IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
il-Ħadd, 28 ta’  Ottubru,  2018

Għeżież ħuti, il-jum it-taajeb! Imma ma tantx jidher tajjeb! (ix-xita u hawn ir-riħ)

Dalgħodu fil-Bażilika ta’ San Pietru iċċelebrajna l-quddiesa tal-għeluq tal-Assemblea tas-Sinodu tal-Isqfijiet iddedikata liż-żgħażagħ.  L-ewwel qari tal-Profeta Ġeremija (31,7-9) kien intunat perfettament għal dal-mument, għax hu kelma ta’ tama li Alla jagħti lill-poplu tiegħu.  Kelma ta’ faraġ, imsejsa fuq il-fatt li Alla hu missier għall-poplu tiegħu, iħobbu u jieħu ħsiebu bħal ibnu (cfr v.9); jiftaħlu quddiemu xefaq għall-futur, triq watja, aċċessibblli, li jistgħu jimxu fiha wkoll ‘l-għama u z-zopp’, il-mara tqila u fil-ħlas’ (v.8), jiġifieri l-persuni li jinsabu f’diffikultà.  Għax it-tama t’Alla mhix miraġġ kif naraw fir-riklami fejn kulħadd jidher f’saħħtu u sabih, imma hi wegħda għan-nies veri, bil-preġji u d-difetti, bil-ħiliet u d-dgħufija, bħalma aħna lkoll: it-tama t’Alla hi wegħda għal nies bħalna.

Dil-Kelma t’Alla tesprimi tajjeb ħafna l-esperjenza li għexna tul il-ġimgħat tas-Sinodu: kien żmien ta’ faraġ u tama.  Kien qabel kollox, waqt ta’ smigħ, infatti biex tisma trid iż-żmien, l-attenzjoni, ftuħ tal-moħħ u tal-qalb.  Iżda dan l-impenn, kuljum kien jinbidel f’faraġ, fuq kollox għaliex f’nofsna kien hemm il-preżenza ħajja u stimolanti taż-żgħażagħ, bl-istejjer tagħhom u l-kontribuzzjonijiet tagħhom.  Bit-testimonjanzi tal-Padri Sinodali, ir-realtà ta’ bosta suriet tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda daħlet fis-Sinodu, biex ngħidu hekk, minn kull naħa: minn kull kontinent u minn tant sitwazzjonijiet umani u soċjali differenti.

B’dan l-atteġġjament fundamentali ta’ smigħ, ippruvajna naqraw ir-realtà, nisiltu s-sinjali ta’ żminijietna.  Dixxerniment komunitarju magħmul fid-dawl tal-Kelma t’Alla u tal-Ispirtu s-Santu.  Dan hu wieħed mill-isbaħ doni li l-Mulej qed jagħmel lill-Knisja Kattolika, jiġifieri dik li jiġbor ilħna u wċuħ mir-realtajiet l-aktar varji biex b’hekk nipruvaw nagħtu interpretazzjoni li tieħu kont tal-għana u l-kumplessità tal-fenomeni, dejjem fid-dawl tal-Evanġelju.  Hekk, f’dawn il-ġranet, iddiskutejna dwar kif nistgħu nimxu flimkien quddiem tant sfidi bħalma huma d-dinja diġitali, il-fenomenu tal-migrazzjoni, is-sens tal-ġisem u tas-sesswalità, id-dramm tal-gwerer u tal-vjolenza.

Il-frott ta’ dax-xogħol diġà qed ‘jiffermenta’ kif jagħmel il-meraq tal-għeneb bil-btieti wara l-ħsad.  Is-Sinodu taż-żgħażagħ kien ħsad tajjeb, u qed iwiegħed inbid tajjeb.  Imma rrid ngħid li l-ewwel frott ta’ din l-Assemblea sinodali għandu jinstab propju fl-eżempju tal-metodu li ppruvajna nimxu fuqu, sa mill-fażi tat-tħejjija.  Stil sinodali li bħala għan ewlieni tiegħu m’għandux it-tbigħ ta’ dokument, minkejja li hu prezzjuż u utli.  Aktar mid-dokument, l-aktar ħaġa importanti hi li jinfirex l-eżempju ta’ kif tkun l-imġieba u l-ħidma flimkien, żgħażagħ u anzjani, bis-smigħ u d-dixxerniment, biex naslu għal għażliet pastorali li jwieġbu għar-realtà.

Għal dan nitolbu l-interċessjoni tal-Verġni Marija.  Lilha li hi Omm il-Knisja, nafdawlha r-radd il-ħajr tagħna lil Alla għad-don ta’ din l-Assemblea sinodali. U issa Hi tgħinna mmexxu ‘l quddiem dak kollu li ġarrabna, mingħajr biża’, fil-ħajja ta’ kuljum tal-komunitajiet.  Jalla l-Ispirtu s-Santu bil-fantasija għaqlija tiegħu, ikattar il-frott ta’ ħidmitna biex inkomplu mexjin flimkien maż-żgħażagħ tad-dinja kollha.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

nesprimi l-qrubija tiegħi mal-belt ta’ Pittsburgh, fl-Istati Uniti tal-Amerika, u partikolarment mal-komunità Għebrajka, li lbieraħ intlaqtet mill-attentat terribbli fis-sinagoga.   Jalla l-Aktar Għoli jilqa’ lill-mejtin fil-paċi tiegħu, ifarraġ lill-familji tagħhom u jwieżen lill-feruti.  Fil-fatt, aħna lkoll miġrugħin minn dan l-att diżuman ta’ vjolenza.  Jalla l-Mulej jgħinna nitfu dal-fuklari ta’ mibgħeda li qed jikbru fis-soċjetajiet tagħna billi nsaħħu s-sens ta’ umanità, ir-rispett lejn il-ħajja, il-valuri morali u ċivili u l-biża’ qaddis ta’ Alla, li hu Mħabba u Missier kulħadd.

Ilbieraħ f’Morales, fil-Gwatemala, ġew dikjarati Beati José Tullio Maruzzo, reliġjuż tal-Patrijiet Minuri u Luis Obdulio Arroyo Navarro, li nqatlu minħabba l-mibgħeda lejn il-fidi fis-seklu li għadda waqt il-persekuzzjoni kontra l-Knisja, impenjata biex tippromwovi l-ġustizzja u l-paċi.  Infaħħru lill-Mulej u nafdaw fl-interċessjoni tagħhom lill-Knisja tal-Gwatemala u lil ħutna kollha li, sfortunatament, illum, f’bosta nħawi tad-dinja, huma persegwitati għax-xhieda tal-Evanġelju.  Applaws lill-Beati l-ġodda, kulħadd!.

Insellem minn qalbi lilkom pellegrini mill-Italja u minn diversi pajjiżi, partikolarment liż-żgħażagħ ġejjin minn Maribor (Slovenja), lill-Fundazzjoni Spanjola “Centro Académico Romano” u  lill-parruċċani minn San Siro Vescovo in Canobbio (l-Isvizzera).  Insellem lill-volontarji tas-Santwarju San Ġwanni XXIII minn Sotto il Monte, f’għeluq is-60 sena mil-ħatra tal-maħbub Papa minn Bergamo; kif ukoll lill-fidili minn Cesena u minn Thiene, lill-ministranti u l-adoloxxenti tal-Azzjoni Kattolika mid-djoċesi ta’ Padova.

Illum qed tkun iċċelebrata l-festa tas-Señor de los Milagros, festa maħbuba ħafna fil-Perù kollu; indawwar ħsiebi bi gratitudni lejn il-poplu Peruvjan u lejn il-komunità Peruvjana ta’ Ruma.  Il-Ħadd li għadda kontu hawn bix-xbieha tas-Señor de los Milagros,, u jien ma ntbaħtx bikom.  Awguri f’jum il-festa!  U nsellem minn qiegħ qalbi lill-komunità Venezwelana tal-Italja, miġbura hawn bix-xbieha tas-Sinjura tagħna ta’ Chiquinquirá, la Chinita.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber