Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

F’dan-l-ewwel Ħadd ta’ wara l-Milied, niċċelebraw il-Familja Mqaddsa ta’ Nazaret, u l-Evanġelju jistedinna nirriflettu dwar l-esperjenza li għexu Marija, Ġużeppi u Ġesù, waqt li kienu jikbru flimkien bħala familja fl-imħabba reċiproka u l-fiduċja f’Alla.    Ir-rit li għamlu Marija u Ġużeppi bl-offerta ta’ Binhom Ġesù lil Alla, hija espressjoni ta’ din il-fiduċja.  L-Evanġleju jgħid: ‘Ħadu lit-tfajjel Ġesù Ġerusalemm biex joffruh lill-Mulej’ (Lq 2,22), kif kienet titlob il-liġi ta’ Mosè.  Il-ġenituri ta’ Ġesù jmorru fit-tempju biex juru li binhom kien ta Alla u huma kienu l-ħarriesa ta’ ħajtu mhux is-sidjien.  U dan iġagħalna nirriflettu.  Il-ġenituri kollha huma l-ħarriesa tal-ħajja ta’ wliedhom, mhux is-sidjien, u għandhom jgħinuhom jikbru, jimmaturaw.

Dan il-ġest jisħaq li Alla biss hu l-Mulej tal-istorja individwali u familjari; kollox jiġi minnu.  Kull familja hi msejħa tagħraf dan il-primat billi tindokra u teduka l-ulied biex jinfetħu għal Alla li hu l-istess għajn tal-ħajja.  Minn hawn jgħaddi s-sigriet taż-żgħgożija interjuri li, paradossalment jagħtu xiehda tagħha koppja anzjani, Xmun u Anna.  Ix-xwejjaħ Xmun, b’mod partikolari, imnebbah mill-Ispirtu s-Santu, dwar it-tfajjel Ġesù jgħid: Dan għad iġib il-waqa’ u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael u jkun sinjal ta’ kuntradizzjoni (….) sabiex jinkixfu l-ħsibijiet ta’ ħafna qlub (vv. 34-35).

Dal-kliem profetiku juri li Ġesù ġie biex iwaqqa l-ideat foloz li aħna għandna dwar Alla u anki dwarna nfusna; biex “ikun kuntradizzjoni” għaċ-ċertezzi tad-dinja li aħna nippretendu li nistrieħu fuqhom; biex jgħinna “nqumu” lejn mixja umana u nisranija vera, msejsa fuq il-valuri tal-Evanġelju.  M’hemm ebda familja umana miftuma minn dil-mixja ġdida ta’ twelid ġdid u qawmien. U kull darba li l-familji, ukoll dawk miġrugħin jew immarkati bid-dgħufija, fallimenti u diffikultajiet, iduru lura lejn l-għajn tal-esperjenza nisranija, jinfetħu għal toroq ġodda u possibiltajiet li qatt ma ħolmuhom.

Ir-rakkont tal-Evanġleju tal-lum jgħidilna li Marija u Ġużeppi, “wara li għamlu kollox skont kif titlob il-liġi tal-Mulej, reġgħu lura lejn il-Galilija, fil-belt ta’ Nażaret.  It-tifel kien jikber – jgħid l-Evanġelju – u jitqawwa, mimli bl-għerf, u l-grazzja t’Alla kienet fuqu” (vv. 39-40).  It-trobbija tal-ulied hi ferħ kbir għall-familja, dan ilkoll nafuh.  Huma destinati li jiżviluppaw u jitqawwew, jiksbu l-għerf u jilqgħu l-grazzja t’Alla, propju kif ġara lil Ġesù.  Huwa hu verament wieħed minna: Bin Alla jsir tarbija, jaċċetta li jikber, jitqawwa, mimli bl-għerf u l-grazzja t’Alla tinsab fuqu.  Marija u Ġużeppi huma mimlijin bil-ferħ xħin jaraw dan kollu f’binhom; u din hi l-missjoni li tmexxi lill-familja: li toħloq il-kundizzjonijiet li jiffavorixxu t-trobbija armonika u sħiħa tal-ulied, sabiex huma jistgħu jkollhom ħajja tajba, denja ta’ Alla, li tibni d-dinja.

U dan hu l-awgurju li jien nagħti lill-familji kollha llum, filwaqt li nakkumpanjah b’invokazzjoni lil Marija, Sultana tal-Familja.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

nesprimi l-qrubija tiegħi ma’ ħutna Kopti Ortodossi tal-Eġittu, li jumejn ilu ntlaqtu minn żewġ attentati fi knisja u f’ħanut fil-periferija tal-Kajr.  Il-Mulej jilqa’ l-erwieħ tal-mejtin, ikun sostenn għall-feruti, għall-familjari u għall-komunità kollha kemm hi, u biex jikkonverti l-qlub tal-vjolenti.

Illum nagħti tislima speċjali lill-familji li jinsabu hawn, u wkoll lil dawk li qed jarawna minn djarhom.  Il-Familja Mqaddsa tberikkom u tmexxikom fil-mixja tagħkom.

Insellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini: partikolarment lill-gruppi parrokkjali, l-assoċjazzjonijiet u ż-żgħażagħ.  Illum ma ninsewx nirringrazzjaw lil Alla għas-sena li għaddiet u għal kull ġid li rċevejna.  U jagħmel tajjeb lil kull wieħed u waħda minna li ngħaddu ftit ħin naħsbu dwar it-tajjeb kollu li rċevejna mingħand ill-Mulej matul dis-sena u niżżuh ħajr.  U jekk għaddejna minn xi provi, diffikultajiet, niringrazzawh ukoll għax għinna ngħelbu dawk il-waqtiet.  Illum hi ġurnata ta’ ringrazzjament.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u tmiem is-sena hieni.  Nirringrazzjakom mill-ġdid tal-awguri li bgħattuli u tat-talb tagħkom: u, jekk jogħġobkom, komplu itolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber