Papa Franġisku

Angelus

Festa ta’ San Stiefnu,

Il-Ħamis, 26 ta’ Diċembru 2013

 

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.

Ma tibżgħux mix-xita, intom kuraġġużi!

Il-liturġija testendi s-solennità tal-Milied fuq tmint ijiem: żmien ta' ferħ għall-poplu t'Alla kollu!  F'dan it-tieni jum tal-ottava, fost il-ferħ tal-Milied, tidħol il-festa ta' San Stiefnu, l-ewwel martri tal-Knisja.

Il-ktieb tal-Atti tal-Appsotli jippreżenathulna bħala raġel mimli bil-fidi u bl-Ispirtu s-Santu (6:5), magħżul flimkien ma' sitta oħra għall-qadi tar-romol u tal-foqra fl-ewwel komunitajiet ta' Ġerusalemm.  Jirrakkuntalna wkoll il-martirju tiegħu meta, wara diskors imħeġġeġ, iqanqal ir-rabja tas-Sinedriju, jittieħed barra l-ħitan tal-belt u jitħaġġar.  Stiefnu miet bħal Ġesù, jitlob maħfra għal dawk li qaltuh (7: 55-60).

Fil-klima ferrieħ tal-Milied, din it-tifkira tista' tidher barra minn lokha.  Infatti, il-Milied huwa l-festa tal-ħajja u jnissel fina sentimenti ta' serenità u paċi.  Għalfejn allura, għandna niksru das-seher bit-tifkira ta' vjolenza tant atroċi?  Fir-realtà, fid-dawl tal-fidi, il-festa ta' San Stiefnu hi mwaħħda mat-tifsira profonda tal-Milied.  Infatti, fil-martirju, l-imħabba tegħleb il-vjolenza, il-ħajja tegħleb il-mewt.  Fis-sagrifiċċju tal-martri l-Knisja tara “t-twelid tagħhom għas-sema”.  Għalhekk illum qed niċċelebraw il-”milied” ta' San Stiefnu li fl-għeruq tiegħu jinbet mill-Milied ta' Kristu.  Ġesù jittrasforma l-mewt ta' dawk li jħobbuh f'żerniq ta' ħajja ġdida!

Fil-martirju ta' San Stiefnu tirriproduċi ruħha l-istess taqbida bejn it-tajjeb u l-ħażin, bejn il-mibgħeda u l-maħfra, bejn il-manswetudni u l-vjolenza, li sabet il-milja tagħha fuq is-Salib ta' Kristu.  Għalhekk, it-tifkira tal-ewwel martri tasal daqshekk malajr biex tħoll l-impressjoni falza tal-Milied: l-immaġni ta' ħrafa miksija biz-zokkor, li fl-Evanġelju ma teżistix!

Il-liturġija tfakkarna fis-sens awtentiku tal-Inkarnazzjoni billi tgħaqqad lil Betlem mal-Kalvarju u tfakkarna li s-salvazzjoni divina timplika l-ġlieda kontra d-dnub u tgħaddi mit-triq id-dejqa tas-Salib.  Din hija t-triq li Ġesù wera ċar lid-dixxipli tiegħu kif naqraw fl-Evanġelju tallum: Ilkoll jobgħodukom minħabba f'ismi, imma min jippersevera sal-aħħar ikun salvat. (Mattew 10:22).

Għalhekk illum nitolbu b'mod partikoalri għall-Insara li jsofru diskriminazzjoni minħabba x-xhieda li jagħtu ta' Kristu u tal-Evanġelju.  Inkunu qrib ta' dawn ħutna li, bħal San Stiefnu, jiġu akkużati inġustament u jisfaw vittmi ta' vjolenza ta' għamliet differenti.  Jien ċert li, sfortunatament, in-numru tagħhom illum hu akbar minn dak tal-ewwel żminijiet tal-Knisja.  Hemm tant minnhom!  Dan jiġri speċjalment fil-postijiet fejn għad mhemmx garanzija tal-libertà reliġjuża jew fejn il-libertà reliġjuża mhix imqegħeda fis-seħħ għal kollox.  Però dan jiġri wkoll f'pajjiżi u ambjenti fejn,  fid-dieher jitħarsu l-libertà u d-drittijiet umani waqt li fil-fatt, dawk li jemmnu, speċjalment l-Insara, jiltaqgħu ma' limitazzjonijiet u diskriminazjoni.

Nixtieq nistedinkom titolbu għal dawn ħutna fis-skiet (hawn il-pellegrini miġburin fil-pajzza għamlu ftit mumenti ta' talb fis-skiet)... u nafdawhom f'idejn il-Madonna (Ave Maria....)

In-Nisrani mhux se jistgħaġeb b'dan għax Ġesù kien ħabbru bħala okkażjoni propizja biex tingħata x-xhieda.  Madankollu, fuq il-livell ċivili, l-inġustizzja trid tkun ikkundannata u eliminata.

Marija, Reġina tal-Martri tgħinna ngħixu l-Milied b'dik il-ħeġġa ta' fidi u mħabba li tiddi f'San Stiefnu u fil-martri kollha tal-Knisja.

 

Wara l-Angelus:

Insellem lill-familji, lill-gruppi parrokkjali, l-assoċjazzjonijiet u lill-fidili individwali li ġew minn Ruma, mill-Italja u minn kull naħa tad-dinja.  Jalla li kull darba li nieqfu quddiem il-presepju f'dawn il-ġranet, biex nammiraw lil Ġużeppi u lil  Marija ħdejn Ġesù, jitqanqal fina impenn ġeneruż ta' mħabba lejn xulxin sabiex fi ħdan il-familji u fil-komunitajiet inkunu nistgħu ngħixu l-klima ta' fehim u fraternità li huma ta' tant fejda għall-ġid komuni.

Il-Milied it-tajjeb u l-ikla t-tajba!  Arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber.