il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, in-nisa u tant ħutna li qed ibatu l-gwerra; magħhom intennu bil-qawwa kollha: Le għall-gwerra! Jalla ma taqax fuq widnejn torox il-karba tat-tbatija ta’ tant innoċenti. Nitolbu lir-Reponsabbli tan-Nazzjonijiet biex ixejnu kull raġuni għall-gwerra: ir-regħba għall-poter u l-flus, il-kilba ta’ min jinnegozja l-armi, l-interessi personali, il-vendetta għall-ġrajjiet koroh tal-imgħoddi. Ħa joktor it-tħabrik konkret biex inneħħu l-kawżi moħbija wara l-ġlied: is-sitwazzjonijiet ta’ faqar, inġustizzja u nuqqas ta’ ugwaljanza, l-abbuż u l-istmerrija tal-ħajja umana.

 

Fl-aħħar nett, ħa jitnieda żmien ġdid, fejn id-dinja globalizzata ssir familja waħda ta’ ġnus. Ħa nwettqu r-responsabbiltŕ tagħna li nsawru paċi vera, attenta għall-ħtiġijiet awtentiċi tal-persuni u tal-popli, li tippreveni l-kunflitti bil-kollaborazzjoni, li tirbaħ il-mibegħda u tegħleb il-ħitan kontra l-laqgħa u d-djalogu. Xejn mhu mitluf jekk inħaddmu tassew id-djalogu. Xejn mhux impossibbli jekk induru lejn Alla fit-talb. Kollha nistgħu nibnu l-paċi; minn Assisi nġeddu b’konvinzjoni l-impenn tagħna biex inkunu bennejja tal-paċi, bl-għajnuna ta’ Alla, id f’id mal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard