FESTA TA’ SAN STIEFNU PROTOMARTRI

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
L-Erbgħa, 26 ta’ Diċembru 2018

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-ferħ tal-Milied għadu jfawwar qlubna: għadha tidwi l-aħbar meraviljuża li Kristu twieled għalina u ġab il-paċi fid-dinja.  F’dil-klima ta hena, illum qed niċċelebraw il-festa ta’ San Stiefnu, djaknu u l-ewwel martri.  Tista’ tidher stramba li t-tifkira ta’ San Stiefnu titlaqqa’ mat-twelid  ta’ Ġesù, għax joħroġ il-kuntrast bejn il-ferħ ta’ Betlem u d-dramm ta’ Stiefnu, imħaġġar f’Ġerusalemm fl-ewwel persekuzzjoni kontra l-Knisja li kienet qed titwieled.  Fl-fatt mhux hekk, għax il-Bambin Ġesù hu Iben Alla magħmul bniedem, li kellu jsalva lill-umanità bil-mewt fuq is-salib.  Issa qed nikkuntemplawh imfisqi fil-ħrieqi ġol-presepju; wara t-tislib se jkun mill-ġdid imgeżwer fil-faxex u mqiegħed ġo qabar.

San Stiefnu kien l-ewwel wieħed li mexa fuq il-passi tal-Imgħallem divin, bil-martirju; miet bħal Ġesù jafda ħajtu lil Alla u jaħfer lil dawk li kienu qed jippersegwitawh.  Żewġ atteġġjamenti: kien qed jerħi ħajtu f’idejn Alla u kien qed jaħfer.  Waqt li kien qed jisfa mħaġġar qal: “Mulej Ġesù, ilqa’ r-ruħ tiegħi” (Atti 7,59).  Huwa kliem li jixbaħ għal kollox dak imlissen minn Kristu fuq is-salbi: “Missier, nerħi ruħi f’idejk” (Lq 23,46).  L-atteġġjament ta’ Stiefnu li jimita fedelment il-ġest ta’ Ġesù, hu stedina lilna lkoll biex nilqgħu bil-fidi minn idejn il-Mulej dak li ttina l-ħajja fil-pożittiv u wkoll fin-negattiv.  L-eżistenza tagħna mhix immarkata biss b’ċirkustanzi feliċi – nafuha -, imma wkoll minn waqtiet ta’ diffikulltà u telfien.  Iżda l-fiduċja f’Alla tgħinna nilqgħu il-waqtiet iebsa u ngħejxuhom bħala okkażjoni ta’ tkabbir tal-fidi u bini ta’ relazzjonijiet ġodda ma’ ħutna. Ifisser li nintelqu għal kollox f’idejn il-Mulej li nafu li hu Missier għani fit-tjubija ma’ wliedu.

It-tieni atteġġjament li bih Stiefnu imita lil Kristu fil-waqt estrem tas-salib, kienet il-maħfra.  Hu ma jisħetx lill-persekuturi tiegħu, imma jitlob għalihom: “Niżel għarkuptejh u għajjat b’leħen għoli: “Mulej, tqisulhomx dan id-dnub” (Atti 7,60).  Aħna msejħin biex minnu nitgħallmu l-maħfra, naħfru dejjem, u din mhix ħafifa, ilkoll nafuha.  Il-maħfra twessa’ l-qalb, tiġġenera l-kondiviżjoni, tnissel is-serenità u l-paċi.  Il-proto-martri Stiefnu jurina t-triq li għandna nimxu fiha fir-relazzjonijiet inter-personali, fil-familja, fl-ambjenti tal-iskejjel, fuq il-postijiet tax-xogħol, fil-parroċċa u fil-komunitajiet differenti.  Dejjem miftuħin għall-maħfra. Il-loġika tal-maħfra u tal-ħniena dejjem hi rebbieħa u tiftaħ ixqfa ta’ tama.  Imma l-maħfra nikkultivawha bit-talb, għax jippermettilna nwaħħlu ħarsitna fuq Ġesù.  Stiefnu sab il-ħila li jaħfer lil min kien qed joqtlu għax, mimli bl-Ispirtu s-Santu, kien qed jitfa’ ħarstu lejn is-sema u kellu għajnejh mitfugħin fuq Alla (cfr Atti 7,55).  Il-qawwa li jbati l-martirju kienet ġejja mit-talb.  Għandna nitolbu lill-Ispirtu s-Santu b’insistenza sabiex jifrex fuqna d-don tal-qawwa li tfejjaq il-biżgħat tagħna, id-dgħufijiet tagħna, iċ-ċokon tagħna u twessgħalna qlubna biex naħfru.  Naħfru dejjem!

Nitolbu l-interċessjni tal-Madonna u ta’ San Stiefnu: it-talb tagħhom jgħinna nafdaw dejjem f’Alla, speċjalment fil-waqtiet diffiċli, u jsostnina fl-għan tagħna li nkunu rġiel u nisa bil-ħila li naħfru.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

insellem lilkom ilkoll pellegrini ġejjin mill-Italja u minn diversi pajjiżi.  Inġedded lilkom ilkoll l-awgurju li l-kontemplazzjoni tal-Bambin Ġesù, il-ruħ u ċ-ċentru tal-festi tal-Milied, tqanqal fikom atteġġjamenti ta’ fraternita u kondiviżjoni fil-familji u fil-komunitajiet.

F’dawn il-ġranet irċevejt ħafna messaġġi ta’ awguri minn Ruma u minn inħawi oħra tad-dinja.  Mhux possibbli li nwieġeb lil kulħadd, imma qed nitlob għalikom ilkoll.  Għaldaqstant illum irrid nesprimi lilkom u lil kulħadd ir-radd il-ħajr sinċier tiegħi, speċjalment għar-rigal tat-talb imwiegħed minn ħafna minnkom.  Grazzi ħafna!

Il-festa ta’ San Stiefnu t-tajba u, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber