IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
il-Ħadd, 16 ta’ Settembru, 2018

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd (cfr Mk 9,38-43.45.47-48)  jippreżentalna wieħed minn dawk il-mumenti partikolari mimlijin tagħlim fil-ħajja ta’ Ġesù mad-dixxipli tiegħu.  Dawn kienu raw li wieħed raġel, li ma kienx jagħmel parti mill-gruppp tas-segwaċi ta’ Ġesù, kien qed ikeċċi x-xjaten f’isem Ġesù, u għalhekk riedu jwaqqfuh.  Bl-entużjażmu mimli żelu tipiku ta’ żgħażugh li kien, Ġwanni jtarraf dan lil Ġesù biex ifittex l-appoġġ tiegħu; iżda, għall-kuntrarju, Ġesù jwieġeb: La żżommuhx, le, għax ma hemm ħadd li se jagħmel miraklu f’ismi u mbagħad malajr se jkollu ħila jgħid kontra tiegħi. Għax min mhuwiex kontra tagħna, huwa magħna (vv. 39-40). 

Ġwanni u d-dixxipli l-oħra juru atteġġjament ta’ għeluq quddiem ġrajja li ma tidħolx fl-iskemi tagħhom, f’dal-każ l-azzjoni, minkejja li tajba, ta’ persuna “esterna” għaċ-ċirku tas-segwaċi.  Iżda minflok, Ġesù jidher li hu liberu ħafna, miftuħ għal kollox għal-libertà tal-Ispirtu ta’ Alla, li fl-azzjoni tiegħu m’għandux konfini limitati u ebda ċint magħluq.  Ġesù jrid jeduka lid-dixxipli tiegħu, u llum lilna wkoll, għal dil-libertà interjuri.

Jagħmlilna tajjeb nirriflettu dwar dan l-episodju u nagħmlu ftit eżami tal-kuxjenza.  L-atteġġjament tad-dixxipli ta’Ġesù huwa uman ħafna, komuni ħafna, u nistgħu narawh fil-komunitajiet insara ta’ kull żmien, probabbilment fina nfusna wkoll. B’intenzjoni tajba, anzi biż-żelu, nkunu rridu nħarsu l-awtentiċità ta’ xi esperjenza partikolari, billi nħarsu l-fundatur jew il-mexxej minn imitaturi foloz.  Imma fl-istess ħin qiesu hemm il-biża’ mill-konkorrenza – u dan hu ikrah: il-biża’ tal-konkorrenza -, li xi ħadd jista’ jeħdilna xi segwaċi minn tagħna, u allura ma jirexxilniex napprezzaw it-tajjeb li jagħmel ħaddieħor: ngħidu “mhux sew, għax mhux wieħed ‘minn tagħna’”.  Din hija għamla oħra ta’ awtoreferenzjalità.  Anzi hawnhekk jinsabu l-għeruq tal-prożelitiżmu.  U l-Knisja – kien jgħid il-Papa Benedittu – ma tikbirx bil-prożelitiżmu, tikber bl-attrazzjoni, jiġifieri tikber bix-xhieda mogħtija lill-oħrajn bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

Il-libertà kbira ta’ Alla fl-għotja tiegħu innnifsu għalina hija sfida u eżortazzjoni biex nibdlu l-atteġġjamenti tagħna u r-relazzjonijiet tagħna.  Hi l-istedina li llum qed jagħmlilna Ġesù.  Hu qed isejħilna biex ma nibqgħux naħsbu skont il-kategoriji ta’ “ħabib/għadu”, “huma/aħna”, “min hu ġewwa/min hu barra, “tiegħi/tiegħek”, imma mmorru aktar ‘l hinn, niftħu qlubna biex inkunu nistgħu nagħrfu l-preżenza u l-azzjoni ta’ Alla anki f’ambjenti mhux tas-soltu jew mhux mistennija u f’persuni li mhumiex parti miċ-ċirku tagħna.

Ifisser li nkunu aktar attenti għall-ġenwinitá ta’ kull ma’ jsir tajjeb, kull ma’ hu sabiħ u kull ma’ hu veru aktar milli (nkunu attenti) għall-isem ta’ mnejn ġej jew ta’ min jagħmlu.  U – kif tissuġġerilna l-bqija tas-silta tal-Evanġelju tal-lum – minflok niġġudikaw lill-oħrajn, għandna neżaminaw lilna nfusna, u “naqtgħu” mingħajr kompromessi  dak kollu li jista’ jiskandaliżża lill-persuni li huma aktar dgħajfa fil-fidi.

Il-Verġni Marija, mudell ta’ akkoljenza doċli tas-sorpriżi ta’ Alla, tgħinna nagħrfu s-sinjali tal-preżenza tal-Mulej fostna, u niskopruh kull fejn jimmanifesta ruħ, anki fis-sitwazzjonijiet fejn l-anqas nistennewhom jew mhux tas-soltu.  Tgħallimna nħobbu lill-komuintà tagħna mingħajr għejra u għeluq, dejjem miftuħin għax-xefaq mill-aktar wiesa tal-Ispirtu  s-Santu.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

nesprimi l-qrubija tiegħi lejn il-popolazzjonijiet tal-gżira ta’ Sulawesi, fl-Indonesja, li ntlaqtu mit-tsunami.  Nitlob għall-mejtin – sfortunatament f’għadd kbir – għall-feruti u għal kull min tilef id-dar jew ix-xogħol.  Il-Mulej ifarraġhom u jagħti qawwa lill-isforzi ta’ kull min hu impenjat biex jagħti l-għajnuna.  Nitlobu flimkien għal ħutna tal-gżira ta’ Sulawesi: Is-sliem għalik, Marija .....

Illum f’Marsilja qed jiġi proklamat Beatu Jean-Batiste Fouque, saċerdot djoċesan, li baqa’ viċi-kappillan tul ħajtu kollha.  Eżempju tajjeb għax-xabbaturi!  Għex bejn id-dsatax u l-għoxrin seklu, nieda bosta opri ta’ assistenza u soċjali favur iż-żgħażagħ, l-anzjani, il-foqra u l-morda.  L-eżempju u l-interċessjoni ta’ dan l-apposltu tal-karità jsostnina fl-impenn tagħna li nilqgħu u naqsmu mal-persuni li huma l-aktar svantaġġjati.  Applaws lill-Beatu Jean-Baptiste!

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini ġejjin minn diversi pajjiżi.  Insellem partikolarment lil-fidili minn Calpe (Spanja), lill-grupp tas-sindki u amministraturi tar-reġjun ta’ Salisburgu, lid-delegazzjoni internazzjonali tal-persuni neqsin mis-smigħ fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Persuni Neqsin mis-Smigħ.

Insellem lill-membri tal-komunità ta’ Sant’Egidio tar-reġjun tal-Campania, liż-żgħażagħ tal-Moviment Shalom minn Fucecchio, lill-fidili minn Foggia u lil dawk li ġew minn Rapallo.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber