IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 25 ta' Awwissu, 2019

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum (cfr Lq 13,22-30) jippreżentalna lil Ġesù jgħallem fil-villaġġi fi triqtu lejn Ġerusalemm, fejn jaf li kellu jmut fuq is-salib għas-salvazzjoni tagħna lkoll.  F'dan l-isfond titfaċċa l-mistoqsija ta' wieħed raġel li jdur lejh u jgħidlu: "Mulej jaqaw ftit huma dawk li jsalvaw?"(v. 23).  Kienet kwistjoni taħraq dak iż-żmien - kemm se jsalvaw u kemm le .... - u kien hemm ħafna interpretazzjonijiet differenti tal-Iskrittura dwar dan, skont liema test ikunu qed jikkowtaw minnu.  Iżda Ġesù jaqleb il-mistoqsija ta' taħt fuq - li tħares biss lejn in-numru, jiġifieri "huma ftit?..." u, minflok it-tweġiba jpoġġiha fuq il-livell tar-responsabbiltà, u jistedinna biex iż-żmien t'issa nużawh tajjeb.  Infatti jgħid: "Tħabtu biex tidħlu mill-bieb id-dejjaq, għax kif ngħidilkom jien, ħafna għad ifittxu li jidħlu u ma jirnexxilhomx" (v. 24).

B'dal-kliem Ġesù jrid ifiehem li mhix kwistjoni ta' numru, fil-Ġenna m'hemmx 'numru limitat'!  Imma jfisser li min issa rridu nterrqu l-mogħdija t-tajba, u din it-triq hija miftuħa għal kulħadd, imma hija dejqa.  Din hi l-problema.  Ġesù ma jridx jilludina u jgħidilna:  "Iva, serrħu raskom, hija faċli, hemm triq wiesa', sabiħa u f'tarfha hemm bieb kbir ħafna....".  Mhux dan jgħid: ikellimna dwar il-bieb dejjaq.  Jgħidilna l-affarijiet kif inhuma: it-triq hija dejqa.  F'liema sens?  Fis-sens  li biex insalvaw irridu nħobbu 'l Alla u lill-proxxmu, u din  mhix ħaġa komda! Hija bieb dejjaq għax titlob ħafna minna, l-imħabba hija esiġenti, dejjem, titlob impenn, anzi 'sforz', jiġifieri rieda deċiża u perseveranti li ngħixu skont l-Evanġelju.  San Pawl isejħilha "it-taqbida t-tajba tal-fidi" (1Tim 6,12).  Hemm bżonn nisfruzaw ta' kuljum, il-ġurnata kollha, biex inħobbu lil Alla u lill-proxxmu.

U biex jispjega ruħu aħjar Ġesù jirrakkonta parabbola.  Hemm sid ta' dar, li jirrappreżenta lill-Mulej.  Id-dar tiegħu hi simbolu tal-ħajja etrena, jiġifieri s-salvazzjoni.  U hawn jerġa' jitfaċċa s-simbolu tal-bieb. Ġesù jgħid: "Meta sid id-dar ikun qam u għalaq il-bieb, intom li tibqgħu barra tibdew tħabbtu l-bieb u tgħidu: "Mulej iftħilna".  Imma Hu jweġibkom: "Ma nafx mnejn intom" (v. 25).  Għalhekk, dawn in-nies jippruvaw juru min huma, u lil sid id-dar ifakkruh: "kilna u xrobna miegħek... smajna t-twissijiet tiegħek, tagħlimek fil-pjazez tagħna" (cfr v. 26); "Jien kont hemm meta inti għamilt dik il-konferenza...." .  Iżda l-Mulej itenni li ma jafhomx u jsejħilhom "operaturi tal-inġustizzja".  Din hi l-problema!  Il-Mulej mhux se jagħrafna mill-kwalifki tagħna - "Imma, ara, Mulej, jien kont membru f'dik l-assoċjazzjoni, kont ħabib tat-tali monsinjur, tat-tali kardinal, tat-tali saċerdot...".  Le,  it-titli ma jiswex, ma jiswewx.  Il-Mulej jagħrafna mill-istil umli ta' ħajjitna, mill-ħajja tajba, mill-ħajja tal-fidi li tissarraf f'opri.

U għalina l-insara dan ifisser li aħna msejħin biex nistabbilxxu rabta vera ma' Ġesù, bit-talb, billi mmorru l-knisja, nersqu lejn is-Sagramenti u mitmugħin bil-Klema tiegħu.   Dan iżommna fil-fidi, iżoqq it-tama tagħna, ikebbes il-karità.  U hekk, bil-grazzja t'Alla, inkunu nistgħu, u għandna, 'naħlu' ħajjitna għall-ġid ta' ħutna, nitqabdu kontra kull għamla ta' ħażen u inġustizzja.

F'dan tgħinna l-Verġni Marija.  Hi għaddiet mill-bieb id-dejjaq li hu Ġesù.  Laqgħetu bil-qalb kollha u mxiet warajh kull jum ta' ħajjitha, anki meta ma kinitx tifhem, anki meta sejf nifdilha ruħha.  Għalhekk insejħulha "Bieb tas-Sema": Marija bieb tas-sema; bieb li jixbaħ eżattament lil Ġesù; il-bieb tal-qalb t'Alla, qalb esiġenti, imma miftuħa għal kulħadd.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Insellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini.

Insellem b'mod partikolari lill-komunità tal-Kulleġġ Pontifiċju Nord Amerikan, speċjalment lis-seminaristi l-ġodda li għadhom kemm waslu.  Għeżież seminaristi, inħeġġiġkom biex timpenjaw ruħkom spiritwalment u tkunu fidili lejn Kristu, lejn l-Evanġelju u lejn il-maġisteru tal-Knisja.  Jekk ma tibnux fuq dawn il-kolonni ikun impossibbli għalikom li tibnu l-vokazzjoni tagħkom kif imiss.

Insellem liż-żgħażagħ tal-Azzjoni Kattolika mid-djoċesi ta' Bologna; lill-adoloxxenti tal-Unità Pastorali minn Roveto, fid-djoċesi ta' Brescia; u lil dawk minn Ponte Nossa, fid-djoċesi ta' Bergamo.

Ilkoll kemm aħna mħassbin minħabba n-nirien kbar li qed jaħkmu l-Amażonja.  Nitolbu sabiex bl-impenn ta' kulħadd, jintfew malajr kemm jista' jkun.  Dak il-pulmun ta' foresti hu vitali għall-pjaneta tagħna.

Qed naraw li hawn xi konnazzjonali tiegħi mill-Arġentina u nsellmilhom bil-qalb!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber