VJAĠĠ APPSOTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU 
FL-IRLANDA GĦAD-IX LAQGĦA DINJIJA TAL-FAMILJI

(25-26 ta’ Awwissu, 2018)

IL-PAPA FRANĠISKU

ANĠELUS

Pjazza tas-Santwarju ta’ Knock
il-Ħadd, 26 ta’  Awwissu, 2018

 

Għeżież ħuti,

jien kuntent li ninsab hawn magħkom.  Kuntent li ninsab hawn magħkom fid-Dar tal-Madonna.  U niżżi ħajr lil Alla għall-opportunità li nżur, fil-qafas tal-laqgħa Dinjija tal-Familji, das-Santwarju tant għażiż għall-poplu Irlandiż.  Irrodd ħajr lill-Arċisqof Neary u lir-Rettur, Patri Gibbons, għal-laqgħa kordjali li tawni.  Marija Ommna taf il-ferħat u l-uġigħ li jinħass f’kull dar filwaqt li żżommhom f’qalbha immakulata u bl-imħabba tippreżentahom lit-tron ta’ Binha.

Fil-Kappella tad-Dehriet poġġejt f’idejn l-interċessjoni mimlija mħabba tal-Madonna lill-familji kollha tad-dinja u b’mod speċjali, ‘il-familji tagħkom, il-familji Irlandiżi.

B’tifkira taż-żjara tiegħi ġibt bħala rigal il-Kuruna tar-Rużarju.  Kemm hi importanti t-tradizzjoni tal-Rużarju fil-familji f’dal-pajjiż.  Nirrikmandalkom: kompluha dit-trtadizzjoni.  Kemm qlub ta’ missirijiet, ommijjiet, ulied. matul is-snin, sabu faraġ u qawwa fil-meditazzjoni dwar is-sehem tal-Madonna fil-misteri tal-ferħ, tad-dawl, tat-tbatija u tal-glorja tal-ħajja ta’ Kristu!

Marija hija Omm, Marija hi Ommna, u hi wkoll Omm il-Knisja, u huwa lilha li aħna llum nafdaw il-mixja tal-poplu fidil ta’ Alla f’din “l-Art tal-iżmerald”.  Nitolbu sabiex il-familji jkollhom sostenn fl-impenn tagħhom li jxerrdu s-Saltna t’Alla u fil-attenzjoni li jagħtu min hu tal-aħħar fost ħutna.  Fost it-tempesti u l-ħalel li qed jheddu żminijietna, jalla l-familji jkunu l-fortizzi tal-fidi u tat-tjubija, li, skont l-aħjar tradizzjonijiet tan-nazzjon għadhom jirreżistu dak kollu li jrid jiddegrada d-dinjità tar-raġel u tal-mara maħluqin xbieha t’Alla u msejħin għad-destin sublimi tal-ħajja eterna.

Jalla l-Madonna tħares bil-ħniena lill-membri kollha tal-familja ta’ Binha li qed ibatu.  Jien u nitlob quddiem l-istatwa tagħha, ippreżentajtilha, b’mod partikolari, lill-vittmi kollha tal-abbużi min-naħa ta’ membri tal-Knisja tal-Irlanda.  Ħadd minna ma jista’ jevita li jħossu mqanqal bl-istejjer ta’ minuri li sofrew l-abbużi, li nsterqitilhom l-innoċenza tagħhom jew li sfaw mifrudin minn ommijiethom u abbandunati għall-isfreġju ta’ tifkiriet ta’ tbatija.  Dil-ġerħa miftuha tisfidana biex inkunu sodi u deċiżi aħna u nfittxu l-verità u l-ġustizzja.  Nitlob il-maħfra tal-Mulej għal dawn id-dnubiet, għall-iskandlu u t-tradiment li għaddew minnu bosta fil-familja ta’ Alla.  Nitlob lill-Omm Beata tagħna biex tinterċedi għall-dawk il-persuni kollha li għaddew mill-abbużi ta’ kulll tip u biex lill-kull membru tal-familja nisranija ssaħħaħlu r-rieda li ma jippermetti qatt aktar ma jirrepetu ruħhom sitwazzjonijiet bħal dawn; u wkoll biex tinterċedi għalina lkoll sabiex inkunu nistgħu nimxu dejjem bil-ġustizzja u nsewwu, sa fejn jiddependi minna, tant vjolenza.

Il-pellegrinaġġ tiegħi f’Knock itini l-okkażjoni wkoll biex insellem minn qalbi lil-popolazzjoni maħbuba tal-Irlanda ta’ Fuq.  Minkejja li dal-vjaġġ tiegħi għal-Laqgħa Dinjija tal-Familji ma jinkludix ukoll żjara fit-Tramuntana tal-pajjiż, ibqgħu żguri li nħobbkom u jien qribkom bit-talb.  Nitlob lill-Madonna sabex issostni lill-membri  kollha tal-familja Irlandiża sabiex jipperseveraw, bħala aħwa, fil-ħidma tar-rikonċiljazzjoni.  Bi gratitudni għall-progress ekumeniku u għat-tisdiq tal-kollaborazzjoni u l-ħbiberija bejn il-komunitajiet insara, nitlob ukoll sabiex id-dixxipli kollha ta’ Kristu jipperseveraw fl-isforżi li qed jagħmlu u biex imexxu ‘l quddiem il-proċess tal-paċi ħallli jibnu soċjetà armonjuża u ġusta għall-ulied tal-lum, kemm jekk huma nsara, musulmani, għebrej, huma ta’ liema fidi huma: ulied l-Irlanda.

U issa b’dawn l-intenzjonijiet u b’dawk kollha li aħna nġorru fi qlubna, induru lejn il-Beata Verġni Marija bit-talba tal-Angelus.

 

Wara l-Angelus

Nixtieq nagħti tislima speċjali lill-irġiel u n-nisa kollha li jinsabu l-ħabs f’dal-pajjiż u rrodd ħajr b’mod partikolari lil dawk kollha li kitbuli meta saru jafu li ġej l-Irlanda.  Nixtieq ngħidilkom: jien qribkom, qribkom ħafna, ħafna ħafna.  Niżgura lilkom u lill-familjari tagħkom il-qrubija tiegħi u t-talb  tiegħi.  Marija Omm il-ħniena tishar fuqkom u ssaħħaħkom fil-fidi u t-tama.  Grazzi!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber