IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
il-Ħadd,
25 ta’ Novembru,  2018

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Is-solennità ta’ Ġesù Kristu Sultan, li qed niċċelebraw illum, hi mqegħeda fi tmiem is-sena liturġika u tfakkarna li l-ħajja tal-maħluq ma timxix bla skop imma sejra lejn għan aħħari: il-manifestazzjoni definittiva ta’ Kristu, Mulej tal-istorja u tal-ħolqien kollu.  It-tmiem tal-istorja se jkun is-saltna tiegħu ta’ dejjem.  Is-silta tal-Evanġelju tal-lum (cfr Ġw 18,33b-37) tkellimna dwar din is-saltna, is-saltna ta’ Kristu, is-saltna ta’ Ġesù hi u tirrakkuntalna s-sitwazzjoni umiljanti li fiha kien jinsab Ġesù wara li safa arrestat fil-Ġetsemani: marbut, insultat u meħud quddiem l-awtoritajiet ta’ Ġerusalemm.  Imbagħad jittieħed quddiem il-prokoratur qiesu xi ħadd li għamel attentat fuq is-setgħa politika biex isir re tal-Lhud.  Allura Pilatu jagħmel l-inkjesta tiegħu u f’interrogatorju drammatiku jistaqsieh għal darbtejn jekk hux sultan (cfr 33b.37).

Ġesù l-ewwel iwieġeb li s-saltna tiegħu mhix ta’ din id-dinja (v.36).  Wara jafferma: “Int qed tgħidu: jien sultan” (v.37).  Hu ċar li tul ħajtu kollha Ġesù qatt ma kellu ambizzjonijiet politiċi.  Niftakru li wara t-tkattir tal-ħobż, in-nies, entużjasti bil-miraklu, riedu jaħtruh re, biex iwaqqgħu is-setgħa Rumana u jwaqqfu mill-ġdid is-saltna ta’ Iżrael.  Imma għal Ġesù, is-saltna hi xi ħaġa oħra, ma ssirx bir-rivoluzzjoni, bil-vjolenza u bis-saħħa tal-armi.  Għalhekk, Hu kien mar waħdu fuq il-muntajna biex jitlob (cfr Ġw 6,5-15).  Issa, bit-tweġiba tiegħu lil Pilatu jurih li d-dixxipli tiegħu ma qabdux jiġġieldu biex jiddefenduh.  Huwa jgħid: “Kieku saltnati kienet ta’ din id-dinja, l-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud” (v.36)’

Ġesù jrid ifiehem li ‘l fuq mis-setgħa politika hemm oħra ferm akbar, li ma tinkisibx bil-meżżi umani.  Hu ġie fid-dinja biex iħaddem din is-setgħa, li hi l-imħabba, u biex jagħti xhieda tal-verità (cfr v.37).  Hija l-verità divina li fl-aħħar mill-aħħar hi l-messaġġ essenzjali tal-Evanġelju: “Alla huwa mħabba” (1 Ġw 4,8) u jrid iwaqqaf is-saltna ta’ mħabbtu, tal-ġustizzja u tal-paċi, fid-dinja.  Din hija s-saltna li Ġesù hu s-sultan tagħha u li tibqa’ sal-aħħar taż-żminijiet.  L-istorja tgħallimna li s-saltniet imwaqqfin fuq is-setgħa tal-armi u fuq l-abbuż tal-poter huma dgħajfa u jum jew ieħor jiġġarfu.  Iżda s-saltna t’Alla hi msejsa fuq l-imħabba u tniżżel għeruqha fil-qlub – is-saltna t’Alla tagħmel għeruqha fil-qlub - u lil min jilqa’ l-paċi, il-libertà, ittih il-milja tal-ħajja.  Ilkoll kemm aħna nixtiequ l-paċi, nixtiequ l-libertà, irridu l-milja.  Imma dan kif jinkiseb?  Ħalli l-imħabba t’Alla, is-saltna t’Alla, l-imħabba ta’ Ġesù, titwaħħad ma’ qalbek u jkollok il-paċi, ikollok il-libertà u ssib il-milja.

Illum Ġesù qed jitlobna biex inħalluh isir is-sultan tagħna. Sultan li b’kelmtu, bl-eżempju tiegħu u b’ħajtu offruta b’sagrifiċċju fuq is-salib, salvana mill-mewt, u juri – dan ir-re – t-triq lill-bniedem mitluf, jagħti dawl ġdid lill-eżistenza tagħna mmarkata bid-dubju, bil-biża’ u bl-hemm tal-ħajja ta’ kuljum.  Iżda marridux ninsew li s-saltna ta’ Ġesù mhix ta’ din id-dinja.  Hu jkun jista’ jagħti sens lill ħajjitna, li kultant tgħaddi minn provi iebsin ħafna anki minħabba l-iżbalji tagħna u dnubietna, bil-kundizzjoni ewlenija li aħna ma nimxux fuq il-loġika tad-dinja u tas-”slaten” tagħha.

Il-Verġni Marija tgħinna nilqgħu lil Ġesù bħala sultan ta’ ħajjitna u biex nifirxu s-saltna tiegħu bix-xhieda li nagħtu tal-verità li hija l-imħabba.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

ilbieraħ l-Ukrajna fakkret l-anniversarju tal-Holodomor, karestija terribbli li kienet ikkawżata mir-reġim sovjetiku u li ħalliet miljuni ta’ vittmi.  Hi xena ta’ niket kbir.  Il-ġerħa tal-imgħoddi għandha tkun appell lil kulħadd biex traġedji bħal dawn ma jtennu ruħhom qatt aktar.  Nitobu għal dak il-pajjiż għażiż u għall-paċi tant mixtieqa.  Grazzi ħafna!

Insellem lilkom pellegrini, li ġejtu mill-Italja u minn diversi pajjiżi: lill-familji, lill-gruppi parrokkjali, lill-assoċjazzjonijiet.  Insellem partikolarment li għadd kbir ta’ korijiet li ltaqgħu għat-tielet konvenju Internazzjonali fil-Vatikan u nrroddilhom ħajr għall-preżenza u għas-servizz prezzjuż li jagtu lil-liturġija u l-evanġeliżżazzjoni.

 

Insellem lill-parteċipanti tal-Kungress dar il-fertilità, imniedi mill-Università Cattolica tas-Sacro Cuore fl-okkażjoni tal-50 anniversarju tal-Enċiklika Humanae vitae ta’ San Pawlu VI; kif ukoll lill-universitarji tal-kors tal-liġi tal-unviersità Roma Tre; lill-fidili minn Pozzuoli, Bacoli u Bellizzi.  Insellem lill-membri tal-Istitut Ranchibile ta’ Palermo.  U nifirħilkom għax intom kuraġġużi biex ġejtu b’dix-xita kollha!  Intom kuraġġużi!  Bravi!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber