IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
il-
Ħadd, 23  ta’ Diċembru, 2018

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-liturġija ta’ dar-raba’ Ħadd tal-Avvent tqiegħed fuq quddiem il-figura ta’ Marija, il-Verġni Omm, fl-istennija biex twelled lil Ġesù, is-Salvatur tad-dinja.  Insammru ħarsitna fuqha, mudell tal-fidi u tal-karità; u nistgħu nistqasu lilna nfusna: xi ħsiebijet kienu għaddejjin minn moħħha waqt it-tqala? It-tweġiba tiġi propju mis-silta tal-Evanġelju tal-lum, ir-rakkont taż-żjara ta’ Marija lill-qariba anzjana tagħha Eliżabetta (cfr Lq 1,39-45).  L-anġlu Garbrijel kien qalilha li Eliżabetta kienet qed tistenna iben u kienet diġà waslet fis-sitt xahar tat-tqala (cfr Lq 1,26.36).  Ghalhekk il-Verġni Mbierka, li kient għadha kif nisslet lil Ġesù bl-opra ta’ Alla, telqet tħaffef minn Nażaret, fil-Galilija, biex tmur lejn l-għoljiet tal-Ġudeja, sabiex iżżur lil kuġinitha.

L-Evanġelju jgħid: Malli daħlet fid-dar ta’ Żakkarija, sellemt lil Eliżabetta (v. 40).  Żgur li ferħitilha għall-maternità tagħha, l-istess bħalma għamlet Eliżabetta meta sellemet lil Marija bil-kliem: Imbierka inti fost in-nisa u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek!  U minn fejn ġieni dan li Omm il-Mulej tiġi għandi? (vv. 42-43).  U mill-ewwel faħħret il-fidi tagħha (ta’ Marija): U hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej (v. 45).  Il-kuntrast bejn Marija, li kellha l-fidi u Żakkarija ir-raġel ta’ Eliżabetta, li kien iddubita u ma emminx il-wegħda tal-anġlu tant li baqa’ mutu sat-twelid ta’ Ġwanni, hu evidenti.  Huwa kuntrast.

Dan l-episodju jgħinna naqraw il-misteru tal-laqgħa tal-bniedem ma’ Alla f’dawl partikolari għal kollox.  Laqgħa li ma saritx fit-tlellix ta’ prodiġji straordinarji imma pjuttost fid-dawl tal-fidi u tal-karità.  Infatti, Marija hi beata għax emmnet. Il-laqgħa tagħha ma‘ Alla hi frott tal-fidi.  Iżda minflok, Żakkarija li ddubita u ma emminx, safa’ trux u mutu.  It-tkabbir tal-fidi fis-silenzju: mingħajr il-fidi nibqgħu inevitabbilment torox għall-leħen li jfarraġ ta’ Alla; u nibqgħu bla ħila li nlissnu kliem ta’ faraġ u tama lil ħutna.  U dan aħna narawh kuljum: in-nies ta’ bla fidi jew li għandhom fidi żgħira ħafna, meta jersqu qrib il-persuna li tkun qed tbati, jgħidu kliem taċ-ċirkostanza, imma ma jirnexxilhomx jaslu sal-qalb għax neqsin mill-qawwa.  M’għandhomx qawwa għax neqsin mill-fidi u fin-nuqqas ta’ fidi ma jsibux il-kliem li jasal sa qalb l-ieħor.  Il-fidi, min-naħa tagħha hi mżoqqha mill-karità. L-evanġelista jirrakkonta li “Marija qamet u marret tħaffef” (v.39) għal għand Eliżabetta: bil-ħeffa, mhux bl-ansjetà, mhux ansjuża, imma bil-ħeffa, fil-paċi.  “Qamet”: hu ġest mimli bl-attenzjoni.  Setgħet baqgħet id-dar biex tħejji t-twelid ta’ binha, iżda qabel xejn kienet qed taħseb fl-oħrajn, qabel ma taħseb għaliha nfisha, u turi bil-fatti li hi dixxiplu ta’ dak il-Mulej li qed iġġorr fi ħdanha.  L-avveniment tat-twelid ta’ Ġesù, hekk beda, b’ġest ta’ karità sempliċi; wara kollox, il-karità awtentika hi dejjem frott tal-imħabba t’Alla.

L-Evanġelju taż-żjara ta’ Marija lil Eliżabetta li smajna fil-quddiesa llum, iħejjina biex ngħejxu l-Milied tajjeb, għax jittrasmettilna d-dinamiżmu tal-fidi u tal-karità.  Dan id-dinamiżmu hu frott tal-Ispirtu s-Santu: l-Ispirtu tal-Imħabba li għammar il-ġuf verġinali ta’ Marija u li mbuttaha biex tħaffef ħalli tkun ta’ servizz lill-qaribitha anzjana.  Dinamiżmu miżgħud bil-ferħ, kif jidher fil-laqgħa bejn żewġ ommijiet, li hi kollha kemm hi innu ta’ tifħir ferrieħi fil-Mulej, li jagħmel ħwejjeġ kbar biċ-ċkejknin li jafdaw fih.

Il-Verġni Marija taqlgħalna l-grazzja li ngħejxu Milied miftuh imma mhux imferrex: kordjali: fiċ-ċentru ma jkunx hemm il-’jiena’ imma l-’Int’ ta’ Ġesù u l-’int’ tal-aħwa, speċjalment ta’ dawk  li għandhom bżonn daqqa t’id.  Allura nkunu qed nagħmlu l-wisa’ għall-Imħabba li llum ukoll trid issir laħam u tiġi tgħammar fostna.

 

Wara l-Angelus!

Għeżież ħuti,

ħsiebi bħalissa jmur lejn il-popolazzjonijiet tal-Indoneżja li ntlaqtu minn traġedji naturali vjolenti b’telf kbir ta’ ħajjit umani, għadd kbir ta’ nies mitlufa u bla saqaf u ħsara materjali bla qies.  Nistieden lil kulħadd biex jingħaqad miegħi fit-talb għall-vittimi u għall-għeżież tagħhom.  Jien spiritwalment qrib ta’ min tilef daru u ta’ kull persuna li qed tbati u nitlob lil Alla biex jaħjilhom it-tbatija tagħhom.  Nagħmel appell biex lil dawn ħutna ma tonqoshomx is-solidarjetà tagħna u s-sapport ta-komunità internazzjonali.

Nitolbu flimkien ... Is-sliem għalik, Marija.......

Insellem lilkom ilkoll fidili li ġejtu minn Ruma, pellegrini ġejjin mill-Italja u minn diversi pajjiżi.  Pitgħada jkun il-Milied u ħsiebi jmur partikoalrment lejn il-familji li f’dal-ġranet jerġgħu jingħaqdu: min jgħejx bogħod mill-ġenituri jitlaq u jerġa’ lura d-dar; l-aħwa jfittxu li jerġgħu  jiltqagħu.. Fil-Milied huwa sabih u importanti li nkunu flimkien mal-familja.

Iżda hemm bosta persuni neqsin minn din il-possibiltà, għal ħafna raġunijiet; u llum irid nindirizza b’mod partikolari li dawk kollha li huma bogħod mill-familja u minn arthom.  Għeżież ħuti, il-Missier tagħna ċelesti, ma jinsiekomx u ma jabbandunakomx.  Jekk intom kristjani, nawguralkom li ssibu fil-Knisja il-veru familja, fejn iġġarrbu s-sħana tal-imħabba fraterna. U lil kull min hu bogħod mill-familja, kristjani jew mhumiex, ngħidilhom: il-bibien tal-komunità nisranija huma miftuħin, Ġesù jitwieled għal kulħadd u lil kulħadd jagħti d-don tal-imħabba t’Alla.

Nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb.  Tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci! 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber